Left arrow Mur Lura

ITEMMU B’SUĊĊESS KORS TA’ TAĦRIĠ FIL-BINI TA’ ĦITAN TAS-SEJJIEGĦ

PR1546
Date Icon 06/10/2004

L-importanza tas-sengħa tal-bini ta’ ħitan tas-sejjiegħ hija waħda mis-snajja’ li l-Gvern qiegħed dejjem iħeġġeġ u qed jaħdem biex din tibqa’ ħajja f’pajjiżna.  Dan stqarru l-Ministru Ninu Zammit, li kien akkumpanjat mill-Ministru George Pullicino, waqt li ppreżentaw iċ-ċertifikati lill-165 ħaddiem u lil 19-il għalliem li temmew b’suċċess kors fil-bini tal-ħitan tas-sejjiegħ.  

Il-Ministru Zammit stqarr li l-entużjażmu muri minn dawn il-ħaddiema jħeġġeġ lill-Ministeru biex flimkien mal-B.I.C.C. jorganizza iktar korsijiet ta’ dan it-tip.  Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fakkar li apparti minn dan il-kors, il-BICC nieda wkoll korsijiet fis-sengħa tal-ħadid, fis-sengħa tal-bini, fit-tqegħid ta’ pavimentar, fit-tikħil u fir-restawr.  Dan kollu qed isir bil-għan li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikunu attrezzati u mħarrġa sabiex jitwettqu proġetti b’mod professjonali u fuq standards stabbiliti kemm minn naħa tal-Gvern kif ukoll mis-settur privat.  Dawn il-ħaddiema wettqu xogħlijiet ta’ bini ta’ ħitan tas-sejjiegħ f’tal-Għolja, limiti tas-Siggiewi u n-naħat ta’ Dingli Cliffs fl-area ta’ Wied Ħażrun.  

Il-Ministru Zammit tenna li f’dawn l-aħħar snin inħass in-nuqqas ta’ riżorsi umani kapaċi fis-sengħa ta’ bini ta’ ħitan tas-sejjiegħ.  Permezz ta’ dan il-kors, dan is-settur ingħata spinta qawwija.  Il-ħaddiema li attendew għal dan il-kors ġejjin kollha mis-settur privat u dan juri li l-għatx għat-tagħlim ta’ din is-sengħa qiegħed dejjem jikber.  

Il-Ministru Pullicino semma l-benefiċċji li jgawdu l-bdiewa permezz ta’ bini tajjeb ta’ ħitan tas-sejjiegħ, fosthom inqas telf ta’ ħamrija u lqugħ mir-riħ.  Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent fakkar fl-għajnuna li qeda’ tingħata lil bdiewa biex jinbnew ħitan tas-sejjiegħ permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, fejn għadhom kif ġew iffirmati kuntratti ma’ l-applikanti li jammontaw għal €850,000.  

Il-Kunsill Konsultattiv dwar il-kostruzzjoni tal-bini (BICC) qiegħed dejjem iktar jirċievi talbiet għal iktar korsijiet simili fil-futur.  Dan tennieh il-Perit Robert Musumeci, Chairman tal-BICC.  Huwa stqarr li bħalissa għaddejja ħidma biex fil-futur qrib jerġgħu jittellgħu korsijiet simili għal ħaddiema Maltin u Għawdxin u fil-fatt se jsir kors simili f’Novembru, fejn diġa’ daħlu 70 applikazzjoni.  

Finalment il-Ministru Zammit temm billi fakkar li r-riżultat ta’ dawn il-korsijiet beda jissarraf f’diversi proġetti ta’ tisbiħ.  Huwa ppjanat li jsir xogħol ta’ bini ta’ ħitan tas-sejjegħ fl-inħawi ta’ Għajn Tuffieħa fejn se jkun mwettaq proġett ta’ ‘camping site’ mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.  

DOI – 06.10.2004

7.51 Kbytes Last Modified on 06th October, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

Aktar Stqarrijiet Right arrow