KAMPANJA TA’ TINDIF TAL-BAJJIET F’GĦAWDEX
Ammont kbir ta’ skart ittella’ minn qiegħ il-baħar fil-bajjiet prinċipali f’Għawdex u Kemmuna matul ix-xhur ta’ Lulju, Awissu u Settembru waqt kampanja ta’ tindif imwettqa mill-Ministeru għal Għawdex.
Għat-tieni sena konsekuttiva, ħdax-il bajja f’Għawdex u Kemmuna ġew imnaddfa mill-Ministeru għal Għawdex permezz ta’ għaddasa tal-Fergħa ta’ Għawdex tas-Soċjeta’ tas-Salib l-Aħmar u tal-Victoria Scouts Group, minn skart li jkun intefa’ fil-baħar min-nies irresponsabbli.
Il-bajjiet li ġew imnaddfa din is-sena kienu x-Xlendi, Marsalforn, ix-Xwejni, il-Qbajjar, ir-Ramla l-Ħamra, Daħlet Qorrot, Ħondoq ir-Rummien, il-Qawra fid-Dwejra kif ukoll il-Blue Lagoon u l-Bajja ta’ Santa Marija f’Kemmuna.
L-aktar bajja li minnha ttella’ skart kienet il-Blue Lagoon b’mhux anqas minn 740 flixkun tal-birra u ilma ta’ barra u 64 tyre ta’ karozza u żewġ tyres ta’ inġenji kbar. Il-bajjiet u l-postijiet li fihom isiru l-barbecues kienu l-aktar postijiet li minnhom ittella’ skart bħal fliexken tal-ħġieġ u plastik kif ukoll materjal ieħor. Tipi oħra ta’ skart kien dak tal-bini u wires ta’ l-elettriku, biċċiet tal-ħadid, ħbula, ktajjen u bottijiet. L-aktar bajja nadifa kienet dik tar-Ramla l-Ħamra fejn il-ftit materjal bħal karti u boros tal-plastik li nstabu probabbilment tajjarhom ir-riħ minn fuq ix-xtajta.
Wara s-suċċess li kisbu dawn iż-żewġ kampanji ta’ tindif, hemm il-ħsieb li din l-inizjattiva tiġi ripetuta s-sena d-dieħla. L-għan ta’ din il-kampanja huwa biex filwaqt li l-bajjiet ikunu mnaddfa biex jitgawdew kemm mill-Għawdxin kif ukoll minn dawk kollha li jżuru ‘l Għawdex matul ix-xhur tas-sajf, tinħoloq kuxjenza fost il-poplu biex jagħraf iżomm l-ambjent ta’ madwaru nadif.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946