Left arrow Mur Lura

IL-MALTA FREEPORT U T-TERMINAL TA’ BRINDISI

PR1702
Date Icon 02/11/2004

Il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni jirreferi għall-kummenti li għamel f’diversi okkażjonijiet, u speċjalment il-Ħadd, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Alfred Sant rigward l-investimenti tal-Malta Freeport fil-Brindisi Terminal Italia s.p.a.  

Diffiċli wieħed jifhem għalfejn l-Onor. Alfred Sant għażel dan il-mument biex jibda jiżra’ xniegħat u suspetti fiergħa bil-għan li jittieħed xi gwadann politiku minnhom. Dan meta tqis li l-fatti dwar dan il-każ ilhom pubbliċi u fil-media lokali u internazzjonali għal ftit aktar minn sena.  

L-Onor. Alfred Sant, donnu li ma nnotax ir-rimarka ta’ l-awdituri tal-Freeport Terminal (Malta) plc fid-dokumenti pubblikati kif titlob il-liġi u wkoll imqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra tal-Parlament. F’paġna 14 tan-noti li jakkumpanjaw lill-istqarrijiet finanzjarji tal-2003, l-awditur, jgħid li “During the current year, the Company entered into an agreement with another shareholder of Brindisi Terminal spa to acquire its share in the company for a total consideration of €351,000 (including related professional fees), equivalent to Lm149,127. Following this agreement that was executed in February 2004, this investee became a 99.65% owned subsidiary of Freeport Terminal (Malta) plc.”  

Dr. Alfred Sant qed jinjora dan il-fatt u qiegħed ukoll jagħti l-impressjoni li qed jinsa l-fatti storiċi rigward dan l-investiment.  

Li mhux qed jgħid l-Onor. Alfred Sant huwa li dan l-investiment jaf il-ġenesi ta’ kull aspett tiegħu lill-amministrazzjoni mmexxija minnu stess.  

Hi x-xewqa tal-Gvern li jkunu magħrufa l-fatti kollha dwar dan l-investiment biex minflok spekulazzjoni, il-pubbliku jkollu l-informazzjoni kollha li għandu bżonn biex jagħmel ġudizzju informat.  

Fl-1994, beda jopera l-port ta’ Gioia Tauro li daħal f’kompetizzjoni diretta u agressiva mal-Malta Freeport fil-qasam tat-trans-shipment fir-reġjun. Il-vantaġġ loġistiku ta’ Gioia Tauro kien li dan hu port fuq art biċċa waħda mal-kontinent Ewropew u li allura kull merkanzija mwassla fil-port tista’ tkompli l-vjaġġ tagħha bl-art lejn kull destinazzjoni Ewropea. Dan hu vantaġġ li l-port Malti qatt ma jista’ jkollu u għalhekk jeżistu raġunijiet strateġiċi fl-interess tal-port Malti li jkollu aċċess dirett għall-penisola Taljana. B’sieq fl-Italja t’Isfel, il-Malta Freeport seta’ wkoll ikollu ftit aktar influenza fuq il-prezzijiet fir-reġjun. Kien għalhekk li kien deċiż li l-Malta Freeport tuża l-esperjenza li kienet kisbet biex topera wkoll minn port fl-Italja biex tikkompeti għas-suq domestiku ta’ l-Italja t’Isfel.  

Fil-fatt f’Novembru 1997 (taħt Gvern immexxi mill-Partit Laburista bl-Onor. Alfred Sant Prim Ministru) il-Malta Freeport ipparteċipat fit-twaqqif tal-kumpanija Taranto Terminal Italia Spa, fejn fost l-oħrajn kien hemm imsieħba l-kumpanija Papalini srl – is-sieħeb strateġiku li kien identifikat minn Dr. Alfred Sant fl-1997. Din il-kumpanija twaqqfet biex tingħata l-konċessjoni għat-tmexxija tal-port ta’ Taranto. Fl-4 ta’ Diċembru ta’ l-istess sena din il-kumpanija ressqet it-talba tagħha lill-Awtorità tal-Port ta’ Taranto. Fil-15 ta’ Jannar 1998 din il-konċessjoni ngħatat lil-linja ewlenija tat-tbaħħir Evergreen.  

