Left arrow Mur Lura

JUM EWROPEW TAL-ĠENITURI U L-ISKOLA 2004

PR1583
Date Icon 12/10/2004

"Erba' snin ilu konna flimkien meta wellidna l-Kurrikulu Nazzjonali.  Illum qegħdin inseddquh flimkien. Għalliema u ġenituri maqgħuda bi skop wieħed - l-għozza ta' l-ulied."  Dan qalu l-Ministru ta' l-Edukazzjoni meta ltaqa' ma' mijiet ta' ġenituri u għalliema f'diversi skejjel li llum ingħaqdu mal-bqija ta' l-Ewropa biex jiċċelebraw it-tielet Jum Ewropew tal-Ġenituri u l-Iskola.  Dan il-Jum beda jiġi ċċelebrat mis-sena 2002 fuq inizjattiva tal-European Parents Association (EPA).  Hu l-ħsieb li f'dan il-jum mhux biss jintefa' dawl fuq l-ħidma ta' bejn l-iskola u d-dar iżda jiġġedded l-impenn ta' l-imsieħba fl-edukazzjoni li jaħdmu għal ġid tat-tfal.    

Il-Ministru Louis Galea wera s-sodisfazzjoni tiegħu li llum kulħadd fehem li l-parteċipazzjoni tal-ġenituri mhix xi obbligu ta' liġi jew ta' xi avviż legali imma impenn nazzjonali li fuqu trid tinbena t-triq tal-ġejjieni.  Il-Ministru tkellem mal-ġenituri dwar dak li qed iseħħ fl-iskejjel ta' uliedhom u qal li jittama li huma sodisfatti bl-andament ġenerali fl-iskejjel.  Il-ġenituri tkellmu dwar diversi issues kurrikulari l-aktar dwar is-sillabi, il-ħtieġa ta' assessjar aktar uman, politika dwar x-xogħol li tfal iġorru lejn id-dar, il-pressjoni żejda ta' l-eżamijiet u l-ambjent li dejjem qed jitjieb fl-iskejjel Maltin.   

Il-Ministru Galea irrefera għas-survey ta' l-Assoċjazzjoni Kunsilli ta' l-Iskejjel fejn il-ġenituri urew li huma sodisfatti b'dak li qed iseħħ   kemm fit-tagħlim u kemm l-ambjent fiżiku ta' l-iskejjel. Il-Ministru waqt li rringrazzja lill-għalliema u lill-ġenituri tas-sehem imporanti tagħhom, qal li wara li l-Kurrikulu Nazzjonali ilu jitħaddem fl-iskejjel tagħna għal dawn l-aħħar erba’ snin issa trid issir reviżjoni tal-kurrikulu u din ukoll ser issir b'konsultazzjoni wiesa' ma' dawk kollha involuti partikolarment l-għalliema u l-ġenituri.    

Bosta  skejjel  ta' l-Istat,  tal-Knisja u Privati qed  ifakkru dan il-Jum b'diversi attivitajiet  fosthom taħditiet, open days, jiem tal-ġenituri, wirjiet, ħarġiet kulturali, drama-forum u attivitajiet oħra.  Interessanti li f'diversi skejjel kienu l-ġenituri stess li mexxew laqgħat u diskussjoni.  Il-Ministru Louis Galea żar tlett skejjel fosthom l-iskola primarja Annibale Preca ta’ Ħal-Lija u Ħal-Balzan, il-Junior Lyceum San Ġużepp ta’ Kordin u l-iskola tal-Knisja St. Francis ta’ tas-Sliema.  L-iskola Annibale Preca stiednet lill-ġenituri tat-tfal li jattendu f’din l-iskola biex isegwu dak li jkunu qed jagħmlu t-tfal billi jattendu fil-klassi u jipparteċipaw b’mod attiv fit-tagħlim.  Fil-Junior Lyceum saret attivita’ għall-ġenituri li kienet tinkludi drama u forum ta’ diskussjoni.  Fl-iskola ta’ tas-Sliema saru workshops għall-ġenituri u programm ta’ divertiment, xi studenti tkellmu mal-ġenituri dwar l-esperjenzi li ħadu waqt żjarat li għamlu fi Brussel u fi Stasbourg.   

Din is-sena l-Assoċjazzjoni Kunsilli ta' l-Iskejjel - AKS ħadet l-inizjattiva biex tgħaqqad Kumitat ta' Tmexxija fuq livell nazzjonali.  Is-sehem tal-Ministeru u d-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni, d-Dipartiment taż-Żgħażagħ, il-tliet partiti politiċi, l-MUT, l-FES u l-Għaqda tal-Ġenituri tat-Tfal li jattendu l-Iskejjel tal-Knisja kien krucjali biex ittella' l-programm ta' din is-sena, li barra l-attivitajiet organizzati mill-iskejjel, ra rally għall-genituri fl-Istitut Kattoliku u talk show bis-sehem dirett tat-tfal fuq radju lokali.  Fil-fatt mijiet ta' ġenituri inġabru l-Istitut Kattoliku fejn flimkien mad-Direttur Ġenerali ta' l-Edukazzjoni Dr. Cecilia Borg u d-Direttur tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija Br. Saviour Gatt kienu diskussi issues edukattivi.    

Matul iż-żjarat fl-iskejjel, il-Ministru Galea kien akkumpanjat mill-President ta' l-AKS Frans Borg, li f'dan l-aħħar jiem ġie ikkonfermat Segretarju Ġenerali ta' l-European Parents Association għas-sentejn li ġejjin.  Il-Ministru Galea sostna li diversi Maltin qed jingħataw ħatriet fuq livell Ewropew u dan ikompli jikkonferma li pajjiżna, minkejja ċ-ċokon tiegħu, għandu leħen xi jsemma’ fuq livell Ewropew.  Hu kompla jgħid li dak li qed iseħħ f'Malta fil-qasam tal-ħidma tal-ġenituri hu eżempju ta' prattika tajba li għandna nesportaw lil hinn mix-xtutna.  Hu awgura ħidma sfiqa lis-Sur Borg.  

DOI – 12.10.2004    

15.33 Kbytes Last Modified on 12th October, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

Aktar Stqarrijiet Right arrow