Left arrow Mur Lura

BROADBAND INTERNET GĦAL KULĦADD

PR1576
Date Icon 11/10/2004

Il-Ministru Austin Gatt illum nieda inizjattiva li permezz tagħha l-Broadband Internet ser ikun iktar aċċessibli għal kulħadd. Dan il-prodott, li kummerċjalment ser jkun magħruf bħala “Breeze”, ser jiġi pprovdut mill-kumpanija DATASTREAM lill-ISPs kollha.

Il-Ministru Austin Gatt saħaq li meta ppubblikajna l-Istrateġija Nazzjonali dwar l-ICTs, l-inizjattiva tal-lum kienet waħda mill-aktar importanti fil-mira strateġika li negħlbu l-firda diġitali. Huwa spjega li hemm ħafna forom ta’ żvantaġġi diġitali, iżda l-aktar komuni hu l-iżvantaġġ klassiku, jiġifieri d-differenza bejn min jiflaħ iħallas u min le. L-aċċess għall-broadband Internet hu l-għodda biex kulħadd ikun parti mid-dinja tal-lum. “Ħadd m’għandu jibqa’ barra għall-ebda raġuni: ħadd m’għandu jibqa’ barra għax ma jiflaħx iħallas”, kompla Austin Gatt.

Meta beda l-Broadband inħoloq ir-riskju li titwieled it-tieni ġenerazzjoni tal-firda diġitali. L-ewwel fażi ta’ firda diġitali kienet bejn min juża l-Internet u min le, filwaqt li t-tieni fażi kienet bejn min juża l-Broadband u min juża n-Narrowband (bħad-Dial-Up). L-inizjattiva tal-lum tfisser li kulħadd jista’ u jaqbillu jaqleb mid-Dial-Up għall-Broadband. Huwa stmat li 50,000 persuna li llum jużaw id-Dial-Up, fil-jiem li ġejjin jagħżlu li jaqilbu għall-Broadband.

Il-Ministru Austin Gatt kompla li ma nkunux kuntenti li nikkonvertu ’l min juża d-Dial-Up għall-Broadband. Irridu li jekk jista’ jkun sa l-anqas persuna tkun qed tuża l-Internet.  Broadband Internet bil-veloċità offruta hu aktar interessanti u fih ħafna aktar x’tagħmel mill-Internet antik.

Mil-lat edukattiv, permezz ta’ dan il-prodott hi li raħħasna l-akbar għodda edukattiva fid-dinja għall-but ta’ kulħadd. Siegħa kuljum fuq l-Internet issa ġiet orħos minn siegħa kuljum fuq it-telefon. Malta llum għandha prezzijiet FOST L-ORĦOS FL-EWROPA biex wieħed juża l-Broadband Internet.

F’kuntest edukattiv illum, b’software irħis, u bi broadband Internet irħis, kull tifel u tifla ta’ l-iskola u kull student għandu aċċess għall-għerf kollu tad-dinja.

Il-pass li jmiss hu li l-computer hardware ukoll ikompli jorħos ftit aktar milli hu. Din hi t-tielet mira tagħna biex bejn hardware, software, u broadband Internet kulħadd ikollu aċċess għat-teknoloġiji.

Il-Ministru Austin Gatt spjega li dawn l-inizjattivi huma parti mill-programm HELLO-IT li hu l-programm li ser jitħabbar fil-ġimgħat li ġejjin intenzjonat biex neqirdu l-firda diġitali. HELLO-IT ser ikun qafas t’inizjattivi differenti iżda li jikkumplimentaw ’il xulxin biex nilħqu l-għanijiet tagħna.

Dan il-programm għandu jgħina biex sa tlett snin oħra nilħqu l-għanijiet tagħna li 75% tad-djar Maltin ikollhom kompjuter (inkluż hand-held) imqabbad ma’ l-Internet, 60% ta’ min juża l-Internet ikun qed juża l-broadband, ser ikun hemm wirless Internet fil-pjazez kollha Maltin u 80% tal-Maltin ikunu jafu jużaw it-teknoloġiji.

Fid-diskors tiegħu Austin Gatt saħaq li din hi xhieda tal-politika li jħaddan dan il-Gvern li ħadd m’għandu jibqa’ lura. Dan hu programm t’emanċipazzjoni! Permezz ta’ din l-inizjattiva kulħadd - tfal u anzjani, persuni b’diżabilità, nisa, nies li qed ifittxu xogħol - jista’ jbiddel ħajtu għall-aħjar jekk ikollu aċċess għat-teknoloġiji.

“Il-missjoni tiegħi u tal-Ministeru tiegħi hi li nassiguraw li dak l-aċċess isir possibbli.

Illum, b’mod konkret u reali, b’differenza radikali fil-prezz, qed niftħu l-bibien tal-minjiera ta’ l-Internet għal kull min irid jidħol fiha: tassew il-prezz m’għadhiex il-problema.”

Minn naħa tiegħu c-Chairman tal-Maltacom, Sonny Portelli, fisser li l-prodott “Breeze”, mniedi mill-kumpanija Datastream, ser jkun jista’ jinxtara mingħand l-ISP’s, li fl-aħħar mill-aħħar, kull wieħed minn dawn se jkun fil-libertà li jiddeċiedi l-prezz. Huwa fisser li l-prodott ser jinbiegħ permezz ta’ Starter Kit, li jkun jikkonsisti f’modem, splitter u voucher għal mitt siegħa, li min jixtrieh se jkun jista’ jużahom fuq medda ta’ xahrejn. Eventwalment se jkun hemm top-up vouchers u dawn se jkunu jqumu Lm 7.50 għal-voucher ta’ 35 siegħa, li jrid jintuża fi żmien xahar, jew inkella top-up voucher ta’ Lm 15 li jagħti 75 siegħa fi żmien xahrejn. 

DOI  11.10.2004

10.14 Kbytes Last Modified on 11th October, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

Aktar Stqarrijiet Right arrow