Din hi l-aktar xhieda ċara li l-fatt li l-Malta Freeport titfa’ sieqha f’port fl-Italja t’Isfel qatt ma kien politikament kontroversjali. Dan tant hu minnu li l-attentati fl-Italja li saru mill-Malta Freeport, ingħataw imbuttatura li eventwalment irriżultat determinanti mit-tmexxijja politika tal-Ministru għall-Industrija u Affarijiet Ekonomiċi ta’ dak iż-żmien Dr John Attard Montalto.  

F’Awissu 1998 (taħt Gvern immexxi mill-Partit Laburista bl-Onor. Alfred Sant Prim Ministru), il-Ministru John Attard Montalto wettaq pass determinanti ħafna fl-investiment tal-Malta Freeport fi Brindisi u wara sensiela ta’ diskussjonijiet fuq livell politiku ippresieda ċ-ċerimonja ta’ l-iffirmar bejn il-Malta Freeport u s-Sindku ta’ Brindisi Giovanni Antonino biex il-Freeport u l-Comune di Brindisi jesploraw kif, fost affarijiet oħra, jistgħu jużaw il-Port ta’ Brindisi bħala port ewlieni għall-merkanzija biex taqdi l-popolazzjoni tan-nofsinhar ta’ l-Italja.  

Din id-deċiżjoni tal-Gvern immexxi mill-Partit Laburista kienet konsistenti ma’ l-interess kummerċjali tal-Malta Freeport li minħabba li minn dejjem kien investiment kummerċjali, kien jeħtieġlu jespandi biex jibqa’ profittabbli kif ukoll għaliex kien fl-interess strateġiku tal-Malta Freeport li jkollu parteċipazzjoni diretta fis-suq Taljan.  

Il-ftehim li xpruna u ffirma l-Ministru Attard Montalto f’Awissu 1998 wassal biex ftit tax-xhur wara twaqqfet l-ażjenda Brindisi Terminal Italia spa li fiha l-Malta Freeport kellha interess minoritarju. Il-Freeport Terminal (Malta) plc kellha 40% ta’ l-ishma fil-Brindisi Terminal Italia spa. L-ishma l-oħra kienu maqsumin 40% f’idejn l-ażjenda Taljana Papalini Partecipazione srl u 20% f’idejn il-Comune di Brindisi.  

Is-sħubija ma’ dawn iż-żewġ entitajiet kienet saret fuq il-bażi li l-Malta Freeport fuq naħa waħda ħadem ma’ Papalini srl biex flimkien waqqfu kumpanija f’Diċembru 1997 biex ipprovaw jidħlu għall-port ta’ Taranto u minn naħa l-oħra mal-Comune di Brindisi bis-saħħa tal-ftehim li ppresieda l-Ministru Attard Montalto.  

Lejn l-aħħar ta’ l-1999, saret sejħa pubblika għall-proposti li ntrebħet mill-Brindisi Terminal Italia spa. Sa dak iż-żmien il-kapital tal-kumpanija kien jammonta għal Lit.200,000,000 (madwar Lm50,000).  

