Left arrow Go Back

IN-NISA FL -ISPORT

PR1699
Date Icon 01/11/2004

“Filwaqt li dejjem irridu nkomplu naħdmu biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isport, illum nistgħu ngħidu kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel għandhom opportunitajiet indaqs fejn tidħol il-prattika ta’ l-isport.  Għalkemm l-assoċjazzjonijiet sportivi ewlenin illum inkludew is-settur femminili fil-prattika tad-dixxiplini rispettivi tagħhom, xorta għadhom qed iħossu nuqqas ta’ parteċipazzjoni min-nisa Maltin fil-livelli kollha, kemm bħala atleti u wisq aktar bħala amministraturi, u f’xi każi iżolati jidher li hemm tnaqqis fl-interess minn naħa tan-nisa.” Dan qalu l-Ministru responsabbli għall-iSport Louis Galea fil-bidu tat-tieni jum ta’ Seminar li qed jiġi organizzat mill-Kumitat Olimpiku Malti intitolat “In-Nisa fl-iSport: Nilqgħu l-Isfida”.  

Il-Ministru Louis Galea qal li “hi priorita’ ta’ dan il-Gvern li jara li n-nisa jkollhom opportunitajiet indaqs u li fejn hemm bżonn isir dak kollu possibbli biex il-parteċipazzjoni tan-nisa tkompli tiżdied għal-livelli mixtieqa”.  Hu tenna li fil-qasam ta’ l-isport hu għadu mhux kuntent bil-livell ta’ parteċipazzjoni tan-nisa u għalhekk jixtieq jara aktar nisa jidħlu għall-isport minn eta’ żgħira u jkomplu anke sal-livelli ta’ amministrazzjoni.  Hu qal li madankollu wieħed irid jinnota b’sodisfazzjon l-avvanz li sar fl-isport tan-nisa fejn dan m’għadhux jitqies inferjuri għal dak ta’ l-irġiel.  Fil-fatt diversi organizzazzjonijiet ta’ l-isport ma jagħmlux differenza bejn is-sessi fejn għadhom x’jaqsmu l-intensita’ u l-etajiet.  

Il-Ministru Galea semma wkoll dak li jgħid il-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar l-isport partikolarment il-valuri tad-demokrazija u l-parteċipazzjoni, l-involviment u l-motivazzjoni, l-integrazzjoni u koeżjoni soċjali u l-edukazzjoni u s-saħħa.  Hu semma partikolarment artiklu numru erba’ taċ-Charter Ewropew ta’ l-iSport li jeżiġi li ma jista’ qatt ikun hemm diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, razza, kulur, lingwa, reliġjon, twemmin politiku jew fuq xi bażi oħra għall-aċċess liberu għall-isport u faċilitajiet sportivi.  

Louis Galea sostna li jrid isir kull sforz possibbli mill-organizzazzjonijiet sportivi biex jgħinu lill-Maltin jilħqu l-milja tagħhom anke fl-isport, dan ifisser li jridu jaraw li mhux biss jingħataw l-istess aċċess għall-isport iżda jaraw ukoll li joffru inċentivi biex jimmotivaw aktar rġiel u nisa biex jersqu lejn l-isport.  

Louis Galea qal li kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa għandhom bżonn jallokaw aktar mill-ħin liberu tagħhom għall-isport u l-eżerċizzju fiżiku.  Hu semma statisika maħruġa f’ Lulju ta’ din is-sena mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-istatistika li turi li kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa jallokaw ammont żgħir ħafna tal-ħin liberu tagħhom għall-isport u attivitajiet fiżiċi.  Fil-fatt, kuljum, mill-ħin liberu tagħhom l-irġiel jallokaw 32.2 minuta matul il-ġimgħa u 52.5 minuti fi tmiem il-ġimgħa għall-isport u attivitajiet fiżiċi dan ifisser li l-irġiel jallokaw 10.8% u 13.8% tal-ħin liberu tagħhom rispettivament.  In-nisa jqattgħu inqas mill-ħin liberu tagħhom kuljum f’dawn l-attivitajiet b’ 24.1 minuta (9%) matul il-ġimgħa u 30.8 minuti (9.9%) fi tmiem il-ġimgħa.  Il-miżżewġin u partikolarment dawk in-nisa ta’ bejn 35-54 sena, jallokaw anqas ħin minn oħrajn.

Louis Galea qal li kulħadd irid jalloka l-ħin b’mod aktar ekwu għax jidher li bħala pajjiż qed inqattgħu wisq mill-ħin tagħna b’mod sedentarju jew b’mod qiegħed.  Fil-fatt jidher li minn madwar ħames siegħat li l-Maltin iqattgħu kuljum f’ħin liberu 45% tal-ħin liberu qed jiġi mqatta’ quddiem it-televiżjoni jew f’attivitajiet simili. It-tfal ukoll jidher li qed iqattgħu żmien twil quddiem it-televiżjoni b’aktar minn 190 minuta kuljum matul il-ġimgħa.  

Il-Ministru Louis Galea temm jgħid li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja huma essenzjali llum aktar minn qatt qabel peress li llum hemm aktar familji fejn kemm ir-raġel kif ukoll il-mara jaħdmu.  Irid ikun hemm ukoll bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa fil-qadi tad-dmirijiet li għandhom fid-dar u mat-tfal tagħhom.  Mill-istatistika jidher li n-nisa għadhom qed ikollhom ilaħħqu max-xogħol u l-ħajja familjari u li l-irġiel mhumiex qed jieħdu sehem biżejjed fil-ħajja familjari.  B’bilanċ aħjar kulħadd ikun jista’ jalloka hin b’mod aktar ekwu u bilanċjat.  

Dan hu t-tieni seminar li qed jorganizza l-KOM; l-ewwel wieħed kien sar fl-2002 u kien intitolat “In-Nisa fl-iSport: Sħubija għal ħajja aħjar”.  Din is-sena bħala kelliema ewlenija ġiet mistiedna Dr. Rodoula Tsiotsou esperta fl-amministrazzjoni sportiva.  Kelliema oħrajn jinkludu lil Dr. Janet Mifsud (Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni u l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa), is-Sinj. Liz Said (Kummissjoni Nisa fl-iSport), is-Sinj. Rose Ann Gatt, is-Sur Ivan Riolo, is-Sinj. Marie Therese Zammit (MOC Director Elite Athletes) u s-Sur Henry Brincat u s-Sur Paul Grech ġurnalisti sportivi fost oħrajn.

DOI  01.11.2004

9.95 Kbytes Last Modified on 01st November, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow