XOGĦOL AVVANZAT TA’ TISBIĦ FI PJAZZA PAOLINO VASSALLO ĠEWWA BORMLA
Wara t-tisbiħ tal-pjazza ta’ Ħal-Safi, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastrastruttura kompla bix-xogħol ta’ tisbiħ fil-pjazez ta’ l-irħula Maltin. Huwa fi stadju avvanzat ħafna x-xogħol ta’ tisbiħ fil-pjazza Paolino Vassallo f’Bormla li qed jitwettaq mit-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan dan il-Ministeru.
Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, Ninu Zammit waqt żjara li għamel fuq dan il-proġett fejn seta’ jara dawn ix-xogħlijiet. Ix-xogħol fuq din il-pjazza beda lejn l-aħħar ta’ Lulju u se jkun lest sa l-aħħar ta’ Ottubru. Il-pavimentar beda f’nofs Settembru.
Il-Ministru Ninu Zammit spjega li dan il-proġett kien jikkonsisti f’pavimentar tal-pjazza, dwal ġodda, installazjoni ta’ bankijiet u railings. Ix-xogħol kollu twettaq minn ħaddiema tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni kien responsabbli għat-tqegħid ta’ pavimentar fejn intuża porfido, ġebel tal-qawwi u ċagħaq. Id-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi kien inkarigat biex ħadem bankijiet ta’ l-injam, railings, u sabiex jitpoġġew arbli tad-dawl u wiring ġdid, liema arbli kienu tneħħew fil-bidu tal-proġett sabiex seta’ jitpoġġa il-pavimentar.
F’dan il-proġett tpoġġew ‘l fuq minn 950 metru kwadru ta’ ċangatura tal-porfido u huwa wkoll ippjanat li jsiru road parkings ġodda u jiġi nkluż ukoll parkeġġ riservat għal persuni b’diżabilita’. Waqt li tkellem mal-ġurnalisti preżenti, il-Ministru Zammit, semma d-diversi xogħlijiet li qed jitwettqu mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura f’diversi pjazez oħra bħal dik tal-Mellieħa u Ħal Balzan. Fil-jiem li ġejjin se jinbeda wkoll bini ta’ ġonna fiz-Zurrieq u l-Imqabba, kif ukoll il-Promenade tax-Xgħajra. Il-Ministru Zammit semma wkoll li ntemmu id-diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuga fuq it-tisbiħ tal-pjazza tal-lokal.
Fl-aħħarnett, il-Perit Ninu Zammit tenna li għal darb’oħra proġett ieħor ta’ tisbiħ twettaq mill-ħaddiema tal-Gvern li jaħdmu mal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, li dejjem iżjed qegħdin jagħtu riżultati sodisfaċenti b’iktar effiċjenza u b’inqas spejjeż. Huwa għalaq billi saħaq fuq l-importanza li l-pjazez jiġu riġenerati u msebbħa bil-għan li l-istess ċentri tal-irħula jerġgħu jingħataw il-ħajja li tixirqilhom.
DOI – 12.10.2004
6.2 Kbytes Last Modified on 12th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945