Left arrow Mur Lura

KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA FIL-LUSSEMBURGU: “XOGHOL, SAHHA U UGWALJANZA”

PR1541
Date Icon 05/10/2004

L-Unjoni Ewropea tkompli tinsisti li toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għal tkabbir ekonomiku fl-istess ħin li tħares is-saħħa tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol u tiggarantixxi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.   

Dawn kienu t-temi prinċipali ta' l-Agenda tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar ix-Xogħol, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Konsumaturi li ltaqa' fil-Lussumburgu il-bieraħ.  Malta kienet rappreżentata mill-Ministru Louis Galea li kien mgħejjun mis-Sur Frans Borg, Direttur għall-Affarijiet Ewropej fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, u mis-Sur Charles Sultana, Kunsillier fir-Rappreżentanza Permanenti Maltija fi Brussel.  

Il-Kunsill, bil-membri kollha jaqblu, ħlief il-Germanja li astjeniet, ddeċieda li tiġi finalizzata d-Direttiva li timplimenta l-prinċipju ta' trattament indaqs bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess u l-provvista' ta' oġġetti u servizzi.  Din id-Direttiva se titressaq għall-approvazzjoni tal-Kunsill Ewropew li ser jiltaqa' f'Diċembru.  Fost ħwejjeġ oħra, din id-Direttiva tipprojbixxi, taħt ċerti kundizzjonijiet, li fil-kalkolu ta' 'premiums' u benefiċċji u fatturi attwarji oħra fil-kuntratti ġodda ta' assikurazzjoni jibqgħu jidħlu konsiderazzjonijiet a bażi ta' sess.  Id-Direttiva qed tipproponi wkoll projbizzjoni ta' trattament anqas favorevoli minħabba tqala u maternità.   

Fil-Kunsill ma kienx hemm l-appoġġ meħtieġ għall-qbil politiku dwar proposta ta' Direttiva li tirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' haddiema temporanji.  Din il-proposta qed tissuġġerixxi li ħaddiem temporanju jiġi trattat l-istess f'paga u kundizzjonijiet ta' xogħol bħall-ħaddiema l-oħra fl-impriża fil-kategorija ta' xogħol li jkun qed jagħmel.  Il-proposta hi li d-Direttiva torbot ukoll lil aġenziji u kumpanniji li jipprovdu ħaddiema temporanji.  Il-Ministru Louis Galea fisser li Malta diġa’ tagħti ċertu livell ta' protezzjoni lil ħaddiema temporanji f'dawk li huma proporzjon ta' leave u leave għall-mard.  Iżda Malta qed titlob li b'mod permanenti l-provvedimenti ta' trattament indaqs jidħol fis-seħħ wara perjodu ta' żmien stabbilit li fih il-ħaddiem ikun ilu jaħdem fuq bażi temporanja.  

Suġġett ieħor li dwaru kien hemm diskussjoni qawwija fil-Kunsill jirrigwarda emendi għad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol (Working Time Directive).  Mid-dikjarazzjonijiet li għamlu d-diversi Stati Membri, jirriżulta nuqqas ta' qbil dwar it-tneħħija ta' dik li hi magħrufa bħala "opt out clause".  Din tippermetti li ħaddiem għandu dritt jagħżel li jaħdem aktar minn 48 siegħa f'ġimgħa sakemm tkun imħarsa is-saħħa u s-sigurta` tiegħu fuq il-post tax-xogħol.  

Il-Ministru Louis Galea fisser li Malta, bħal diversi pajjiżi, trid li żżomm l-"opt out clause" individwali.  Hu qal li Malta hi lesta tappoġġja proposta li, mingħajr ħsara għal dan id-dritt tal-ħaddiem individwali, ftehim kollettiv ikun jista' jinkorpora wkoll klawsola li tirregola kif ħaddiema jkunu jistgħu jaħdmu aktar mill-ħin normali tax-xogħol stabbilit.  

Id-diskussjoni fuq dawn l-emendi ta’ din id-direttiva issa ser ikompli bejn it-tekniċi u l-esperti għada fi Brussel bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni ta’ kompromess dwar diversi punti li s’issa għad m’hemmx qbil dwarhom.  

DOI – 05.10.2004

16.1 Kbytes Last Modified on 07th October, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

Aktar Stqarrijiet Right arrow