IL-KUMITAT FESTI NAZZJONALI JFAKKAR LILL-POETA NAZZJONALI
Il-Poeta Nazzjonali Dun Karm ser jerġa għal sena oħra jiġi mfakkar mill-Kumitat Festi Nazzjonali b’diversi attivitajiet matul ix-xahar ta’ Ottubru, ix-xahar li jfakkarna fl-anniversarji tat-twelid u l-mewt tiegħu. L-attivitajiet ewlenin huma tnejn:
· Korteo Nazzjonali minn rappreżentanti tat-tfal ta’ l-iskejjel għal fuq il-Monument ta’ Dun Karm fil-Furjana u
· lejla ta’ tifkira fis-Sala Robert Samut fil-Furjana.
KORTEO NAZZJONALI:
Għall-ewwel darba l-poeta ser jiġi mfakkar f’ġurnata partikulari ma’ l-iskejjel kollha ta’ Malta u Ghawdex sew tal-gvern kif ukoll dawk tal-knisja u dawk privati b’attivita’ komuni nazzjonali. Bi ftehim u koordinament mal-Ministeru u d-Divizjoni ta’ l-Edukazzjoni, il-Kumitat Festi Nazzjonali, nhar l-Erbgha 27 t’Ottubru fil-11.30 am ser jorġanizza Korteo li jitlaq minn fuq il-Fosos tal-Furjana għal fuq il-Monument tal-poeta fil-Furjana.
Rappreżentant/i ta’ l-istudenti minn kull skola primarja, sekondarja, junior lyceums, liċeo superjuri tal-gvern, tal-knisja u dawk privati ser jiltaqgħu taħt il-portiku tal-Knisja Parrokkjali tal-Furjana biex minn hemmhekk jimmarċjaw bil-fjuri f’idejhom sa ħdejn il-monument.
Fil-Korteo, li jkun miftuh minn studenti mill-Iskola Sekondarja Dun Karm ta’ Ħaż-Żebbug, għandhom jieħdu sehem ukoll uffiċjali mid-Diviżjoni u mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni. Membri ta’ l-Għaqdiet tal-Malti huma ukoll mħeġġa jattendu u jieħdu sehem f’din l-attività.
Malli l-korteo jasal ħdejn il-monument, it-tfal u rappreżentanti ohra jqegħdu fjuri fuq il-monument. Wara tinqara poezija, minn student mill-Liceo Vassalli, jsiru diskorsi ta’ l-okkażjoni u fl-aħħar jitkanta l-Innu Nazzjonali minn kor ta’ tfal mill-Iskola Patri Wistin Born tal-Kalkara.
Fl-istess waqt li jkun qed isir dan il-korteo, jew f’xi ħin ieħor ta’ l-istess jum, se ssir attività f’kull skola waqt assembly apposta li fiha jiġi mfakkar il-poeta fost l-oħrajn bil-qari ta’ l-istess poezija li ser tinqara fuq il-monument tal-Furjana u b’qari ta’ bijografija qasira tal-poeta li kopja tagħha ser tintbagħat lil kull skola mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. F’kull skola ċ-ċerimonja tintemm bl-Innu Nazzjonali.
LEJLA TA’ TIFKIRA
Lejla ta’ Tifkira ser tiġi organizzata nhar il-Ġimgħa, 29 t’Ottubru fis-6.30 p.m. fis-Sala Robert Samut fil-Furjana. Din il-lejla ser tinkludi diskors minn Dr.Adrian Grima, għalliem tal-Malti fil-Liceo Suoerjuri, kant ta’ kanzunetti, fosthom siltiet li ħadu sehem fil-festival “L-Għanja tal-Poplu”, u diskorsi oħra marbuta ma’ l-okkażjoni.
Kull min jixtieq jattendi għal din il-lejla għandu jċempel lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kumitat Festi Nazzjonali (tel 21245168) jew jibgħat e-mail fl-indirizz eletroniku antonmiceli@maltaculture.com u jirċievi invit bil-posta.
Jum Dun Karm Imfakkar f’Ħaż-Żebbuġ: Il-Kumitat Festi Nazzjonali jixtieq jgħarraf ukoll li l-Iskola Sekondarja Dun Karm tas-subien ta’ Ħaż-Zebbuġ ser tagħmel tifkira speċjali tal-poeta fl-istess skola nhar il-Ġimgħa 15 t’Ottubru fil-hdax ta’ filghodu. Waqt din l-attività se tiġi mnedija sit elettroniku dwar Dun Karm kif ukoll jinkixef kwadru ġdid tal-poeta fl-entrata ta’ l-Iskola.
DOI – 14.10.2004
9.75 Kbytes Last Modified on 14th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946