WIRJA B’VALUR ARTISTIKU U STORIKU
Fl-1947 Willie Apap, flimkien ma’ għadd ta’ Maltin oħra, inġiebu lura mill-Italja. Willie Apap, flimkien ma’ dawn il-Maltin, sabu rwiehhom fl-Italja meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija u taw il-passaport Ingliż tagħhom lill-awtoritajiet Taljani. Fl-aħħar tal-gwerra nġiebu Malta u ġew akkużati bi tradiment.
Il-Maġistrat, dak iż-żmien avukat, Giovanni Filiberto Gouder kien id-difensur ta’ Willie Apap flimkien ma’ persuna oħra li kien inġieb Malta miegħu. Waqt il-proċedimenti Willie Apap għamel disinji u karikaturi tal-persuni li kien jara fis-sala – ġurati, imħallfin, avukati difensuri, prosekuturi, xhieda u nies li kienu fis-sala.
Willie Apap, flimkien ma’ l-akkużati l-oħra, ma nstabux ħatja u ġew illiberati. Wara l-ġuri hu ta d-disinji u l-karikaturi lill-avukat difensur. Wara li l-Maġistrat Gouder miet, ulied il-Magistrat dehrilhom li dawn id-disinji mhux biss kellhom valur artistiku għoli iżda kienu parti mill-istorja ta’ pajjiżna u għalhekk iddeċidew li jagħtuhom lin-Nazzjon Malti.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech inawgura wirja ta’ dawn id-disinji li ttellgħet fl-okkażjoni tal-għotja formali tagħhom mill-familja tal-Maġistrat Giovanni Gouder lin-nazzjon Malti. Francis Zammit Dimech qal li wirjiet bħal din huma ta’ min jinkoraġġihom għaliex jżewwġu l-arti ma’ l-istorja li flimkien jiddistingwuna minn pajjiżi oħra.
“Willie Apap ħallilna xogħlijiet artistiċi kbar li jagħmlu unur lilu u lill-pajjiżna. Fil-każ ta’ dawn id-disinji, l-valur tagħhom hu ferm ogħla għax jimmarkaw episodju mportanti fl-istorja ta’ pajjiżna u ta’ l-Ewropa – it-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija segwit mill-bidu ta’ l-Unjoni Ewropea li fisser il-bidu ta’ l-era tal-paċi fl-Ewropa,” tenna l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura.
DOI - 11.10.2004
4.79 Kbytes Last Modified on 12th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945