IL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET RURALI U L-AMBJENT IMPENJAT LI JIRRANĠA L-KWISTJONI BEJN IR-RAĦĦALA U L-BIĊĊIERA DWAR IĊ-ĊANGA
B’riferenza għall-istqarrija maħruġa mill-GRTU dwar il-kwistjoni ta’ ċanga li nħolqot bejn il-biċċiera u r-raħħala, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent irid jerġa’ jtenni l-impenn tiegħu li bħalma għamel sa’ issa, għadu dispost li jgħin biex iż-żewġ naħat jaslu għal ftehim.
Madanakollu, il-pożizzjoni tal-Ministeru kienet u għadha waħda ċara li mhux lest jawtorizza ebda sussidju ieħor ħlief dak miftiehem fl-Enhanced Livestock Premium Scheme li kienet approvata mill-Kabinett fi tmiem is-sena l-oħra. B’dan kienu wkoll infurmati l-biċċiera. Il-Gvern hu determinat ukoll li jassigura li s-sussidji li qiegħed jagħti lis-settur ikunu wkoll riflessi wkoll fil-prezzijiet lill-konsumaturi.
Kuntrarju għall-impressjoni li ppruvat tagħti l-istqarrija tal-GRTU, mhuwiex minnu li matul il-perjodu tal-kwistjoni l-Ministru ltaqa’ mar-raħħala u ma riedx jiltaqa’ mal-biċċiera. Il-verita’ hi li l-laqgħa ta’ medjazzjoni tmexxiet mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru u ma saret ebda laqgħa oħra ma’ xi waħda miż-żewġ partijiet li fiha kien preżenti l-Ministru.
F’dik il-laqgħa l-Ministeru reġa’ tenna l-impenn li tiddaħħal is-sistema ta’ grading u dan fl-aħjar interess ta’ kulħadd.
Il-Ministeru ma jistax jirrakomanda ftehim li ma jibqax jorbot sa’ wara d-data tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Bħalma ntqal f’diversi okkażjonijiet, iż-żewġ partijiet għandhom jaħdmu bla heda biex isibu soluzzjoni dejjiema u joħolqu atmosfera ta’ koperazzjoni li tassigura l-ġejjieni tagħhom f’suq liberalizzat kif ser ikun wara l-1 ta’ Mejju.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en