Left arrow Mur Lura

KONFERENZA STAMPA MILL-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN DWAR SEMINAR BIT-TEMA “IL-KTIEB MALTI U L-LIBRERIJI PUBBLIĊI” – AUBERGE D’ARAGON, VALLETTA - IL-ĦAMIS, 28 TA’ OTTUBRU 2004

PR1694
Date Icon 29/10/2004

Kemm ilu li twaqqaf il-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Libreriji Pubbliċi beda jingħata aktar attenzjoni settur partikolari li waqa’ taħt ir-responsabbilta’ u l-kontroll ta’ numru ta’ Kunsilli Lokali.  

Kif qed isir magħruf, illum il-ġurnata żdiedu b’mod qawwi l-Kunsilli li ġie devolut lilhom dawn il-libreriji pubbliċi.  Dan fih innifsu kien u jibqa’ pass importanti u progressiv.  Jekk irridu naraw żieda f’ħidmet il-Kunsilli Lokali għandna nimxu f’din id-direzzjoni.  Jekk għandna nħarsu lejn il-Kunsilli bħala organi importanti fl-istat demokratiku tagħna rridu nieħdu ħsieb li dan isir u jsir kemm jista’ jkun kullimkien.  Pero’dan mhux biżżejjed.  Hemm bżonn li nidħlu iktar fil-fond.  

Irridu nassiguraw li dawn il-libreriji ma jispiċċawx f’limbu li ħadd ma jagħti każ sewwa tagħhom.  Għax huwa veru li hemm Kunsilli Lokali li għamlu differenza, per eżempju dak ta’ Birkirkara li mill-figura ta’ 6,870 fis-sena 2002 bħala self ta’ kotba, is-sena l-oħra din il-figura telgħet għal 43,930; jew tal-Gudja li minn 2,512 telgħu għal 11,300 jew iż-Żebbuġ, Għawdex li minn 401 ktieb, is-self tela’ għal 4,899 ktieb.  Hemm fatturi li jgħinu dan, fosthom ix-xiri ta’ kotba ġodda li huma ta’ sustanza u li jinteressaw lill-poplu, kif ukoll kampanji organizzati apposta mill-istess Kunsilli Lokali.  Pero’ rridu ngħidu u nuru li mhux kollox huwa ward u żahar, kif jixhdu dawn il-figuri kunsill, kunsill.  

Hemm bżonn li l-poplu jagħti l-opinjoni tiegħu u jiddaħħal jipparteċipa iktar f’dan il-qasam.  Ma huwiex aċċettabbli li numru ta’ Kunsilli ma jagħtu każ, kważi xejn, tal-librerija pubblika li jkollhom f’idejhom.  Hemm bżonn li kull Kunsill ikollu strateġija ċara u li tiġi ppreżentata u mħaddma kull sena sabiex l-ewwel jiżdiedu l-kotba u t-tieni li jiżdiedu dawk li jissellfu l-kotba.

Fl-aħħar laqgħat ta’ dan il-Kumitat, kif ukoll wara l-aħħar seminar li sar fl-20 ta’ Marzu ta’ din is-sena bit-tema “Il-Kunsilli Lokali u l-Libreriji Pubbliċi – Inħarsu ’l Quddiem”, ħareġ ċar li ħafna f’dawn il-Gżejjer ifittxu l-kotba bil-Malti.  Hemm bżonn li nassiguraw li jkun hemm iktar kotba bil-lingwa tagħna fuq l-ixkafef ta’ dawn il-libreriji.  Iktar u iktar illum meta l-lingwa tagħna hija waħda minn dawk li jiġu wżati fl-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea.  Ir-rappreżentanti tagħna jistgħu jitkellmu bil-lingwa tagħna u jwasslu l-messaġġ kif iridu huma f’liberta’ sħiħa.  Għalhekk ma għadx hawn il-ħsieb li biex tikkomunika fl-Ewropa trid bilfors tarmi l-lingwa tiegħek u tuża dik ta’ ħaddieħor.  Dan il-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Libreriji Pubbliċi fil-Kunsilli Lokali, immexxi miċ-Chairman Oscar Grech, qiegħed jikkonċentra ħidmietu fuq l-importanza tal-ktieb Malti.  

Kif ġie mħabbar fl-1 ta’ Settembru, 2004 il-Kumitat inxteħet sabiex din il-ħidma tissoda aktar.  Għalhekk, għada l-Ġimgħa 29 ta’ Ottubru, ġewwa s-Sala tal-Komunita’ fil-Mosta ser jiġi organizzat Seminar bit-tema “Il-Ktieb Malti u l-Libreriji Pubbliċi”.  Hemm ser jiġu diskussi żewġ temi ta’ natura importanti u li għandhom jiftħulna aktar għajnejna fuq kemm dan huwa ta’ bżonn.  L-ewwel waħda ser tiddiskuti “Avvanzi, tendenzi u żviluppi fil-Letteratura Maltija” fejn ser jipparteċipaw is-Sur Trevor Zahra u s-Sur Immanuel Mifsud u t-tieni waħda “Sehem il-Ktieb Malti fl-Iżvilupp tal-Letteratura Ewropea” fejn ser ikun hemm il-Prof. Oliver Friggieri u s-Sur Frans Sammut.  

Dan is-seminar huwa ntenzjonat li jkompli jkabbar l-interess u jħeġġeġ l-ewwel li l-Kunsilli Lokali kollha jieħdu dan is-suġġett bis-serjeta’ u t-tieni sabiex iktar Maltin u Għawdxin ifittxu s-servizzi mogħtija mil-libreriji pubbliċi tagħna.

DOI – 29.10.2004

7.97 Kbytes Last Modified on 29th October, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow