MALTA , GRECJA U CIPRU JIMBLUKKAW DEĊIŻJONI EWROPEA DWAR REATI TA’ TNIĠĠIŻ TAL-BAĦAR LI HUMA DISKRIMINATORJI
Malta imblukkat, bil-vot tagħha flimkien mal-Greċja u Ċipru, deċiżjoni fil-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern, li setgħet tagħmel ħsara lir-reġistrazzjoni ta’ vapuri f’Malta.
Fis-7 ta’ Ottubru il-Kunsill tal-Ministri tat-Trasport kien approva Direttiva dwar it-tniġġiż tal-baħar illi, fil-fehma ta’ Malta u żewg pajjiżi oħra, il-Greċja u Ċipru, tagħmel ħsara lil dawk il-pajjiżi fl-Ewropa li għandhom reġistrazzjoni qawwija ta’ vapuri. Malta , il-Greċja u Ċipru għandhom il-maġġoranza tal-vapuri reġistrati fl-Ewropa.
Peress li din id-Direttiva tipprovdi sanzjonijiet kriminali, dawn is-sanzjonijiet setgħu jiġu approvati biss permezz ta’ Deċiżjoni mill-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern fejn, kuntrarjament għall-Kunsilli tal-Ministri tat-Trasport, tapplika r-regola ta’ l-unanimita’.
Malta , flimkien mal-Greċja u Ċipru, ivvutaw kontra fil-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern u allura imblukkaw din id-deċiżjoni dwar sanzjonijiet penali għad-Direttiva u dan għal dawn ir-raġunijiet:
1. Id-Direttiva toħloq bħala reat sitwazzjonijiet illi skond il-Konvenzjoni MARPOL (Marine Pollution) ta’ l-International Maritime Authority (IMO) mhux konsiderati bħala ksur tal-liġi internazzjonali, u dan minkejja illi l-istati membri kollha ta’ l-Unjoni Ewropea huma firmatarji ta’ din il-Konvenzjoni.
2. Waqt li d-Direttiva tagħti għażla lill-istati membri jekk jimponux sanzjonijiet penali jew amministrattivi għal każijiet ta’ tniggiż tal-baħar, id-Deċiżjoni tipprovdi biss għal sanzjonijiet kriminali
3. Id-Deċiżjoni tippenalizza lil, u tiddiskrimina kontra, vapuri reġistrati fl-Unjoni Ewropea fis-sens illi kaptan ta’ vapur li b’negliġenza jikkontamina l-baħar f’ibħra territorjali ta’ stat membru, jista jeħel piena ta’ ħabs jekk il-vapur hu reġistrat f’pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea, fil-waqt li jekk il-vapur hu reġistrat barra mill-Ewropa, il-kaptan jeħel biss piena ta’ multa.
B’hekk kieku għaddiet din ir-regola, sidien ta’ vapuri kienu jaqilbu r-reġistrazzjoni tagħhom għal pajjiżi barra mill-Ewropa, ħaġa li tkun ta’ detriment kbir għall-ekonomija ta’ Malta .
Fid-dawl ta’ dan, minkejja pressjoni fuq Malta , il-Greċja u Ċipru din id-deċiżjoni ġiet imblukkata.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946