F’April 2000, Brindisi Terminal Italia spa ngħatat il-konċessjoni biex topera t-terminal ta’ Brindisi għal 30 sena. Il-mudell tal-konċessjoni hu kif jiġri kważi dejjem fejn port ikun operat privatament u jixbaħ ħafna dak li l-Malta Freeport Corporation ftiehmet mal-kumpanija CMA-CGM fil-proċess tal-privatizzazzjoni tal-Malta Freeport Terminals ltd. Ir-rwol ta’ l-Awtorità tal-Port huwa simili għal dak tal-Malta Freeport Corporation fil-port Malti. Il-konċessjoni [li fiha moll ta’ 450 metru b’fond ta’ 14-il metru u aktar minn 200,000 metru kwadru, (ftit anqas minn nofs id-daqs tal-Malta Freeport)] ngħatat lill-Brindisi Terminal Italia spa għal 30 sena għal kirja ta’ madwar Lm32,000 fis-sena sakemm jitlestew ix-xogħolijiet infrastrutturali mill-Awtorità tal-Port. Kif dawn jitlestew kollha din il-kirja kellha titla’ għal madwar Lm150,000 fis-sena.  

Bħala sid maġġoritarju, Papalini Partecipazione srl kellha l-kontroll kollu tal-management u l-operat amministrattiv ta’ Brindisi Terminal Italia spa. Freeport Terminal (Malta) plc kellha responsabbiltajiet limitati biss, għall-marketing tat-terminal.  

Il-ftehim oriġinali fil-konċessjoni kien jgħid li l-Awtorità tal-Port kienet ser tinvesti fix-xogħlijiet infrastrutturali li kien hemm bżonn u li kienu stmati li jiswew madwar €13.8 miljun. Fil-fatt hekk kif ingħatat il-konċessjoni (April 2000), l-Awtorità tal-Port bdiet il-proċess biex toħroġ sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet infrastrutturali.  

F’Mejju 2000, il-kumpanija bdiet topera u fl-ewwel xhur ta’ ħidma tagħha rnexxiela tattira lejn Brindisi tnejn mill-akbar operaturi fil-qasam. F’Novembru 2000, Brindisi Terminal Italia issellfet €10.7 miljun biex tkun tista’ tixtri l-apparat hekk kif kien mistenni minnha skond il-koncessjoni li ngħatatilha. Dan is-self għamlu tajjeb għalih kemm il-Freeport Terminal (Malta) plc kif ukoll Papalini srl. Il-Gvern Malti ma ta ebda garanzija fuq dan is-self. Sa l-aħħar tas-sena 2002, minħabba l-investiment li kien qiegħed isir, il-kapital tal-kumpanija reġa’ żdied għal total ta’ €6 miljun. Papalini srl kellha 59.4693% ta’ l-ishma b’valur ta’ €3.578 miljun, il-Freeport Terminal (Malta) plc kellha 40% ta’ l-ishma b’valur ta’ €2.4 miljun u l-Comune di Brindisi kellu 0.416% ta’ l-ishma b’valur ta’ €20,800.  

F’Novembru 2002, wieħed mill-banek ta’ Brindisi Terminal Italia spa (Monte dei Paschi di Siena) kiteb direttament lill-Malta Freeport biex jgħidilhom li Brindisi Terminal Italia spa kienet waqgħet lura fil-pagamenti. Il-Freeport Terminal (Malta) p.l.c. s’issa ma kienx ngħata ebda indikazzjoni mill-management ta’ Brindisi Terminal Italia spa li kien hemm dan it-tip ta’ diffikultajiet finanzjarji.  

F’Ġunju 2003, ħabta u sabta u mingħajr avviż, is-sid maġġoritarju ta’ Brindisi Terminal Italia spa, Papalini srl, ġie dikkjarat fallut. Dan fisser li l-garanziji kollha li ngħataw lill-banek għas-self ta’ Brindisi Terminal Italia spa, li jammontaw għal-€26.7 miljun,  ġew responsabbiltà tal-Freeport Terminal (Malta) plc.  

Wara talba tal- Freeport Terminals Malta p.l.c., Brindisi Terminal Italia spa kitbet ittra legali lill-Awtorità tal-Port minħabba li din kienet qed tikser il-ftehim dwar l-iżvilupp infrastrutturali li ntrabtet fih meta ħarġet il-konċessjoni. B’din l-azzjoni Brindisi Terminal Italia spa kienet qed iżżomm lill-Awtorità tal-Port responsabbli għad-danni kkawżati mid-dewmien biex isiru x-xogħlijiet infrastrutturali.  

