QED JISSAĦĦAĦ L-IMPENN TAL-GVERN LEJN IT-TITJIB TAL-BELT VALLETTA
Il-Gvern huwa impenjat li jkompli jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja fil-Belt Valletta bit-twettiq ta’ proġetti kapitali ġodda bħal Park & Ride, u l-iżvilupp tas-sit tat-Teatru Rjal.
Meta kien qed jitkellem waqt il-ftuħ tar-raba’ edizzjoni tal-‘Workshop’ organizzat mis-SACES (Society of Architecture and Civil Engineering Students), il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li proġetti bħal dawk taċ-Ċentru għall-Kreattivita fil-Kavallier San Ġakbu, il-Barrakka ta’ Fuq, il-Barrakka t’Isfel, il-pavimentar f’żoni pedonali u bosta proġetti ta’ restawr fi knejjes, qed iwasslu għal twelid mill-ġdid tal-Belt Valletta.
“Fix-xhur li ġejjin dan il-proċess ser jissaħħaħ bit-twettiq ta’ żewġ proġetti importanti, jiġifieri l-iżvilupp ta’ Park & Ride barra l-Furjana, u l-iżvilupp tas-sit tat-Teatru Rjal. Dawn iż-żewġ proġetti ser iħallu impatt pożittiv fuq il-Belt għax ser jirrivoluzzjonaw aspetti tagħha li qatt ma ġew indirizzati,” qal il-Ministru Mugliett.
Hu spejga li l-proġett tal-Park & Ride ser itejjeb l-aċċess għall-Belt kapitali u ser iwassal għal titjib drastiku fid-dehra tagħha għax ser inaqqas il-bżonn li l-karozzi jidħlu joħonqu t-toroq tagħha. Dan għandu jwassal ukoll għal titjib fil-kwalita’ tal-ħajja ta’ dawk li jgħixu fiha jew iżuruha. Intant ix-xogħol fuq it-toroq li ser iwasslu għall-Park & Ride ser jibda aktar tard din is-sena waqt li tkun qed tinstab soluzzjoni biex jiġu rilokati l-aħħar interessi kummerċjali li hemm fiż-żona fejn ser ikun żviluppat il-parkeġġ.
Dwar l-iżvilupp tas-sit tat-Teatru Rjal, il-Ministru Mugliett qal li d-daħla tal-Belt ilha tistenna li titneħħa l-aħħar ġerħa tat-Tieni Gwerra Dinjija għal sittin sena. Hu żied li jittama li l-‘Cabinet’ jieħu deċiżjoni dwar it-tip ta’ żvilupp li ser isir fis-sit u kif dan ser jingħaqad mal-iżvilupp ta’ Pjazza Ħelsien sal-aħħar tax-xahar.
Il-workshop tas-SACES din is-sena qed isir fil-bini tal-Power Station l-antika, li jagħmel parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni tax-xatt tal-Belt fejn Viset plc qed tiżviluppa cruise liner passenger terminal, u li fih qed jieħdu sehem mal-120 student.
L-avveniment idum sitt ijiem li matulhom l-istudenti jinqasmu fi 11-il grupp, b’kull wieħed minn dawn ikollu żewġ arkitetti assenjati miegħu. Fl-ewwel tliet ijiem il-gruppi jingħataw proġett u jippjanaw kif ser iwettquh. Fl-aħħar tliet ijiem jaħdmu fuq it-twettiq tiegħu. It-titli tal-proġetti din is-sena għandhom x’jaqsmu mal-Belt Valletta.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qal li hu ta’ sodisfazzjon kbir jinnota li l-istudenti tal-arkitettura qed jitrawmu f’kultura li mhux biss tagħmilhom sensittivi għall-bżonnijiet tas-soċjeta’, iżda saħansitra jieħdu attitudni proattiva lejn dawn il-bżonnijiet.
“Il-proġetti li ser tkunu qed taħdmu fuqhom f’dawn is-sitt ijiem jindirizzaw wħud mill-isfidi tal-Belt kapitali tagħna. Jien konvint li ser taħtfu l-okkazjoni li tkunu ta’ l-ewwel li toffru s-soluzzjoni għal dawn l-isfidi,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.
DOI - 15.10.2004
6.98 Kbytes Last Modified on 15th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946