PRIVATIZZAZZJONI TAL-MALTA FREEPORT
Il-Gvern illum iffirma ftehim għal tletin sena mal-Grupp CMA-CGM li jtihom id-dritt joperaw u jiżviluppaw il-Malta Freeport. Bis-saħħa tal-ftehim iffirmat illum il-Gvern biegħ l-ishma kollha li kellu fil-Malta Freeport Terminals Limited, u daħal għal ftehim biex jikri l-faċilitajiet tal-port u jagħti liċenzja għall-operazzjoni tal-Port. Dan waqt li l-Gvern jibqa’ s-sid ta’ l-art fejn hemm il-faċilitajiet tal-Port.
Bl-iffirmar, li sar illum fil-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, daħlu fis-seħħ ħames settijiet ta’ dokumentazzjoni:
Id-dokument ta’ Liċenzja;
Il-ftehim dwar il-Kirja;
Il-ftehim dwar il-Bejgħ u x-Xiri;
Il-ftehim dwar is-Sikurezza;
Il-ftehim dwar it-Tmexxijja.
Kien iffirmat l-ewwel il-ftehim dwar il-Bejgħ u x-Xiri li jispjega l-kundizzjonijiet tal-ħlas u l-prezz tat-tranżazzjoni. Il-ftehim fih ukoll limitazzjonijiet fuq is-CMA-CGM milli titrasferixxi lil ħaddieħor l-ishma li qed tixtri jew li tuża l-ishma li qed tixtri bħala ipoteka. Dan il-ftehim jaħseb ukoll għal garanziji lill-Gvern u limitazzjonijiet fuq kemm il-Gvern jista’ jkun espost għal danni.
Dan il-ftehim essenzjalment biegħ lis-CMA-CGM il-kumpanija Malta Freeport Terminals Limited li hi l-kumpanija li topera l-Freeport. Il-ftehim kien iffirmat miċ-Chairman tal-Malta Freeport Corporation Mark Portelli, mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni John Gatt, u mill-Kap Eżekuttiv u Viċi-President tal-Grupp CMA-CGM Farid Salem.
Wara ġie ffirmat Ftehim ta’ Kirja biex is-CMA-CGM tkun tista’ topera l-Freeport matul it-30 sena li ġejjin. Il-Gvern ser jibqa’ s-sid ta’ l-art. L-art fejn hemm il-faċilitajiet tal-Malta Oil Tanking u tal-Medserv ma jaqgħux taħt dan il-ftehim. Il-bini amministrattiv tal-Malta Freeport, il-Freeport Centre, ser jinkera wkoll lis-CMA-CGM, għalkemm il-Malta Freeport Corporation, bħala l-Awtorità, ser tibqa’ żżomm xi uffiċċji f’dan il-kumpless.
Il-ftehim kien iffirmat miċ-Chairman tal-Malta Freeport Corporation Mark Portelli, mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni John Gatt, u mill-Kap Eżekuttiv u Viċi-President tal-Grupp CMA-CGM Farid Salem f’isem il-Malta Freeport Terminal Limited.
Il-Malta Freeport Corporation (li hi l-Awtorità tal-Port) tat lis-CMA-CGM liċenzja għal perjodu ta’ 30 sena biex topera t-Terminal. Dan id-dokument fih id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet u jinkludi artikli dwar kif jinstabu soluzzjonijiet għal nuqqas ta’ qbil, x’jiġri meta parti ma tonorax il-ftehim, kif jintemm il-ftehim u x’kumpens jingħata jekk jinqalgħu dawn iċ-ċirkostanzi.
Id-dokument tal-Liċenzja kien iffirmat miċ-Chairman tal-Malta Freeport Corporation Mark Portelli, mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni John Gatt, u mill-Kap Eżekuttiv u Viċi-President tal-Grupp CMA-CGM Farid Salem f’isem il-Malta Freeport Terminal Limited.
Il-ftehim dwar Sigurezza jipprovdi kif l-Awtorità tal-Freeport (Malta Freeport Corporation) tipprovdi servizzi ta’ sikurezza lill-operaturi. Il-ftehim kien iffirmat miċ-Chairman tal-Malta Freeport Corporation Mark Portelli u mill-Kap Eżekuttiv u Viċi-President tal-Grupp CMA-CGM Farid Salem f’isem il-Malta Freeport Terminal Limited.
Il-ftehim dwar it-Tmexxijja jaħseb biex is-CMA-CGM tqabbad bħala kuntrattur tagħha lil Port Synergy li hi joint venture bejn is-CMA-CGM u l-P&O Ports. Dan il-ftehim jispeċifika s-servizzi li ser tipprovdi Port Synergy u xi ħlas jingħata għal dawn is-servizzi.
Dan il-ftehim qed jiġi ffirmat fi proċeduri interni tas-CMA-CGM.
Id-dokumentazzjoni kollha relatata ma’ din il-privatizzazzjoni ser tingħata lill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament għall-iskrutinju ta’ din it-transazzjoni.
Bil-ftehim tal-lum il-Gvern ser jirċievi direttament USD331 miljun mifruxa tul it-tletin sena tal-kirja.
Barra minhekk il-Gvern qed ineħħi l-eżenzjoni li kienet teżisti s’issa fuq id-dazju fuq iż-żjut li juża l-Freeport. Stmat fuq ir-rata t’użu u l-prezzijiet tas-sena li għaddiet dan id-dazju ser ifisser dħul għall-Gvern ta’ Lm750,000 fis-sena jew madwar USD65 miljun mifruxa fuq it-tletin sena tal-kirja.
Barra minhekk is-sidien il-ġodda tal-Malta Freeport Terminal Ltd ser iħallsu lill-Malta Freeport Corporation għal servizzi ta’ sigurtà. L-ewwel kuntratt għall-ħames snin li ġejjin għandu valur t’aktar minn USD5 miljun. Fuq medda ta’ tletin sena dan ifisser li l-Gvern ser idahhal mill-anqas USD 30 miljun ohra.
Barra minhekk, sakemm itul il-ftehim, is-CMA-CGM ser tkun għal kollox responsabbli mill-investiment li hemm bżonn biex jittejbu l-faċilitajiet u l-apparat u biex jiddaħħal makkinarju ġdid. Dan jassigura li l-Malta Freeport jibqa’ fuq quddiem nett fost it-terminals tal-containers fir-reġjun.
Permezz tal-Liċenzja li ngħatat lis-CMA-CGM, dan il-Grupp impenja ruħu li jara li l-Port jinżamm bħala common user facility, jiġifieri li l-Port jibqa’ jitħalla jintuża minn klijenti differenti. Dan ifisser li l-kuntratti mal-klienti eżistenti tal-Malta Freeport m’hux ser ikunu effettwati.
Bħala parti mill-ftehim mal-Gvern, is-CMA-CGM intrabtet li l-ħin kollu tipprovdi s-servizzi bħala operatur ta’ Port rikonoxxut internazzjonalment u tgħin fit-tmexxijja tat-Terminals. Biex tagħmel dan is-CMA-CGM qabbdet lil Port Synergy biex tmexxi dan l-operat. Port Synergy hi joint venture b’ishma maqsumin nofs u nofs bejn CMA-CGM stess u P&O Ports li hi waħda mill-akbar kumpaniji li joperaw portijiet fid-dinja. P&O Ports topera 27 terminal tal-containers u aktar minn mitt operazzjoni loġistika fi 18-il pajjiż madwar id-dinja. Din il-kumpanija timpjega 22,000 impjegat madwar id-dinja.
Biex titħares l-importazzjoni u l-esportazzjoni minn u lejn Malta, it-tariffi tas-servizzi għal Malta ser ikunu regolati mill-Malta Freeport Corporation li ghandha dritt ukoll tirregola l-livelli ta’ servizz li jinghataw l-operaturi lokali. Il-ftehim jieħu ħsieb ukoll l-interessi ta’ l-impjegati tal-Malta Freeport, dejjem sakemm l-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom jimxu ma’ l-obbligi maħsuba fil-Ftehim Kollettiv.
CMA-CGM hi bbażata f’Marsilja u tħaddem 167 vapur; timpjega 6,355 persuna madwar id-dinja, 60% minnhom fi Franza.
Sittin fil-mija tax-xogħol kollu li tagħmel il-Malta Freeport illum hu tas-CMA-CGM. Din il-linja kienet għażlet lill-Malta Freeport bħala l-fus ta’ l-operazzjoni Ewropea tagħha f’Diċembru 1997 bil-ħsieb li tnaqqas it-tul tal-vjaġġi u treġġa’ lura l-profittabilità tas-servizzi li tipprovdi l-kumpanija bejn l-Ewropea u l-Lvant Imbiegħed. Il-kumpanija ħadmet tlett servizzi minn Malta : il-French Asia Line, il-US Med u l-Mediterranean Express. Dawn huma rotot interkontinentali marbuta ma’ l-Ewropa u waħda minnhom hi rotta madwar id-dinja.
