Left arrow Go Back

RIFORMI FL-AWTORITÀ MALTIJA GĦAT-TURIŻMU: KUMITAT INTERMINISTERJALI IMMEXXI MILL-PRIM MINISTRU

PR1603
Date Icon 14/10/2004

Is-settur turistiku f’Malta jiġġenera kwart tal-ġid nazzjonali u jimpjega miegħu aktar minn 40,000 ħaddiem. Dan jagħmel min dan is-settur l-aktar wieħed importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna li b’popolazzjoni ta’ 400,000 tospita 1.2 miljun turist fis-sena.  

Is-settur turistiku f’Malta jista’ jitqies bħala proġett bi sħab bejn il-Gvern u s-settur privat, bil-Gvern joħroġ Lm8.5 miljun fis-sena għall-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u b’miljuni oħra ta’ investiment fl-infrastruttura, proġetti ta’ tisbiħ, riabilitazzjoni, restawr u ħarsien tal-wirt storiku u bis-settur privat jinvesti fl-lukandi, ristoranti u postijiet ta’ divertiment.  

Fl-1999 il-Gvern waqqaf l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bħala one-stop shop, b’aspettattivi kbar u b’rappreżentanza wiesgħa tas-settur privat. Wara ħames snin il-Gvern ħaseb li kien wasal iż-żmien ta’ riflessjoni ħalli naraw jekk din l-Awtorità hiex tagħtina r-riżultati maħsuba. Għalhekk qabbad kumpannija ta’ awdituri biex tindaga dwar il-ħidma ta’ l-awtorità minn mindu twaqqfet u x’għandu jsir biex din tkun aktar dinamika ħalli ssostni t-tkabbir ekonomiku f’settur hekk importanti għall-ekonomija.  

Il-kumpannija ta’ awdituri Deloitte and Touche ingħatat dan l-inkarigu b’timeframes stretti li fihom ippreżentat ir-rapport tagħha. Il-kumpannija sabet li l-istrutturi tal-MTA kienu goffi u kumplikati b’41 membru fuq ħames bordijiet, 4 direttorati semi-awtonomi, CEO, sitt diviżjonijiet u kważi 200 impjegat. Deloitte and Touche qed jipproponu tibdil sinifikanti  fl-istruttura bl-iskop li l-enfażi tkun  aktar fuq il-marketing  u bi tbegħid minn strateġija bażata fuq destinazjonijiet tradizzjonali għal waħda aktar aggressiva u ffokata u bbażata fuq setturi speċifiċi.  

Deloitte and Touche qed tipproponi li l-MTA jiffukaw fuq pjani għal marketing ta’ setturi speċifiċi u azzjoni dwar il-prodott; li jitwaqqaf Bord Konsultattiv bħala vuċi waħda għas-settur privat. Il-kumpannija ta’ awdituri qed tirrikmanda wkoll li jiġi ridirett 70 fil-mija ta’ l-infiq għall-marketing.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta l-bierah indirizza l-istakeholders u l-istampa dwar dan l-eżerċizzju, qal li kien jemmen li l-appoġġ tal-Gvern għal dan is-settur kien wieħed qawwi. Hu qal li Malta kienet tonfoq għal dan is-settur aktar mid-doppju tal-medja ta’ l-Unjoni Ewropea. Minkejja dan kien jemmen li l-investiment f’dan is-settur qatt ma kien biżżejjed aktar u aktar meta ridna nagħtu lill-viżitaturi tagħna esperjenza bażata fuq il-wirt kulturali kbir li għandna u li biex jitħares kien jinvolvi investiment qawwi ta’ miljuni ta’ liri.  

Il-Ministru Francis Zammit Dimech ħabbar li l-Gvern tant kien jemmen fl-iżvilupp ta’ dan is-settur li kien qed jilqa’ proposta dwar Inter-Ministerial Working Group jew Kumitat tal-Kabinett, immexxi direttament mill-Prim Ministru, biex jindirizza b’mod regolari dak kollu li tirrikjedi l-industrja tat-turiżmu. “Dalgħodu stess,” kompla l-Ministru Francis Zammit Dimech, “kont f’kuntatt mal-Prim Ministru li ikkonfermali li din il-proposta qed tintlaqa’ u l-Kumitat presedut minnu se jibda jiltaqa’ regolarment.”  

Permezz tal-proċess ta’ ristrutturar fi ħdan l-Awtorità, spjega l-Ministru Zammit Dimech, se tingħata importanza diretta lil dawn l-oqsma: konferenzi u inċentivi, turiżmu sportiv, turiżmu bażat fuq divertiment, turiżmu kulturali u reliġjuż, it-tagħlim tal-lingwi u turiżmu dirett għal Għawdex. Barra minn hekk se tingħata aktar importanza lejn setturi ġodda li qed jikbru bħal turiżmu marbut mal-cruise liners, waqfiet qosra, produzzjoni tal-films, turiżmu marbut mas-saħħa, it-time share, u setturi oħra li qed jikbru u jsiru aktar importanti.  

“Irrid nara Awtorità dejjem aktar effettiva, fejn il-flus jintużaw  b’mod li naraw riżultati konkreti u li nistgħu nkejluhom, fejn kull impjegat jiddistingwi ruħhu mill-impenn tiegħu favur l-industrja tat-turiżmu,” enfasizza il-Ministru Francis Zammit Dimech.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern ħames snin ilu waqqaf l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Hu qal li wara ħames snin tajjeb naraw kif din ħadmet u x’nistgħu nimmeljoraw ħalli tkun aktar effiċjenti u tilqa’ aħjar għall-ħtiġiet tal-lum. Tajjeb li anke f’din l-Awtorità l-poplu jingħata l-valur sħiħ ta’ dak li qed jikkontribwixxi għal din l-Awtorità bl-iskop li jinġiebu lejn Malta aktar turisti u biex id-dħul għal pajjiżna minn dan is-settur ikun wieħed dejjem ikbar.  

DOI  -  14.10.2004

10.75 Kbytes Last Modified on 14th October, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow