Left arrow Mur Lura

L-GĦAŻLA TA’ GLOBAL TRANSLATIONS SOLUTIONS LIMITED SARET B’MOD TRASPARENTI U SKOND KRITERJI LI NTUŻAW MA’ KULĦADD

PR1568
Date Icon 08/10/2004

Il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern jiċħad bil-qawwa l-allegazzjonijiet magħmula mis-Super 1 TV, fir-rigward tal-kumpanija Global Translations Solutions Limited. 

Il-Unit responsabbli mix-xogħol ta’ traduzzjoni ta’ materjal maħruġ mill-Unjoni Ewropea f’April tal-2001 kienet niedet proċess ta’ għażla li permezz tiegħu numru ta’ individwi u kumpaniji ġew mistiedna sabiex jittraduċu l-acquis communitaire kif wkoll materjal ieħor relatat mal-Unjoni Ewropea. Madwar 77 –il traduttur/kumpanija, u 57-il reviżur/kumpanija, taw is-servizz tagħhom lill-din il-Unit mill-2001 sa’ llum.

Kif ġara f’numru ta’ każijiet oħrajn, wħud minn dawn l-individwi ingħaqdu flimkien f’kumpaniji, partnerships jew konsorzja. Fl-istess waqt, aktar kmieni din is-sena, il-Unit tat-Traduzzjonijiet riedet iżżid ir-ritmu tax-xogħol anki minħabba r-rejaltajiet tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Għaldaqstant, il-Unit reġgħet għamlet kuntatt ma’ kull minn kien disponibbli u kapaċi sabiex jagħmel xogħol ta’ traduzzjoni jew reviżjoni. Kull min wera interess li jagħmel dan it-tip ta’ xogħol (u li kien diġa għamel dan it-tip ta’ xogħol fil-passat) ġie aċċettat. Bħal numru ta’ kumpaniji u ndividwi oħrajn, Global Translations Solutions Ltd., ġiet mogħtija ammont ta’ xogħol liema ammont huwa dejjem u f’kull każ relatat ma’ kemm l-individwu jew il-kumpanija tkun tista’ twettaq jew tipproduċi. 

L-għażla ta’ Global Translations Solutions Ltd., kienet magħmula a bażi tal-fatt li tlieta mill-erba’ diretturi ta’ din il-kumpanija kienu diġa ntgħażlu bħala tradutturi fuq bażi personali fil-proċess tal-għażla li nbeda f’April 2001, u wara li, flimkien ma’ dawk kollha magħżula f’dan il-proċess, għaddew minn taħriġ speċjalizzat f’dan il-qasam.

Dwar il-fatt li saru pagamenti lil din il-kumpanija meta din kienet għadha mhux iffurmata, il-Ministeru jixtieq jiddikjara li wara li nvestiga fil-fond ġie skopert li sar żball amministrattiv fit-tweġiba mogħtija fil-Parlament. Jirriżulta li traduttur partikolari li llum huwa azzjonist fil-kumpanija Global Translations Solutions Ltd., kien għamel xogħol ta’ traduzzjoni fl-2003. Bi żball, fit-tweġiba għall-mistoqsija parlmentari tniżżel  li l-ħlas ingħata lil Global Translations Solutions Ltd meta fil-fatt il-ħlas ingħata lit-tradduttur u mhux lill-kumpanija. Tajjeb jingħad li Dott. David Gonzi qatt ma’ għamel xogħol għall-Unit tat-Traduzzjonijiet.

Huwa għalhekk żbaljat li Super 1 TV jinsinwa li x-xogħol mogħti lill-Global Translations Solutions Ltd. ġie mogħti minħabba li wieħed mid-diretturi hu iben il-Prim Ministru. Azzjonisti ta’ din il-kumpanija kienu ilhom sa’ mill-2001 jagħmlu dan ix-xogħol u l-fatt li ngħaqdu flimkien billi ffurmaw kumpanija kienet immaterjali għall-fini tal-Unit għat-Traduzzjonijiet. Il-Ministeru għalhekk jiċħad kategorikament l-allegazzjonijiet magħmula f’dan ir-rigward u jinsisti li dan huwa proċess trasparenti u ntegru.

DOI – 08.10.2004

6.19 Kbytes Last Modified on 08th October, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

Aktar Stqarrijiet Right arrow