IL-PROĠETT TAĊ-ĊIRKEWWA DIĠÀ TEJJEB IS-SERVIZZ TAT-TRASPORT BIL-BAĦAR BEJN IŻ-ŻEWG GŻEJJER
Il-Ministeru għall-Kompetittività u Komunikazzjoni jirreferi għall-konferenza ta’ l-aħbarijiet li d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, in-Nutar Charles Mangion, għamel fic-Ċirkewwa nhar is-Sibt 2 t’Ottubru 2004.
Il-Ministeru jixtieq jippreċiża li l-proġett għat-tkabbir tal-mollijiet fic-Ċirkewwa u l-Imġarr, Għawdex, kien tnieda mill-Gvern wara proċess ta’ studji tekniċi, konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati u wara konsiderazzjonijiet dettaljati mill-Awtorità ta’ l-Ambjent u l-Iżvilupp (MEPA). Il-proġett għadda minn evoluzzjoni fir-rigward tal-faċilitajiet li kellhom jiġu pprovduti f’dawn iż-żewġ portijiet.
Il-figura ta’ LM8 miljuni li ssemmiet fl-artiklu tirreferi għall-istima preliminari tal-proġett fl-1995. Pero’ f’Awissu tal-2001, il-Ministeru tal-Finanzi kien digà nfurmat illi x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fil-proġett kien stmat li kienu ser jiswew madwar LM13 miljun minbarra l-VAT u minbarra spejjeż oħra bħal, permessi neċessarji, studji tekniċi, drittijiet professjonali u ħlasijiet anċillari. Kuntrarjament għal dak li ġie rrapurtat, s’issa ntefqu madwar LM8 miljuni f’xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Id-differenza fl-istejjem tal-1995 u l-2001 hija attribwita prinċipalment minħabba l-kapaċità ikbar tal-vapuri l-ġodda tal-Gozo Channel Co. Ltd., tibdiliet fid-disinn tat-‘terminals’ tal-passiġġieri kif ukoll żieda ta’ parkeġġ tal-karozzi taħt l-art u miżuri għall-protezzjoni ta’ l-ambjent marittimu. Ta’ min wieħed jinnota li diversi minn dawn ir-raġunijiet joħorġu bħala parti mill-obbligu ta’ l-Awtorità Marittima sabiex twettaq il-kundizzjonijiet fil-permess għall-iżvilupp maħrug mill-MEPA.
Intant, wara diversi diskussjonijiet mal-partijiet konċernati, il-Ministeru, flimkien ma’ l-Awtorità Marittima ħejja rapport biex jidentifika l-possibilitajiet u l-alternattivi li attwalment jeżistu sabiex ikun jista’ jitkompla u jitlesta l-proġett tal-mollijiet u t-‘terminals’ ġewwa c-Ċirkewwa u l-Imgarr. Huwa mistenni li deċizjoni finali dwar dawn il-proposti tittiehed fi żmien qasir.
Il-Ministeru għall-Kompetittività u Komunikazzjoni jostni ukoll li, bħal ma jkun mistenni f'kull post ta' kostruzzjoni, huwa normali li jakkumula ċertu ammont ta' trab u irdim. L-Awtorità Marittima, li qiegħda timplimenta dan il-proġett dejjem għamlet l-almu tagħha sabiex titnaqqas, kemm jista’ jkun, kull tip ta’ inkonvenjenza li dawn ix-xogħlijiet jistgħu joħolqu lill-pubbliku. Madanakollu, fl-ebda mument dan il-proġett ma fixkel is-servizz tat-trasport bejn il-gzejjer.
Għall-kuntrajru, permezz ta’ l-estensjoni tal-‘breakwater’ ġewwa c-Ċirkewwa, is-servizz tat-trasport diġà ġie msaħħaħ u mtejjeb konsiderevolment. Dan filwaqt li l-Gozo Channel issa qiegħda taghmel użu miz-zewġ mollijiet u saħansitra qiegħda topera b’żewġ vapuri fl-istess waqt minn dan il-port. B’hekk diġà ntlaħaq l-għan prinċipali tal-proġett jiġifieri li s-servizz tat-trasport bil-baħar bejn iż-żewg gżejjer ikun wieħed kontinwu u effiċjenti u b’mod li jaqdi l-bżonnijiet tal-ġzira Għawdxija.
DOI 07.10.2004
13.04 Kbytes Last Modified on 07th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945