INAWGURAT IĊ-ĊENTRU ROBERT SAMUT
Wara li kien sar xogħol estensiv ta’ retawr fuq il-Knisja tal-Metodisti fil-Furjana sar xogħol biex is-swali ta’ din il-knisja jiġu mgħammra biex jintużaw bħala ċentru għall-konferenzi, laqgħat, esibizzjonijiet u attivitajiet kulturali.
Iċ-Ċentru għandu:
· sala għal diversi użi li tesa’ sa 250 ruħ;
· żewġt ikmamar isfel għall-konferenzi li jistgħu jintużaw separatament;
· ġnien li jista’ jintuża waqt waqfiet għal kafe/ikliet, jew jintuża għalih;
· post ġenerali fil-kwiet;
· faċilitajiet awdjo-viżivi mill-aqwa;
· faċilitajiet għall-aċċessibilita’; u
· l-faċilitajiet kollha li hemm bżonn f’ċentru għall-konferenzi modern.
L-istil tal-knisja Metodista nżamm kemm jista jkun intatt. L-orgni li kien hemm f’din il-knisja ġie spustat biex is-sala saret estetikament u prattikament aktar addattata għat-tip ta’ konferenzi li se jsiru fiha, u saret art apposta maqtugħa mill-art oriġinali biex minn taħtha jgħaddu s-servizzi kollha ta’ dawl, arja kondizzjonata u tal-faċilitajiet awdjo-viżivi.
L-istil neo-gotiku tal-bini ssawwar mill-perit Ingliż Mullet Ellis bit-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla fl-1881. Il-knisja kienet tieħu 450 ruħ bil-qiegħda b’qima għaċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi, kif ukoll kien fiha l-ewwel bozoz ta’ l-elettriku f’Malta, il-Lan Ton Incandescent Lamps. Meta l-Ingliżi bdew jitilqu minn Malta , u magħhom dawk li jħaddnu t-twemmin Metodista, il-knisja ma baqgħetx tħejji servizzi reliġjużi u fl-1975 il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni ta’ dak iż-żmien bidilha f’ċentru Kulturali għall-Orkestra Nazzjonali taż-Żgħażagħ, għall-gruppi tal-folklor u tad-drama kif ukoll għall-Kor Nazzjonali.
Illum dan il-bini li jmiss mal-ġonna sbieħ ta’ l-Argotti u li għandu l-veduta tas-swar li jdawru l-Belt, huwa post addattat u ideali għal min irid jorganizza xi attività. Il-Bini Robert Samut fih tlett swali ta’ diversi daqsijiet u li jesgħu numru differenti ta’ nies.
F’diskors waqt attività kulturali li tfakkar il-ftuħ mill-ġid taċ-Ċentru wara r-restawr, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Louis Galea qal li bil-ftuħ taċ-Ċentru Robert Samut se jissaħħu l-faċilitajiet eżistenti tal-Ministeru biex isiru laqgħat formattivi, edukattivi u kulturali. Matul is-sena, id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni torganizza għadd imdaqqas ta’ laqgħat għall-għalliema, kapijiet ta’ skejjel u anki għall-ġenituri u li issa jistgħu isiru f’dan iċ-Ċentru. Il-ħsieb tal-Ministeru iżda huwa li l-użu taċ-Ċentru jitwessa’ biex jilħaq ukoll entitajiet oħra li jkunu jridu jagħmlu użu mill-faċilitajiet offruti minnu. Għal dan l-iskop iċ-Ċentru se jkollu bord tat-tmexxija li se jkollu wkoll ir-rwol li jagħmel ‘marketing’ professjonali taċ-Ċentru u tal-faċilitajiet tiegħu.
Matul is-serata li saret fl-okkażjoni tal-ftuħ ittella’ programm mużiko-letterarju li kien jinkludi kant mill-Kor Collegium Musicum akkumpanjat mill-pjanista Ramona Żammit Formosa u l-arpista Annmarie Camilleri Podesta’ taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Dion Buhagiar. Ittellgħet ukoll wirja ta’ pitturi u xogħol fiċ-ċeramika mill-artista Gabriel Caruana li se tibqa miftuħa għall-pubbliku matul il-ġimgħa li ġejja.
DOI – 08.10.2004
10.99 Kbytes Last Modified on 08th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945