L-EWWEL KONFERENZA NAZZJONALI GĦALL-PROFESSJONISTI FIL-QASAM TAL-COUNSELLING
L-assoċjazzjoni Maltija għall-Professjoni tal-Counsellors qed tlaqqa’ l-ewwel konferenza nazzjonali għall-professjonisti f’dan il-qasam. It-tema magħżula għal din il-konferenza hi ‘l-Isfidi Etiċi fil-Counselling taż-Żgħażagħ’.
· Il-konferenza nazzjonali hi parti minn ġimgħa sħiħa ta’ laqgħat u workshops dwar
temi differenti li jinkludu:
· il-counselling taż-żgħażagħ li qed isofru minn dipressjoni,
· il-counselling taż-żgħażagħ meta jkun hemm separazzjoni bejn il-ġenituri,
kwistjonijiet etiċi f’pajjiż żghir bħal tagħna, u
· l-counselling ta’ tfal li jkunu abbużati.
Fost diversi kelliema esperti f’dan il-qasam kien hemm ukoll Dr Tim Bond mill-Ingilterra li għandu esperjenza twila f’dan il-qasam u kien involut fl-assoċjazzjoni tal-counsellors f’pajjiżu kif ukoll kiteb diversi xogħlijiet u rapporti li għandhom x’jaqsmu mal-Counselling. Bħalissa fil-qasam ta’ l-iskejjel ta’ l-istat hemm mas-17-il counsellor u mal-100 guidance teacher filwaqt li fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti hemm diversi oħrajn.
Waqt il-ftuħ tal-Konferenza, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea qal li l-counselling fl-iskejjel hu meqjus bħala servizz importanti għall-istudenti u l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni hu determinat li jiżviluppa dan is-servizz aktar biex joffri servizz ta’ kwalita’ għolja u li jindiriżża l-bżonnijiet ta’ l-istudenti tal-lum. ‘L-istudenti jqattgħu numru ta’ siegħat mhux ħażin fl-iskejjel tagħna u għalhekk l-iskejjel iridu joffru servizz aċċessibbli u viżibbli li jistgħu jirrikorru għalih fil-ħin ta’ l-iskola.’
Il-Ministru qal li għalkemm l-iskejjel għandhom sehem importanti fl-appoġġ li jagħtu lill-istudenti m’għandhomx ikunu l-uniku sors ta’ din l-għajnuna. L-iskola trid tkun parti minn firxa ta’ servizzi usa li l-komunita’ trid toffri lill-membri żgħażagħ tagħha.
Louis Galea tenna li s’issa il-guidance u l-counselling hu offrut mill-istess persuni u għalhekk ikun hemm każi fejn il- counselling isofri minħabba emfasi aktar fuq il-guidance u viċi versa. “Wasal iż-żmien li nibdew inħarsu lejn dawn iż-żewġ professjonijiet individwalment, naraw x’inhuma l-bżonnijiet ta’ kull qasam, u noħolqu strutturi li joffru servizz ta’ kwalita’ u effettiv. Irridu wkoll naraw kif se ntejbu l-opportunitajiet ta’ taħriġ għall-counsellors peress li s’issa l-Universita’ qed toffri biss taħriġ sal-livell ta’ post-graduate diploma. Dan hemm bżonn li nagħmluħ jekk irridu noffru guidance u counselling li jindirizza l-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiżna.”
Il-Ministru temm jgħid li hi l-mira tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni li tiġi evalwata s-sitwazzjoni bl-iskop li tinħoloq politika u struttura ċara li bihom il-counsellors jistgħu jaħdmu b’aktar effiċjenza u jkunu aktar effettivi. Il-counselling jifforma parti mill-provvediment ta’ edukazzjoni ta’ kwalita’ li għaliha qed naħdmu. F’dan il-qasam irridu naraw ukoll li filwaqt li nipprovdu strutturi u politika aktar flessibbli, ikun hemm sistema ta’ verifika biex niżguraw li s-servizz li qed jingħata hu fil-fatt ta’ l-ogħla kwalita`. “Il-mira tagħna tibqa dejjem edukazzjoni ta’ kwalita’ għal kulħadd, il-counselling jista jgħin biex l-istudenti jiksbu standards ogħla ta’ tagħlim permezz ta’ aktar fiduċja fihom infushom, ottimiżmu, rispett għall-oħrajn u l-kisba ta’ l-eċċellenza.”
.../speech
DOI – 04.10.2004
12.04 Kbytes Last Modified on 04th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945