ŻIEDA FIT-TURIŻMU GĦALL-ĦAMES XAHAR WARA L-IEĦOR
Għal ħames xahar wara l-ieħor kien hemm żieda fin-numru ta’ turisti li ħallew Malta . Ċifri ppubblikati mill-Uffiċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika juru li f’Settembru n-numru ta’ turisti li ħallew Malta żdiedu b’sitta fil-mija minn 122,076 f’Settembru tas-sena l-oħra għal 129,425 f’Settembru ta’ din is-sena.
Fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 918,072 turist ħallew Malta . Din kienet żieda ta’ 2.1 fil-mija fuq l-istess perijodu s-sena l-oħra. Kien hemm żieda ta’ 4.5 fil-mija ta’ turisti mill-Ġermanja, żieda ta’ 14.2 fil-mija minn Franza, żieda ta’ 1.3 fil-mija mill-Italja kif ukoll żidiet mill-Belġju, Danimarka, Svezja, Russja, Norveġja u Stati Uniti ta’ l-Amerika. Fl-istess waqt kien hemm tnaqqis ta’ 4.5 fil-mija tat-turisti li ġew mir-Renju Unit kif ukoll tnaqqis mill-Awstrja, l-Olanda, l-Isvizzera u l-Libja.
“Kif konna ilna nipprevedu s-settur turistiku kellu jibda jirpilja fit-tieni kwart ta’ din is-sena. Iċ-ċifri ppubblikati juru li sal-aħħar ta’ Settembru mhux talli għamilna tajjeb għat-telf li sofrejna fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena iżda żidna aktar minn tnejn fil-mija fuq l-istess perijodu tas-sena l-oħra. Ċifri li għandna f’idejna jindikaw li x-xahar ta’ Ottubru kien tajjeb ukoll,” qal il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta mitlub jikkumenta dwar ċ-ċifri ppubbikati.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fil-qasam turistiku trid tkun kawt. Hu tenna li jekk ma jiġri xejn li jxejjen ix-xejriet pożittivi fil-qasam turistiku allura din is-sena għandha tkun waħda pożittiva li tibda tagħtina lura t-turisti li tlifna bejn l-2001 u l-2003.
DOI - 29.10.2004
5.7 Kbytes Last Modified on 29th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946