SER JITJIEB IL-JUNCTION BEJN TRIQ TAL-BALAL U L-BYPASS TA’ BIRGUMA
L-awtoritajiet kompetenti diġà bdew bil-proċess biex tittejjeb il-junction bejn Triq tal-Balal u l-bypass ġdida ta’ Birguma.
Dan ħareġ waqt żjara li l-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett flimkien mas-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, l-Onor. Edwin Vassallo, għamlu f’numru ta’ ħwienet li jinsabu fi Triq San Pawl, fin-Naxxar.
Is-sidien ta’ dawn in-negozji għaddew il-kummenti tagħhom dwar il-bypass il-ġdida ta’ Birguma. Huma esprimew is-sodisfazzjon tagħhom lill-Ministru u lis-Segretarju Parlamentari li t-traffic flow ta’ heavy vehicles naqas sew mit-triq tagħhom, għaliex illum it-traffiku qiegħed jgħaddi mill-bypass ta’ Birguma.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll is-sindki u kunsilliera tan-Naxxar u l-Għargħur.
Is-sidien tan-negozji, madankollu kkummentaw ukoll dwar kif issa jista’ jsir titjib għal aċċess aħjar għal Triq San Pawl għall-klijenti tagħhom. Huma rreferew partikolarment għal dawk il-klijenti tagħhom li jkunu ġejjin mill-Għargħur jew minn Birguma, li qegħdin iħossu li l-aċċess għal din it-triq naqas u jista’ jkun imtejjeb.
Il-Ministru Mugliett laqa’ s-suġġerimenti ta’ dawn is-sidien tal-ħwienet u għarrafhom li bħalissa hemm numru ta’ permessi li qed jiġu pproċessati mill-Awtorità dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex tinbena roundabout fil-junction fejn il-bypass il-ġdida tmiss ma’ Triq il-Balal. Hu qal ukoll li waqt il-bini tal-bypass kienet tqegħdet l-infrastruttura sabiex ikunu jistgħu jitwaħħlu pelican crossings.
Hu assigura wkoll lis-sidien ta’ dawn il-ħwienet li ser tiġi analizzata t-traffic flow fil-bypass ta’ Birguma u tkun mistħarrġa l-possibiltà ta’ titjib fl-aċċess għat-traffiku mill-bypass ta’ Birguma għal Triq San Pawl. Hu qal li xogħol bħal dan ikun jista’ jsir biss jekk l-esperti fl-immaniġġjar tat-traffiku jagħtu parir li dawn it-tibdiliet ma jkunux ta’ detriment fuq is-sigurtà tat-triq.
Il-Ministru Mugliett stieden lir-rappreżentanti tal-bejjiegħa li jkunu preżenti għal laqgħa li ser tkun organizzata mill-ADT sabiex is-suġġerimenti jkunu jistgħu jingħaddu lilha.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo sejjaħ din il-laqgħa bejn is-sidien tal-ħwienet u r-rappreżentanti tal-Gvern bħala laqgħa ta’ konsultazzjoni u tenna l-ħtieġa li qabel kull proġett ikun hemm konsultazzjoni mas-settur kummerċjali sabiex il-ħtiġijiet tas-settur kummercjali jkunu magħrufa. Is-suggerimenti li taw is-sidien tal-ħwienet huma riflessjoni tal-bżonnijiet tas-settur kummerċjali u s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li hu jinsab konvint li l-bżonnijiet ta’ dan is-settur, tant importanti, qegħdin jiġu kkunsidrati dejjem aktar.
DOI – 05.10.2004
7.86 Kbytes Last Modified on 05th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945