Left arrow Go Back

IL-MINISTRU CENSU GALEA JĦABBAR LI L-GVERN SE JOĦROĠ IS-SEJĦA TA’ TENDERS GĦALL-IMMANIĠJAR TAL-MERKANZIJA

PR1624
Date Icon 15/10/2004

Fid-dawl tar-riforma fil-portijiet biex tiġi assigurata effiċjenza u kompetittivita’ akbar minn dawk li jipprovdu servizz f’dan is-settur, u biex jiġi assigurat li l-industrija, il-ħaddiema u l-konsumaturi jibbenefikaw mit-tneħħija ta’ piżijiet żejda, minħabba tariffi mhux ġustifikati, il-Ministeru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni beda l-proċess fiżiku biex tidħol fis-seħħ din ir-riforma.  

Din ir-riforma qegħda ssir min-naħa tal-Gvern anki wara konsultazzjonijiet ma’ diversi korpi kostitwiti li jagħrfu l-ħtieġa ta’ din ir-riforma u jindikaw li s-sitwazzjoni preżenti trid tinbidel. 

Waħda mill-kumpaniji li topera fil-port, il-Cargo Handling Co. Ltd., qegħda topera taħt ftehim mal-Awtorita’ Marittima ta’ Malta , liema ftehim jiskadi f’Lulju 2006. Il-Gvern  hu kommess li s-servizzi li jingħataw, minbarra li jkunu effiċjenti u b’tariffi li jirriflettu tassew ix-xogħol li jkun qiegħed jiġi pprovdut, jassigura li ma jkunx hemm waqfien fl-ogħti ta’ servizzi sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-industrija Maltija.  

F’dan il-kontest, f’laqgħa li saret illum bejn il-Ministru ghall-Kompetittivita u Komunikazzjoni Censu Galea, iċ-Chairman tal-Awtorita’ Marittima ta’ Malta Dr. Marc Bonello, flimkien mas-Sur Salvu Sammut, is-Sur Tony Zarb u s-Sur Emmanuel Micallef, President, Segretarju Ġenerali u Deputat Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union rispettivament, bħala shareholders uniċi tal-kumpanija Cargo Handling Co. Ltd., ġie komunikat li l-Gvern se joħroġ sejħa għall-offerti għall-provvista tal-immaniġġjar tal-merkanzija fil-portijiet.  

Preżenti wkoll għal-laqgħa kien hemm is-Sur Louis Cilia, Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni, l-Assistent Direttur tal-Portijiet is-Sur Charles Abela u d-diretturi tal-kumpanija Cargo Handling Co. Ltd.

“Ma jistax ikun li nibqgħu marbuta ma’ prattiċi ta’ xogħol li kienu jsiru għoxrin jew tletin sena ilu, u fl-istess waqt noffru servizz b’tariffi li ma jirriflettux in-neċessitajiet ta’ llum, u fl-istess waqt nippretendu li jkollna portijiet kompetittivi u nistennew li l-merkanija fil-portijiet tagħna tiżdied.” Hekk ikkummenta l-Ministru Censu Galea wara l-laqgħa li kellu llum. “Jeħtieġ li nagħrfu li s-servizzi portwali Maltin huma fost l-ogħla fil-Mediterran u, jekk ma jkunx hemm il-kollaborazzjoni ta’ kulħadd, fosthom il-Cargo Handling Co. Ltd u l-General Workers Union , il-Gvern waħdu ma jistax ikun ikkritikat għal dan in-nuqqas. Ilna niddiskutu din ir-riforma għal żmien twil, u issa, fl-interess nazzjonali u mhux dak personali, wasal iż-żmien li tiġi mplimentata.”  

F’dan il-kontest kollu, l-Ministeru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni appunta Steering Group sabiex imexxi in-negozjati mas-setturi varji tal-port biex tidħol fis-seħħ din ir-riforma. L-isteering group, li jirrapporta direttament lill-Ministru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni, se jkun iffurmat hekk kif ġej:  

Co-Chairmen:            Iċ-Chairman tal-Awtorita’ Marittima ta’ Malta

                                Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Kompetittivita’ u 

                                Komunikazzjoni

Membri:                    Uffiċjal mill-Ministeru tal-Kompetittivita u     Komunikazzjoni

                                Id-Direttur Eżekuttiv tal-Portijiet

                                Id-Deputat Direttur Eżekuttiv tal-Portijiet

                                Rappreżentant Legali

                                Rappreżenanti tal-operaturi portwali kif meħtieġ                         

L-Isteering Group se jkun qiegħed imexxi n-negozjati mas-setturi varji sabiex jikkonkludi ftehim ġdid li għandu bħala għan prinċipali li jirriforma u jirrevedi l-prattiċi u kundizzjonijiet ta’ xogħol preżenti, l-organizazzjonijiet, il-licenzji, it-tariffi, ir-regolamenti u proviżjonijiet oħra legali rilevanti għal operazzjonijiet fil-Port il-Kbir, Valletta .  

Il-pjan ta’ ħidma ta’ dan l-isteering group hu hekk kif ġej:  

     ·        Jikkonkludi t-tender għall-immaniġġjar ta’ merkanzija biex issir sejħa għal 

        offerti ġodda

·        Isir awditjar indipendenti tal-kumpanija Cargo Handling Co. Ltd 

·        Jaħdem fuq strateġija ekonomika u finanzjarja għal mudell ġdid għall-Port 

         il-Kbir

·        Jikkonkludi negozjati mal-port workers, mooring men u foremen

·        Jikkonkludi negozjati ma’ operaturi oħra

·        Jippubblika sett ta’ liġijiet/regolamenti ġodda għall-operazzjonijiet fil-Port 

         il-Kbir  

Il-proċess ta’ negozjati għandu jintemm kmieni kemm jista’ jkun għax il-Gvern hu kommess li jimplimenta parti kbira mit-tibdiliet neċessarji fl-ewwel parti tas-sena d-dieħla

DOI – 15.10.2004

16.17 Kbytes Last Modified on 15th October, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow