MALTA TFAKKAR IL-JUM DINJI TA’ L-IKEL 2004
Malta tingħaqad mal-kumplament tad-dinja biex tfakkar il-Jum Dinji ta’ l-Ikel li jkun ċelebrat fis-16 ta’ Ottubru.
Il-Jum Dinji ta’ l-Ikel ikun organizzat kull sena mill-Organizzazzjoni għall-Ikel u l-Agrikoltura, il-FAO, tan-Nazzjonijiet Uniti. It-tema magħżula għal din is-sena hija Il-Biodiversità – l-ikel tagħna jiddependi fuqha’ (Biodiversity – our food supply depends on it).
It-tifkira ta’ dan il-Jum għal din is-sena għandu wkoll sinifikat speċjali għaliex matul din is-sena daħal fis-seħħ it-Trattat Internazzjonali tal-FAO dwar ir-riżorsi tal-ġenetika tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura. Dan it-Trattat għandu jkollu sehem importanti biex ikun hawn agrikoltura sostenibbli u provvista ta’ ikel aktar adekwata għall-popolazzjonijiet tad-dinja.
F’messaġġ ta’ l-okkażjoni, il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino qal li għalkemm f’Malta ma teżistix problema ta’ nuqqas ta’ ikel, dan xejn ma jnaqqas mir-responsabbilta’ ta’ pajjiżna biex fid-dinja tintlaħaq il-mira li ma jkunx hawn aktar popolazzjonijiet li jbatu l-ġuħ.
George Pullicino qal li t-tema magħżula hija attwali għax tagħti importanza lill-fatt li l-biodiversità hija essenzjali biex tassigura futur sostenibbli għall-agrikoltura. Dan iwassal biex minbarra li tipprovdi ikel lill-bniedem tipproteġi wkoll lill-baħar, foresti u eko-sistemi oħrajn li fihom tikber il-biodiversità bioloġika.
Il-Ministru Pullicino qal li f’Malta din is-sena l-attivitajiet għal dan il-Jum qed jiffokaw fuq is-settur tas-sajd li huwa wieħed mis-setturi l-aktar antiki f’pajjiżna. Hu qal li hu ta’ sodisfazzjon għall-Gvern li s-settur tas-sajd hu b’saħħtu u f’pożizzjoni li jkompli jieħu l-aqwa opportunitajiet li toffri s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Is-sehem li pajjiżna jista’ jagħti lil dan is-settur kompla jkun konfermat mill-Kummissjoni l-ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea li nnominat lil Dr Joe Borg biex iservi bħala Kummissarju responsabbli mill-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.
Intant, l-attivitajiet biex ifakkru l-Jum Dinji ta’ l-Ikel se jsiru għada filgħodu fil-villaġġ ta’ Marsaxlokk. Dawn l-attivitajiet se jsiru taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, l-E.T. Dr. Edward Fenech Adami u għalihom se jattendi wkoll Dr Joe Borg, li fil-jiem li ġejjin mistenni jkun konfermat fil-kariga ta’ Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.
L-attivitajiet jinkludu Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr, ċerimonja ta’ għoti ta’ midalji lil persuni mill-oqsma ta’ l-agrikoltura u tas-sajd, u tqassim ta’ għotjiet ta’ l-ikel lill-għaqdiet tal-karità.
DOI – 15.10.2004
6.83 Kbytes Last Modified on 15th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946