TISWIJA TAS-SAQAF TAL-KUMPLESS SPORTIV T’GĦAWDEX
Dan l-aħħar inbeda xogħol ta’ tiswija fuq is-saqaf tal-Kumpless Sportiv t’Għawdex sabiex tiġi solvuta l-problema tad-dħul ta’ l-ilma mis-saqaf.
Bħalissa qiegħed isir xogħol mill-ħaddiema tal-Kumpless Sportiv li jikkonsisti fil-bdil ta’ partijiet mill-metal sheeting tas-saqaf li ġarbu ħsarat matul dawn l-aħħar snin kawża ta’ l-elementi. Wara din l-ewwel fażi, tibda t-tieni fażi li tinkludi xogħol ta’ tindif u għoti ta’ materjal li jelimina l-ingress ta’ ilma. Ix-xogħol kollu meħtieġ huwa stmat li jiswa madwar Lm2,500.
L-ingress ta’ l-ilma mis-saqaf kien qed jikkaġuna ħsara lill-parquet fis-sala prinċipali tal-Kumpless Sportiv u fl-istess ħin, joħloq inkonvenjent lil kull min jagħmel użu mill-istess sala. Din il-problema ilha teżisti numru ta’ snin iżda ddeterjorat fl-aħħar snin peress li partijiet mill-metal sheeting fis-saqaf saħansitra ssaddu. Ix-xogħol li ser isir matul dawn il-ġimgħat li ġejjin għandu jsolvi għal kollox din il-problema.
B’mod regolari fil-Kumpless Sportiv jiġu organizzati sessjonijiet ta’ sport kif ukoll manifestazzjonijiet oħra ta’ natura soċjali, kulturali u kummerċjali peress li dan huwa l-uniku spazju ta’ daqs kbir fil-magħluq f’Għawdex.
Bħalissa, il-membri reġistrati mal-Kumpless Sportiv jammontaw għal 310, żieda ta’ 100 membru mill-2003. Dan minbarra n-numru ta’ sportivi li mhumiex membri reġistrati iżda jagħmlu użu mill-Kumpless Sportiv wara li jħallsu l-miżati stipulati. Huwa kkalkulat li matul l-istaġun sportiv, il-kumpless jiġi utilizzat minn madwar 150 persuna kuljum, inkluż studenti li jattendu għal-lezzjonijiet ta’ l-Edukazzjoni Fiżika hawnhekk.
Matul din l-aħħar sena sar xogħol ta’ modernizzar fil-Kumpless Sportiv li jinkludi xogħol fuq il-parquet, fiċ-changing rooms, xogħol marbut mad-dawl, l-ispazju ta’ storage u bdil ta’ stair noising fis-sala prinċipali kif ukoll l-istallazjoni ta’ extractor fans fil-gym.
DOI - 13.10.2004
4.67 Kbytes Last Modified on 13th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945