IL-PRESIDENT TA’ MALTA JAGĦMEL ŻJARA UFFIĊJALI FL-IMQABBA
Il-President ta` Malta, l-E.T. Dr. Edward Fenech Adami, il-bieraħ filgħodu żar il-lokalita` ta` l-Imqabba fl-ewwel ġurnata minn programm ta` attivitajiet ta` Jum l-Imqabba. Waqt din iż-żjara uffiċjali, il-President kien akkumpanjat mis-Sindku ta` l-Imqabba, is-Sur Noel Galea.
Mal-wasla tiegħu fil-lokal, il-President attenda ghal Quddiesa ta` Ringrazzjament f’għeluq is-sena ta` ħidma mill-Kunsill Lokali li ġiet iċċelebrata fil-knisja tal-parroċċa.
Wara l-Quddiesa, il-President inawgura wirja ta` pittura ta` artista żagħżugħa mill-Imqabba, Maria Tonna, li ħadet premju prestiġjuż fiċ-Ċina. Din il-wirja qed issir fl-Isptar il-Qadim. Il-President Fenech Adami filwaqt li faħħar ix-xogħol tal-Kunsill, li fost affarjiet oħra, ħa ħsieb għar-riabilitazzjoni ta` dan il-bini, li fi żminijiet oħra kien jintuża bħala sptar, irrimarka kif ix-xogħol tal-kunsill qed iservi biex jagħti spinta lit-talent lokali. Huwa faħħar is-suċċess taż-żagħżugħa u qal li x-xogħol tagħha huwa eżempju ċar ta` kif anke raħal żgħir bħall-Imqabba kapaċi jipproduċi t-talent f’kull qasam.
Il-President ta’ Malta żar wkoll diversi soċjetajiet u każini tal-lokal fejn iltaqa` mal-kumitati u l-membri rispettivi tagħhom. Iż-żjara giet fi tmiemha fil-bini tal-Kunsill Lokali.
Filwaqt li wera s-sodisfazzjoni ta` l-istedina f’din il-lokalita`, il-President iddeskriva l-Imqabba bħala raħal zgħir tipikament Malti. Huwa żied jgħid li “il-Kunsilli Lokali servew sabiex kulħadd isir iktar konxju ta` kemm hu importanti li nżommu dak li jiddistingwina anke fiċ-ċokon ta` pajjizna.”
Il-President ta’ Malta esprima l-pjaċir tiegħu li l-għaqdiet tal-volontarjat, li huma s-sinsla tal-komunita`, jippartecipaw b’mod attiv fil-lokalita` biex b’hekk anke huma jkunu qed jagħtu kontribut għal ġid tal-pajjiż kollu. Il-President Fenech Adami awgura lill-Kunsill Lokali sabiex ikompli jaħdem għall-ġid tar-raħal u tar-residenti.
DOI – 18.10.2004
6.22 Kbytes Last Modified on 18th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946