Fi Frar 2004, biex tissalvagwadja l-interessi tagħha, Freeport Terminal (Malta) p.l.c. xtrat l-ishma li Papalini s.r.l kellha fil-Brindisi Terminal Italia s.p.a. għas-somma ta’ €351,000, li jammontaw għal 10% tal-valur nominali ta’ dawn l-ishma. Li kieku l-Malta Freeport ma xtratx mingħand il-likwidatur l-ishma li kellu Papalini srl, il-Brindisi Terminal spa kienet tiġi dikkjara falluta. Li kellu jiġri hekk, il-Malta Freeport kien  ikollha tħallas l-ammonti garantiti lill-banek ta’ Brindisi Terminal Italia spa, jiġifieri jkollha tħallas madwar €26.6 miljun f’daqqa waħda.  

Minħabba li l-Freeport Terminal (Malta) p.l.c. xtrat dawn l-ishma, dawn l-exposures ta’ €26.6m qed jitħallsu b’pass ħafna anqas gravi. Dawn il-ħlasijiet m’humiex investiment ġdid tal-Freeport Terminal (Malta) p.l.c., iżda ħlasijiet dovuti lill-banek fuq self li ngħatat Brindisi Terminal Italia s.p.a. biex setgħet tixtri l-apparat u l-makkinarju biex topera. Barra minn hekk dawn il-ħlasijiet qegħdin jaqtgħu mill-exposures li jħallsu l-Brindisi Terminal Italia s.p.a.  

Hekk kif ħadet il-kontroll tat-terminal ta’ Brindisi u Papalini nħareġ mix-xena, il-Malta Freeport bdiet l-azzjonijiet biex issewwi s-sitwazzjoni u tikkontrolla it-telf. Il-Freeport Terminal (Malta) plc naqqset l-impjegati ta’ Brindisi Terminal Italia spa għal 17 u ftiehmet ma’ CMA-CGM biex dawn jibdew servizz ta’ kull ġimgħa bejn Malta u Brindisi.  

Bħal-issa l-Freeport Terminals Malta p.l.c. għaddejja bil-ħidma tagħha biex tbiegħ sehemha fil-Brindisi Terminal Italia s.p.a. Dan qed isir, għax il-Brindisi Terminal Italia s.p.a., m’għadiex fil-pjanijiet strateġiċi tal-Malta Freeport Corporation, wara l-privatizzazzjoni tal-Malta Freeport Terminal Ltd.   

Sadanittant inbdiet azzjoni legali biex tipproteġi l-interessi Maltin. Brindisi Terminal Italia s.p.a għamlet talba formali lill-likwidatur ta’ Papalini Partecipazione s.r.l għall-ammonti dovuti lilha. Din it-talba hi inkluża fit-talbiet tal-kredituri ta’ Papalini Partecipazione s.r.l.  

Il-Gvern jirrafferma li d-deċiżjoni li ħa fi Frar, li jixtri l-ishma li Pappalini s.r.l. li kellha fil-Brindisi Terminal s.p.a, saret fl-aħjar interess biex tevita li l-Brindisi Terminal s.p.a tiġi dikjarata falluta. L-akbar konsegwenza ta’ dikjarazzjoni ta’ falliment kienet tkun li Brindisi Terminal Italia s.p.a titlef il-konċessjoni biex topera t-terminal ta’ Brindisi li hi l-unika valur li għandha l-kumpanija jekk tiġi biex tinbiegħ. Il-bżonn li Brindisi Terminal Italia s.p.a tinġagħab f’pożizzjoni li tinbiegħ jiġi mir-rieda tal-Gvern li jirkupra kull ma jista mill-ispiża li swiet din l-inizjattiva li oriġinat mill-Gvern immexxi minn Dr. Alfred Sant.  

DOI  02.11.2004

25.36 Kbytes Last Modified on 02nd November, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow