IFFIRMAT FTEHIM LI SER IWASSAL GĦAL TITJIB IMMEDJAT FIS-SERVIZZ TAL-KAROZZI TAL-LINJA
L-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta (ADT) u l-Assoċazzjoni tat-Trasport Pubbliku (ATP) illum wara nofsinhar iffirmaw ftehim li ser iwassal għal titjib immedjat fis-servizz bl-iskeda, kif ukoll jservi ta’ pedament għal ftehim ieħor fit-tul li jkopri l-perjodu bejn is-snin 2005 u 2009.
Il-ftehim jorbot lill-Gvern bi skema ta’ ħlas ta’ arretrati ta’ sussidju dovut lis-sidien tal-karozzi tal-linja għal din is-sena, filwaqt li jorbot lill-Assoċazzjoni tat-Trasport Pubbliku bl-implimentazzjoni ta’ miżuri fit-tħaddim tas-servizz li diġà kienu inklużi fi ftehim preċedenti, kif ukoll bl-introduzzjoni ta’ diversi miżuri ġodda intiżi sabiex is-servizz ta’ trasport pubbliku isir wieħed effiċjenti u ta’ l-ogħla kwalità.
Il-ftehim kien iffirmat fil-preżenza tal-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett, miċ-Chairman ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta, is-Sur Mark Portelli, il-President ta’ l-Assoċazzjoni tat-Trasport Pubbliku, is-Sur Victor Spiteri, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, is-Sur Vince Cassar, u uffiċjali għolja tal-ADT u l-ATP.
Dan il-ftehim huwa l-ewwel wieħed formali bejn il-Gvern u l-għaqda li tirrappreżenta s-sidien wara dak li kien iffirmat fl-1998 u li kien ikopri sal-aħħar tas-sena 2003. Il-ftehim jagħraf li x-xufiera tax-xarabank jistħoqqilhom kumpens xieraq għar-responsabilitajiet tagħhom. Dawn ir-responsabilitajiet iġibu magħhom dmirijiet ta’ dixxiplina u imġieba li l-Gvern qiegħed jesiġi u jitlob b’mod formali.
Il-ftehim huwa uniku anke għall-fatt li għall-ewwel darba l-ħlas tas-sussidju qed jintrabat direttament ma’ miżuri speċifiċi li jridu jiġu implimentati u inforzati mill-Assoċazzjoni tat-Trasport Pubbliku taħt il-kontroll ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport.
Il-ħlas ta’ l-arretrati tas-sussidju ser jinqasam f’diversi partijiet, bil-Gvern joħroġ kull parti tal-ħlas wara li jkunu ġew implimentati kundizzjonijiet marbuta mal-miżuri relattivi u wara li l-Awtorità tkun sodisfatta dwar l-implimentazzjoni korretta tagħhom.
It-total ta’ l-arretrati tas-sussidju mgħoddi lill-Assoċazzjoni tat-Trasport Pubbliku ser ikun ta’ Lm2 miljuni, li effettivament huwa l-ammont innegozjat bħala arretrati tas-sussidju dovuti lill-Assoċazzjoni mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru ta’ din is-sena biex din tkun tista’ tħaddem is-servizz bl-iskeda mingħajr telf.
Il-ftehim jafferma l-prerogattiva tal-Gvern li jitlob li jdaħħal rotot ġodda jew estensjonijiet ta’ rotot eżistenti. Fil-fatt fost il-miżuri miftehema bejn iż-żewġ naħat tissemma l-introduzzjoni ta’ rotot ġodda fosthom dawk ċirkolari li jgħaqqdu bosta rħula ma’ l-Università u Tas-Sliema bi prezzijiet raġjonevoli, kif ukoll l-estensjoni ta’ wħud mir-rotot eżistenti biex dawn jibdew jgħaqqdu l-irħula ġirien. Ser tiġi introdotta wkoll rotta ġdida lejn Ħal Far. Dan għandu jgħin lill-komunitajiet fuq dawn ir-rotot u jħajjar l-użu tat-trasport pubbliku b’mod ġenerali. Ir-rotot ġodda kollha ser jibdew jitħaddmu fl-10 t’ Ottubru.
Miżura oħra li qed tiġi implimentata f’dan il-ftehim hija l-użu regolari ta’ karozzi tal-linja li nxtraw reċentement, u li l-Gvern kien ħareġ sussidju għalihom. F’każ li dan ma jsirx jidħlu fis-seħħ penali li jistgħu anke jwasslu għat-teħid lura tas-sussidju mogħti mill-Gvern għax-xiri ta’ tali vetturi.
Intant ser jiġi introdott kodiċi ta’ kondotta u dixxiplina li għandu jirregola fost oħrajn id-dehra u l-imġieba tas-sewwieqa u anke iż-żamma tal-vettura. Dan għandu l-għan li filwaqt li jitjieb is-servizz mogħti mix-xufiera, jħaffef l-proċeduri biex jiġu proċessati każijiet ta’ ksur ta’ dixxiplina kif ukoll il-ħlas ta’ multi. Hemm ukoll l-introduzzjoni ta’ korsijiet ta’ struzzjoni u ċertifikazzjoni għax-xufiera.
Miżura oħra li qed tiddaħħal għall-ewwel darba hija l-operator’s logbook li ser iżomm informazzjoni dettaljata dwar il-manutenzjoni, tiswija, spezzjonijiet tal-vettura – kemm ta’ VRT u roadside inspections kif ukoll l-għoti tal-fuel. Dan għandu jwassal għal żamma aħjar tal-vetturi, kif ukoll għal tnaqqis fit-tniġġiż ta’ l-arja. Ma’ l-entraturi f’dan il-logbook iridu jiġu annessi wkoll l-irċevuti fiskali relevanti kollha.
L-operat ta’ l-Assoċazzjoni ukoll qed jiġi indirizzat f’dan il-ftehim. Fil-fatt waħda mill-miżuri ġodda teżiġi ż-żamma ta’ kotba tal-accounts u s-sottomissjonijiet regolari ta’ audited accounts ta’ l-Assoċazzjoni.
Minbarra hekk, il-ftehim qiegħed iħejji l-pedamenti għal riforma radikali fit-trasport pubbliku billi jikkommetti lill-Assoċazzjoni u ’l-Awtorità dwar it-Trasport sabiex jibdew studji li għandhom iwasslu għal sistema aġġornata ta’ rotot u l-kontroll ta’ kif titħaddem il-flotta anke bl-introduzzjoni ta’ sistemi teknoloġiċi moderni. Dan il-proċess ser jissaħħaħ permezz ta’ l-ingaġġ ta’ konsulenti esperti biex jgħinu fl-istudju mill-qiegħ tal-prattiċi eżistenti tat-trasport pubbliku u jgħaddu l-parir tagħhom dwar l-alternattivi.
Intant, fil-ġimgħat li ġejjin sejrin isiru studji sabiex tinġabar statistika dwar l-użu ta’ rotot differenti kif ukoll dwar l-integrazzjoni tas-servizz ta’ bil-lejl mas-servizz regolari.
Il-ftehim jiżgura li jekk tinkiser waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet, il-ħlas ta’ l-arretrati tas-sussidju jiġi sospiż sakemm is-sitwazzjoni tiġi regolarizzata.
Dan kollu ser iwassal għal titjib immedjat fis-servizz mingħajr ma jintefa’ iżjed piż fuq dawk li jużawh.
Il-ftehim iffirmat illum huwa wieħed interim li ser iwassal għal ieħor aktar fit-tul u li n-negozjati dwaru ser jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. L-għanijiet tal-ftehim fit-tul ser ikunu li issir ristrutturazzjoni tan-network biex dan ikun jista’ jilħaq il-ħtiġijiet t’issa u tal-futur, jiżviluppa pjan dwar it-tibdil tal-karozzi tal-linja u anke jinkuraġġixxi użu akbar tat-trasport pubbliku sabiex dan isir aktar sostenibbli.
Mitlub jikkummenta dwar il-ftehim li kien iffirmat illum, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li l-ispirtu li wassal għal dan il-ftehim jawgura tajjeb ħafna għall-futur tat-trasport pubbliku bl-iskeda f’Malta. Hu żied jgħid li minn dan il-ftehim joħroġ ċar l-impenn tal-Gvern lejn dan il-qasam, kif ukoll li s-sidien tal-karozzi tal-linja fehemu l-bżonn li jdaħħlu bidliet radikali li jwasslu għal sostenibilità fit-tul tas-servizz.
“Issa jmiss nibdew il-proċess biex nilħqu ftehim fit-tul. Għal dan l-għan ser nużaw il-parir ta’ esperti f’dan il-qasam u anke l-ġbir ta’ statistika dettaljata biex inkunu nistgħu nidentifikaw aħjar dak li hemm bżonn biex is-servizz bl-iskeda isir wieħed li jixraq lil pajjiż Ewropew modern.
“Jien ċert li s-serjetà li hemm wara dan il-ftehim ser tiżgura li l-poplu Malti trasport pubbliku li jixraqlu u li l-istess trasport pubbliku jagħti l-aqwa dehra tal-pajjiż,” żied jgħid il-Ministru Mugliett.
Il-Ministru temm billi irringrazzja lil dawk kollha li mingħajr l-isforzi tagħhom dan il-ftehim ma kienx ikun possibbli, fosthom in-negozjaturi ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport, tal-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u tal-Assoċazzjoni tat-Trasport Pubbliku.
DOI - 04.10.2004
15.59 Kbytes Last Modified on 04th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945