IL-VUĊI MALTIJA TISSAĦĦAĦ FIX-XENA EWROPEA U INTERNAZZJONALI
“Matul din il-ġimgħa kelli l-opportunita’ li nesperjenza mill-qrib is-sehem li Malta qed tagħti sabiex jissaħħaħ id-djalogu u tisseddaq l-għaqda fir-reġjun tal-Mediterran u fil-kontinent Ewropew. Grazzi għall-passi ta’ ġgant li għamilna bħala poplu, inħossni kburi li qed niksbu kredibilita’ u qed nikkontribwixxu b’mod attiv fl-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali tal-Mediterran u fi ħdan l-Unjoni Ewropea.” Hekk qal il-Prim Ministru Lawrence Gonzi waqt li ndirizza l-laqgħa regolari ta’ darba fix-xahar mar-rappreżentanti tal-media.
Il-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi rrefera għaż-żewġt żjarat li saru matul din il-gimgħa. Fl-ewwel żjara uffiċjali tiegħu ġewwa l-Libja, il-Prim Ministru semma l-importanza li ż-żewġ pajjiżi jagħtu lil xulxin speċjalment issa li Malta hija msieħba fl-Unjoni Ewropea. Filwaqt li saħħet ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi din iż-żjara serviet wkoll sabiex jiġu trattati fuq livell politiku żewġ temi partikolari: it-tħaffif fil-proċess tal-ħruġ tal-visas mill-awtoritajiet Libjani, u l-koperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni llegali. Fuq iż-żewġ temi d-diskussjonijiet servew biex iż-żewġ naħat jifmhu aktar lil xulxin filwaqt li intlaħaq kunsens politiku li issa għandu jittieħed fil-livell tekniku sabiex jissolvew il-problemi eżistenti fil-każ tal-ħruġ tal-visas, filwaqt li jinstabu mezzi tal-koperazzjoni sabiex titjieb is-sorveljanza u l-kontroll fuq l-immigrazzjoni llegali lejn xtutna. “Sinifikanti kienet il-laqgħa mal-Mexxej Muammar al-Qadhafi fejn ġeddidt l-istedina sabiex dan iżur Malta filwaqt li ġie diskuss r-rwol ta’ Malta u l-Libja fl-iżvilupp tal-Politika Ewro-Meditteranja u s-sehem li Malta tista’ tagħti sabiex tkun vuċi b’saħħitha favur l-interessi tal-pajjiżi tal-Mediterran.”
“It-tieni viżita, dik tal-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea Barroso kienet esperjenza eċċellenti għaliex fiha l-President Barroso were b’mod ċar l-impenn u l-importanza li huwa ser jagħti matul is-snin li ġejjin lill-pajjiżi żgħar bħalma hija Malta . Fid-diskussjonijiet li kellna jiena wrejtu b’mod ċar l-aspettattivi tagħna mill-Presidenza l-ġdida l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam mas-sehem ta’ Malta fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-Afrika ta’ Fuq, fil-bżonn tal-għajnuna sabiex Malta tkun tista’ tilqa’ b’mod aktar effettiv kontra l-influss tal-immigranti llegali u l-impenn tiegħu sabiex Malta tkun tista tgawdi u tisfrutta l-isħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea f’benefiċċji konkreti li jtejjbu l-kwalita’ tal-ħajja tal-Maltin. Deher evidenti li l-President Barroso mhux biss huwa sensittiv għar-rejaltajiet ta’ pajjiżna imma wkoll deċiż li jagħti l-importanza mistħoqqa lil dawn l-aspettativi.”
F’dan il-kuntest il-Prim Ministru semma wkoll kif matul din il-ġimgħa sar il-proċess ta’ smiegħ tal-Kummissarju Malti Joe Borg quddiem il-Parlament Ewropew. Anki dan l-avveniment kien ħolqa fil-katina tat-tisħiħ tal-profil internazzjonali li pajjiżna qed jieħu permezz tas-sħubija. Il-konferma ta’ Joe Borg bħala Kummissarju għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi kienet preċeduta minn preżentazzjoni deskritta ‘eċċellenti’ miċ-Chairman tal-Kumitat tas-Sajd fi ħdan il-Parlament Ewropew.
Aspett ieħor li jqiegħed lil Malta fuq il-mappa globali kien il-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-Freeport, proċess li ilu sejjer diversi xhur u li permezz tiegħu kemm il-Gvern, kif wkoll il-ħaddiema u dawk li jużaw is-servizzi tal-Freeport ser jibbenefikaw minn aspetti differenti. Din il-privatizzazzjoni ser tfisser wkoll investiment sostanzjali sabiex il-Freeport jkompli jatrezza ruħu għall-bżonnijiet tat-trasbord.
Bl-istess mod, il-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi rrefera għall-qbil li ntlaħaq fil-każ tat-Trasport Pubbliku, qbil li huwa strettament marbut mat-titjib fis-servizz u l-kwalita’ tas-servizz ta’ transport pubbliku. Huwa qal li dan is-servizz hemm bżonn li jdur madwar il-bżonnijiet tal-pubbliku u mhux madwar il-bżonnijiet tas-sidien u l-Gvern ser ikun qed jirregola l-għoti tas-sussidji skond kemm ikun kuntent bit-twettiq tat-titjib miftiehem. L-ewwel sinjali ta’ dan diga’ huma pożittivi għaliex mill-11 ta’ Ottubru ser jibdew jiffunzjonaw sitt rotot ġodda li ġew maħsuba sabiex jilħqu l-bżonnijiet tal-pubbliku.
“Dwar l-Isptar Mater Dei il-Gvern mhux sejjer iħalli min jaħseb li kollox jgħaddi. Hemm numru ta’ aspetti li jeħtieġu ġustifikazzjoni u spegazzjoni fid-dettal inkella mhux ser isir l-ebda pagament.” Skanska għadha dmir u obbligazzjoni lejn il-poplu Malti u l-Gvern ser jaċċerta ruħu li dan jiġi mħares, qal il-Prim Ministru. “Fi ftit jiem oħra, jekk ma’ ssir l-ebda ċaqlieqa minn Skanska, jiena, wara li hadt il-parir tal-Kabinett, sejjer insejjaħ f’Malta lic-Chairman ta’ Skanska filwaqt li ninvoka d-drittijiet tiegħi skond il-provvedimenti legali diġa stabbiliti fil-kuntratt iffirmat. Għalkemm nifhem l-impatt li dan jista’ jkollu fuq kuntratti oħrajn, nħossni fid-dmir li nuża l-poteri kollha mogħtija lili sabiex nħares u niggarantixxi l-infuq ġustifikat tat-taxxi tal-poplu,” temm jgħid il-Prim Ministru.
DOI – 09.10.2004
10.36 Kbytes Last Modified on 11th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945