IL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN IWIEĠEB LILL-OPPOŻIZZJONI DWAR L-IMMIGRAZZJONI ILLEGALI
Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jirreferi għall-Konferenza ta’ l-Aħbarijiet mgħotija minn Dr Alfred Sant, Kap ta’ l-Oppożizjoni u Mexxej tal-Partit Laburista dwar il-problema ta’ l-immigrazzjoni llegali.
Hija assolutament strategja żbaljata dik li daħlet għalija l-Oppożizjoni li tagħżel li flok tingħaqad wara l-Gvern fil-ġlieda u l-kontroll tal-problemi ta’ l-immigrazzjoni llegali, tattakkah bi slealtà. Iktar u iktar meta kienet l-Opożizzjoni stess li ammettiet diversi drabi, permezz tal-kelliem ewlieni tagħha l-Onor. Dr Gavin Gulia, li l-linja meħuda mill-Gvern hija tajba u anzi għandha tiġi sostnuta.
Kliem il-Kap tal-Oppozizzjoni huma sempliċement eżerċizzju ieħor fir-relazzjonijiet pubbliċi kontra kull sens u loġika. Dan għaliex waqt li f’nifs irid jagħti x’wieħed jifhem li skond hu, il-Gvern mhux qed jikkontrolla d-dħul ta’ l-immigranti llegali, u fl-istess ħin jammetti li f’din il-kwistjoni jeżistu fatturi li ħadd m’għandu kontroll fuqhom.
Terġa’ jkompli jghid li waqt li fuq naħa għandna nuru solidarjeta’ ma’ l-immigranti llegali imbagħad jgħid li ħafna familji Maltin jinsabu nkwetati bl-ammont ta’ immigranti llegali li qed jidħlu f’pajjiżna, u dak li l-Gvern qiegħed jagħmel għalihom bl-open centres.
Dr Sant stqarr li, skond hu, l-Unjoni Ewropea mhux qed tgħin biżżejjed, u wara, fl-istess ħin, isostni li ma nistgħux nibqgħu nistennew għodda mill-Unjoni Ewropea jew mil-Libja biex naħdmu bihom. Kontradizzjonijiet li l-Oppożizzjoni toħroġ bihom.
Dan kollu jindika li l-Oppożizzjoni m’għandhiex idejat ċari fuq x’inhuwa verament l-interess nazzjonali u jidher li dak li qedha tipprova tagħmel huwa li tikseb gwadann politiku minn din it-traġedja umana. Il-problema ta’ l-immigrazzjoni llegali ilha ħafna tiġi dibattuta f’pajjiżna. Jidher ċar minn din il-konferenza ta’ l-aħbarijiet, li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma kienx qed jsegwi ħidmet l-Gvern tul dawn l-aħħar snin, u issa qed jitlob Konferenza Nazzjonali dwar din il-problema. Stramb il-fatt li kull darba li pajjiżna ġie inġustament ikkritikat u attakkat minn organizzazzjonijiet li m’għandhomx l-interessi nazzjonali tagħna, l-Oppożizzjoni qatt ma lissnet kelma!
Il-problema ta’ l-immigrazzjoni llegali għandha tigi ffaċċjata u miġġielda b’sens ta’ solidarjetà u mpenn sħih uman u mhux bil-gambetti u l-ostakli.
Il-Ġvern ilu jaħdem mill-qrib mal-pajjiżi kollha li qed jiffaċċjaw din il-problema bħalna. Isiru laqgħat regolari bejn ministri u uffiċjali għolja tal-pajjizi nvoluti li wasslu għal iktar kooperazzjoni u għajnuna. Pajjiż waħdu ma jistax isolvi din il-kwistjoni daqs kemm meta jkun qieghed maghqud fuq l-istess linja ma’ oħrajn.
L-immigrazzjoni illegali trid tigi miġġielda b’mod sħih, bi strateġija fit-tul u li tħares l-interessi veri tal-pajjiż u mhux ta’ partit politiku. Malta għandha rabtiet mill-qrib ma’ żewg pajjiżi li huma milquta direttament bħalha bl-immigrazjoni illegali – l-Italja u l-Libja; u ser tkompli taħdem u tiftiehem magħhom sabiex il-problema tiġi iffaċċjata kif tixraq.
Malta kienet kruċjali biex ġiet aċċetta l-proposta lill-Unjoni Ewropea biex jitneħħew is-sanzjonijiet kontra l-Libja. Din it-tneħħhija ser tiffaċilita l-kisba minn naħa tal-Libja ta’ makkinarju u għodod biex tkun tista’ tikkontrolla hija wkoll it-tluq ta’ immigranti llegali li ħafna drabi joriġina minn xtutha.
Il-Gvern Malti qed jappoġġa il-proposta, imressaq dan l-aħħar mill-Ministru ta’ l-Intern Ġermaniz, ta’ ftuħ ta’ ċentri f’pajjiżi Afrikani fejn dawk l-immigranti li qed ifittxu xogħol fl-Ewropa jkunu jistgħu jakkwistaw permessi regolari biex jemigraw lejn pajjiżi fl-Ewropa li jeħtieġu ħaddiema. Din hija proposta li tattakka direttament l-immigranti llegali li jiċċaqilqu għal raġunijiet ekonomiċi.
Il-ħidma tagħna bħala pajjiż għandha tkun diretta: l-ewwel biex tevita kemm jista’ jkun li tant nies innoċenti jibqgħu jitilfu ħajjithom waqt il-vjaġġ perikoluż tagħhom lejn l-Ewropa, u t-tieni li taqta’ kompletament is-suq immorali li huwa marbut mat-trasport tagħhom. Punti li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni lanqas biss semma. Malta hija favur li l-Unjoni Ewropa żżid il-programmi tagħha ta’ koperazzjoni u għajnuna teknika u finanzjarja fil-pajjiżi ta’ l-Afrika ta’ Fuq bil-għan li kemm jista’ jkun, jonqos il-bżonn ta’ emigrazzjoni minn dawn il-pajjiżi.
Fil-kuntest ta’ l-Unjoni Ewropea, Malta u Italja qed jipproponu li l-piż kbir ta’ din it-traġedja umana jinqasam bejn il-pajjiżi membri kollha, il-kunċett ta’ burden sharing. F’din il-linja diġà intalbet għajnuna finanzjarja fil-kuntest ta’ l-European Refugee Fund 1 u qed jiġi ippreparat proġett ieħor bil-għan li jiġi iffinanzjat il-bini ta’ ċentru ta’ akkomodazzjoni ġdid minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Fil-kwistjoni ta’ l-immigrazzjoni illegali, il-Gvern qed jimxi b’mod li jħares l-interess nazzjonali. Il-bilanċ bejn iċ-ċentri ta’ detenzjoni u ċ-ċentri miftuħa li semma l-Kap ta’ l-Opożizzjoni diġà qed issir. Il-Gvern baqa’ jħaddan il-politika ta’ detenzjoni proprju biex jilħaq dan il-bilanċ. Il-Gvern, minkejja l-limitazzjonijiet kemm umani u kemm materjali qiegħed, b’solidarjetà, jgħin lil dawk li jeħtiegu għajnuna iżda fl-istess waqt qed iżomm iebes ma’ min ma jixraqlux tali għajnuna.
DOI – 11.10.2004
29.67 Kbytes Last Modified on 11th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945