CMA-CGM twaqqfet fl-1999 meta s-CMA, propjetà tal-familja Saadé, xtrat lis-CGM mingħand il-Gvern Franċiż. Is-sena li għaddiet din il-kumpanija kellha dħul ta’ €3 biljun u qliegħ mill-operat ta’ €260 miljun.
CMA-CGM hi rikonoxxuta bħala waħda mill-aktar kumpaniji tat-tbaħħir madwar id-dinja li qed jikbru malajr u laħħqet s’issa l-ħames post fid-dinja fl-istatistika tat-traffiku.
Il-privatizzazzjoni tal-Malta Freeport saret fi żmien meta l-Port Malti għandu quddiemu kompetizzjoni qawwijja mil-portijiet kompetituri t’Algericas, Cagliari , Taranto , Gioia Tauro u Damietta . Din hi industrija li tbati minn ħafna tlugħ u nżul u l-prezzijiet jafu jvarjaw b’25% f’temp ta’ sitt xhur. Dan ifisser li klient jiċċaqqlaq minn post għall-ieħor bl-anqas ċaqlieq fil-prezzijiet.
L-ewwel analiżi ta’ l-industrija turi li f’dan il-kuntest l-aħjar mod kif wieħed jopera fis-suq hu li l-akbar linji tat-tbaħħir ikunu wkoll is-sidien tal-portijiet. Fil-fatt illum il-Port t’Algeciras hu projpetà ta’ AP Moeller, Taranto hu propjetà ta’ Evergreen, Cagliari hu propjetà ta’ P&O Nedlloyd u Genoa hu propjetà ta’ MSC.
Il-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni fakkar kif f’Marzu 2001, il-Gvern kien stabilixxa bħala l-miri tiegħu għall-privatizzazzjoni tal-Freeport tlett prinċipji ewlenin. Li:
Jkun assigurat li l-Malta Freeport ikompli jikber;
Jkun assigurat l-akbar benefiċċju possibbli għall-ekonomija Maltija;
Jkun assigurat l-akbar dħul possibli mill-bejgħ.
Il-Ministru Austin Gatt stqarr li dawn it-tlett miri llum intlaħqu:
Il-ftehim tal-lum iserraħ lill-Gvern mill-bżonn li jinvesti aktar kapital fil-Malta Freeport . Il-ftehim jgħid li s-sidien il-ġodda jridu jinvestu biex itejbu l-makkinarju skond kemm ikun qed jikber it-traffiku tal-containers u skond kemm ikunu qed itejbu l-livell tagħhom il-portijiet kompetituri. Meta l-Gvern kien stima x’investiment kien ikollu jagħmel kieku baqa’ sid tal-Malta Freeport , kellu l-parir li hemm bżonn investiment ta’ madwar USD130 miljun fil-Malta Freeport fil-ħames snin li ġejjin biss. Ir-responsabbiltà tal-kompetittività issa għaddiet għand is-CMA-CGM li hi marbuta tinvesti biex tissodisfa din ir-responsabbiltà.
Il-Gvern ser jibqa’ s-sid ta’ l-art u ser jitrasferixxi biss l-operat tal-faċilitatijiet tal-Malta Freeport.
Il-ftehim tal-lum jissiġġilla alleanza ma’ l-akbar klijent tal-Freeport li jserraħ ras ‘il-Gvern li l-operatur il-ġdid għandu kull inċentiv jassigura li tinżamm l-attività qawwijja fil-Malta Freeport.
CMA-CGM, permezz tas-sħubija tagħha ma’ P&O Ports, ser iġġib magħha l-aqwa esperti u l-aqwa esperjenza ta’ l-akbar operatur tal-portijiet fid-dinja.
Il-privatizzazzjoni qed iġġib magħha garanzija t’impjieg lill-impjegati kollha tal-Malta Freeport għat-tletin sena sħaħ tal-kirja. Dan ifisser li m’hux biss il-privatizzazzjoni ma ssarfitx f’sensji talli ssarfet f’garanzija ta’ xogħol espliċita li qabel ma kinitx setgħet tingħata.
Il-ftehim tal-lum jaħseb biex jibqgħu regolati l-prezzijjiet u l-livelli tas-servizz għall-merkanzija lokali (għall-esportazzjoni u l-importazzjoni). Il-Malta Freeport m’hi se ċċedi xejn mir-rwol u r-responsabbiltà tagħha li tkun l-iprem triq kummerċjali minn u lejn Malta.
D.O.I. - 05.10.2004
25.6 Kbytes Last Modified on 05th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945