RISPOSTA GĦALL-ISTQARRIJA TAL-KAMRA TAL-PERITI DWAR IS-SIT TAT-TEATRU RJAL
B’referenza għall-istqarrija li l-Kamra tal-Periti ħarġet nhar l-Erbgħa u li kienet ikkwotata mill-mezzi tax-xandir dwar l-iżvilupp tas-sit tat-Teatru Rjali f’Belt Valletta, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett jistqarr li hu wkoll jemmen fil-kompetizzjonijiet pubbliċi tad-disinn.
Fil-fatt hu kien mexa mal-parir tal-Kamra tal-Periti meta s-sena l-oħra ġiet imnedija l-Kompetizzjoni Internazzjonali għad-Diżinn ta’ Heritage Park għat-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra.
Wieħed madanakollu għandu japprezza li l-iżvilupp tas-sit tat-Teatru Rjali huwa proġett li għandu storja. Din l-istorja tmur lura sa November 1995 meta l-Professur Richard England kien appuntat bħala perit wara li kienet ħarġet sejħa għall-interess għall-ingaġġ ta’ perit għad-diżinn ta’ Ċentru Nazzjonali ta’ l-Arti. Wara li kien appuntat, il-Perit England kien ingħata l-inkarigu biex jiddiżinja l-Kavallier ta’ San Ġakbu.
Fis-sena 2000, outline application li ntefgħet mill-Perit Richard England biex jiġu ddiżinjati teatru, Pjazza Ħelsien, Bieb il-Belt, il-venda tal-karozzi tal-linja u parkeġġ taħt l-art kienet approvata mill-Awtorità dwar l-Ippjanar. Il-pjanti li qed ikunu studjati mill-Gvern bħal issa jikkunsidraw ċerti elementi li deheru f’din l-applikazzjoni, partikolarment il-kontinwità mal-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-parkeġġ u d-diżinn mill-ġdid ta’ Pjazza Ħelsien.
Hija prattika normali li meta klijent jkollu l-ħsieb li juża diżinji jew partijiet minn diżinji ta’ perit partikolari, ikun dak-il-perit li jitqabbad fuq dak ix-xogħol. Jekk jitqabbad perit ġdid ikun hemm formalitajiet u proċeduri oħra li jkunu jridu jiġu segwiti.
Għalhekk id-deċiżjoni tal-Gvern biex ikompli juża s-servizz tal-Perit Richard England kienet ibbażata fuq il-kunfidenza fil-kapaċitajiet tiegħu u sabiex tkun żgurata l-kontinwità mal-pjanijiet li diġà tħejjew għal Pjazza Ħelsien, il-parkeġġ u l-Kavallier ta’ San Ġakbu.
DOI 15.10.2004
5.98 Kbytes Last Modified on 15th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946