Left arrow Go Back

RIFORMA FL-EDUKAZZJONI BI DJALOGU MA’ KULĦADD

PR1663
Date Icon 25/10/2004

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Dr. Louis Galea ħa nota tar-rapporti fil-media tal-kummenti li għamlu l-President u s-Segretarju Ġenerali ta’ l-MUT dwar proposti tal-Ministeru għal riforma fil-qasam ta’ l-edukazzjoni.  

Il-media rrapportat laqgħat ta’ l-MUT li saru nhar il-Ġimgħa, waħda għad-delegati fil-Kwartieri tal-MUT fil-Belt, u laqgħa oħra li l-MUT kellha mal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Dr. Alfred Sant fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Hamrun.  

Il-Ministru Galea ma jridx jidħol fid-dettal tal-kummenti kollha li saru biex jevita polemiki inutli li ma jwasslu imkien.  

Il-Ministru Louis Galea isostni li mhux veru li huwa mhux qed iżomm l-MUT informata jew li mhux qed jikkonsulta magħha dwar il-proposti li l-Ministeru qed jaħdem fuqhom għal riforma fis-settur edukattiv.  Lanqas mhu veru li l-affarijiet qed isiru minn wara dahar il-Union.  

Bil-kontra! Il-Ministru sa minn nofs is-sena li għaddiet, hekk kif hu beda jsawwar il-kunċett tar-riforma, iltaqa` mill-ewwel mal-President u s-Segretarju Ġenerali tal-MUT u beda jiskambja magħhom l-ewwel ħsibijiet dwar is-suġġett. Wara din il-laqgħa informali ma’ l-MUT il-Ministeru beda fażi twila ta’ konsultazzjoni interna mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni biex il-bażi ta’ dawn l-ideat tiġi żviluppata.  Il-Unjon inżammet informata u aġġornata ma’ l-ideat skond kif kienu qed jiżviluppaw.  

L-MUT taf:

·                    li l-Ministru Louis Galea diġà għadda minn fażi ta’ diskussjonijiet ma’ l-ogħla uffiċjali tal-Ministeru u d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni;

·                    li għadu qed jiġi ffinalizzat dokument dwar il-proposta tar-riforma; u

·                    li dan id-dokument għad irid jiġi ppreżentat lill-Gvern biex imbagħad jiġi pubblikat bħala bażi għal diskussjoni pubblika, l-aktar ma’ dawk kollha involuti, fosthom l-istess MUT; u

·                    li l-Ministeru u l-Gvern dejjem innegozjaw ma’ l-MUT dawk il-ħwejjeġ kollha li fil-prattika normali huma soġġett ta’ negozjati.

Il-Ministru Galea spjega dawn il-punti kollha f’ittra indirizzata lill-President ta’ l-MUT wara il-laqgħa li kellu magħhom il-ġimgħa li għaddiet.  Minħabba l-kummenti kollha li qed isiru fil-media l-Ministru Galea qed jippubblika din l-ittra.  

Il-Ministru Galea ma jistax jifhem b’liema kalkulatur il-President tal-MUT wasal għall-konkluzjoni gratuwita “li 80% tal-Kurrikulu Minimu Nazzjonali għad ma ġiex implimentat”.  Din hi stqarrija mhux biss inġusta ma’ dawk kollha li kull jum jaħdmu bla heda fil-qasam ta’ l-edukazzjoni, iżda żgur se tqanqal riflessjoni u diskussjoni mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u kull min jaħdem fiha, għaliex fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabbilità tat-twettiq tal-Kurrikulu taqa` b’mod sħiħ fuqhom, twettiq li l-ħin kollu jirrikjedi l-kooperazzjoni u l-appoġġ tal-Union.  

Il-Ministru Galea jsostni li da parti tiegħu u tal-Gvern, filwaqt li dejjem saħqu li fadal ħafna xi jsir, ġabu għall-qasam ta’ l-edukazzjoni investiment massiv u policies u riżorsi ġodda ta’ appoġġ għall-iskejjel.  Mhux il-waqt li f’din l-okkażjoni ssir lista ta’ x’għamel u x’investa l-Gvern u xi twettaq f’dawn l-aħħar sitt snin.  

Il-Ministru Louis Galea innota b’sodisfazzjon il-kumment rapportat tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Dr. Alfred Sant li fuq il-proposta tal-clusters, l-Oppożizzjoni hi moħħha miftuħ u trid tkun taf aktar qabel tippronunzja ruħha.  

Il-Ministru Galea jibqa` jimpenja ruħu biex fejn tidħol l-edukazzjoni huwa jimxi bi proċess kontinwu ta’ konsultazzjoni, djalogu u fejn meħtieġ, negozjati ma’ kulħadd għax jemmen bis-sħiħ li jekk tassew kulħadd iżomm f’moħħu l-ġid tat-tfal u ż-żgħażagħ u tal-familji Maltin u Għawdxin, ikun possibbli li fuq it-tajjeb li diġà jeżisti inkomplu nibnu edukazzjoni b’saħħitha li minnha jgawdi l-pajjiż kollu.  

Pr 1663 pdf Ittra lill-MUT

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow