JINĦOLOQ L-EWWEL KUNSILL RAPPREŻENTATTIV TAX-XOGĦOL FL-AIR MALTA
Il-ħolqien tal-Kunsill Rappreżentattiv tax-Xogħol fl-Air Malta huwa pass importanti fir-relazzjonijiet industrijali f’pajjiżna. Dan qalu l-Ministru Austin Gatt meta kien qed jindirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet, li fiha ġie iffirmat il-ftehim li permezz tiegħu twaqqaf l-ewwel Kunsill Rappreżentattiv tax-Xogħol fil-kumpanija Air Malta.
Dan il-kunsill jinkludi rappreżentanza ta’ l-erba’ unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema (General Workers Union, Air Line Pilots Association, Union ta’ l-Inġiniera u l-Union tal-Cabin Crew) u tal-management.
Il-Ministru Austin Gatt spjega li dan il-Kunsill huwa l-frott tar-Rescue Plan li kien iffirmat erba’ xhur ilu. Il-Ministru Gatt ħabbar li erba’ xhur wara li kien hemm qbil dwar ir-Rescue Plan, l-Air Malta:
· iffrankat madwar 60,000 siegħa f’overtime,
· il-flotta ta’ l-ajruplani ġiet utiliżżata b’mod aktar effiċjenti u
· ġew frankati Lm 250,000 f’benefiċċji tal-Management.
Madankollu, il-Ministru Gatt fisser li l-kumpanija ta’ l-ajru qed taffaċċja sfida ġdida. Sfida li qed tiffaċċja l-industrija ta’ l-avjazzjoni mondjali, dik tal-prezz taż-żejt li qed jilħaq livelli astronomiċi. Austin Gatt qal li fil-fatt din is-sena l-kumpanija diga hallset Lm1.5 miljun aktar ghall-fuel waqt li qed tantiċipa li fid-disa’ xhur li ġejjin se tkun qed tħallas madwar Lm3.5 miljun oħra għall-prodotti taż-żejt. Il-Ministru Gatt spjega li ħadd m’għandu jaqtà qalbu u l-ispirtu li qed jirrenja fil-kumpanija għandu jgħin biex il-miri stabbiliti biex il-kumpanija ssir vijabbli jintlaħqu.
Il-Ministru Gatt ħabbar ukoll li jekk il-Kunsill Rappreżentattiv tax-Xogħol fl-Air Malta jirnexxi, dan jistà jkun attwat ukoll f’entitajiet oħra kbar bħall-Enemalta u l-Water Services Corporation.
Ic-Chairman tal-kumpanija Lawrence Zammit qal li l-Kunsill Rappreżentattiv tax-Xogħol huwa parti mill-proċess ta’ ristrutturar ta’ l-Air Malta u għandu jwassal biex tinbidel il-mentalità. Hu semma’ t-tibdil li sar fl-istrutturi tal-management tal-kumpanija u esprima t-tħassib tiegħu għaż-żieda fil-prezz taż-żejt fuq l-linja ta’ l-ajru.
Kelliem ieħor kien l-Avukat George Abela, li kien qed jirrappreżenta lill-Unions waqt id-diskussjonijiet li ppreċedew ir-Rescue Plan ta’ l-Air Malta. L-Avukat Abela spjega li l-Kunsill għandu jgħin biex tissaħħaħ il-fiduċja bejn il-management u l-ħaddiema, li għandu jawgura tajjeb għall-futur tal-kumpanija.
DOI - 20.10.2004
7.17 Kbytes Last Modified on 20th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946