Left arrow Mur Lura

IX-XOGĦOL FUQ IL-BYPASS TA’ L-IMTARFA MIEXI B’RITMU MGĦAĠĠEL

PR1658
Date Icon 22/10/2004

Ix-xogħol fuq il-Bypass ta’ l-Imtarfa miexi b’ritmu mgħaġġel bl-ewwel fażi tal-kostruzzjoni tagħha mistennija li titlesta fi ftit jiem oħra.

Waqt żjara li għamel illum wara nofsinhar f’din it-triq, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li t-tenders biex isir ix-xogħol li hemm bżonn, biex it-triq tkun tista’ tinfetaħ għat-traffiku, ingħataw kollha u x-xogħol fuq it-tieni fażi tat-triq mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.

“Il-ftuħ ta’ din it-triq huwa importanti anke fid-dawl tat-tkomplija tax-xogħol fuq Lots 1 u 2 tal-Protokoll Taljan li jinkludu l-bini mill-ġdid tat-triq arterjali li tgħaddi minn taħt l-Imdina. Dan minħabba li l-bypass ta’ l-Imtarfa ser tintuża fil-pjan tat-treġija tat-traffiku waqt li tkun magħluqa t-triq bejn iċ-ċimiterju tal-Imtarfa u r-roundabout ta’ Srina,” qal il-Ministru Mugliett.

Ir-rikostruzzjoni tal-carriageway li tagħti mir-roundabout ta’ l-Imtarfa sal-pont tal-ferrovija wasal fl-aħħar fażi tiegħu. It-tenders kienu ngħataw f’Lulju.

Ix-xogħol li sar s’issa kien jinvolvi t-tqegħid ta’ main ġdid ta’ l-ilma u main tad-drenaġġ li huwa parti mis-sewerage masterplan. Dawn il-mains ser iwasslu għall-mains tad-drenaġġ li ser jgħaddu minn taħt it-toroq li qed jinbnew mill-fondi tal-Protokoll Taljan.

Peress li din it-triq fil-passat saritilha ħsara kbira mill-ilma tax-xita, id-diżinn tat-triq jinkludi wkoll stormwater culverts għaddejjin wara l-bankina. L-għoti tal-aħħar saff ta’ tarmak – il-binding layer –  li għaddej bħalissa ser jitlesta fil-ġranet li ġejjin biex din il-parti tat-triq tkun tista’ tinfetaħ għat-traffiku.

Intant, ġew aġġudikati tliet tenders oħra għal xogħol simili fuq il-bqija tal-bypass, jiġifieri l-parti li twassal mill-pont tal-ferrovija sar-Rabat. Ix-xogħol mistenni jibda dalwaqt, hekk kif joħorġu il-letters of acceptance lit-tliet kuntratturi.

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qal li x-xogħol fuq it-toroq arterjali u distributorji qabad ritmu tajjeb li mistenni jinżamm fis-snin li ġejjin. Hu qal li l-Gvern mhux qed joqgħod biss fuq il-fondi li ġejjin minn barra biex iwettaq il-pjan tiegħu biex itejjeb it-toroq, iżda qed jutilizza wkoll il-budget rikorrenti b’mod effettiv.

Il-Ministru Mugliett temm jgħid li l-proġett tal-bypass huwa xhieda ta’ kemm il-Gvern huwa mpenjat li jagħti lill-poplu Malti network ta’ toroq li tassew jixraq lil pajjiż modern Ewropew.

DOI -  22.10.2004

8.36 Kbytes Last Modified on 22nd October, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow