Left arrow Go Back

PRIVATIZZAZZJONI TAL-MALTA FREEPORT – FTEHIM MAL-GWU GĦAL AKTAR PRODUTTIVITA’

PR1523
Date Icon 02/10/2004

Il-Ministru Austin Gatt jesprimi sodisfazzjon li l-Haddiema tax-Xatt qablu għal Ftehim ġdid ibbażat biss fuq il-produttivita’ u mhux fuq il-pagi.  

Il-General Workers Union illum informat lill-Gvern li l-Haddiema tax-Xatt approvaw pakkett ta’ riformi li jibdel għal kollox il-mod kif isir u kif jitħallas ix-xoghol tax-Xatt tal-Malta Freeport . Bil-ftehim il-ġdid, il-Haddiema tax-Xatt irrinunzjaw il-paga li kellhom u qablu li jitħallsu skond in-numru ta’ containers li jaħdmu fuqhom. Dan ifisser li għall-ewwel darba, l-ħlas hu marbut għal kollox u ħaga waħda mal-produttivita’.  

Il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u l-General Workers Union b’hekk waslu biex ftiehmu fuq l-ewwel bidla radikali li hemm bżonn fir-riforma tal-portijiet.  

Minbarra li l-ħlas qed jintrabat għal kollox mal-produttivita’, il-ħaddiema tax-xatt illum aċċettaw tibdil fil-Ftehim tagħhom biex jiżguraw li jkun hemm numru adegwat ta’ ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, li tiddaħħal ħafna aktar effiċjenza fuq ix-xogħol u jiddaħħlu miżuri ġodda ta’ dixxiplina u penalitajiet jekk ma jagħmlux xogħolhom.  

Il-Ministru ghall-Investiment, Industrija u Teknologija ta’ l-Informazzjoni Austin Gatt feraħ lic-Chairman tal-Malta Freeport Mark Portelli u lill-management, lis-Segretarju Generali tal-General Workers Union Tony Zarb, lid-Deputat Segretaju Ġenerali Manwel Micallef u lis-Segretarju tat-Taqsima Port u Trasport tal-union Manwel Zammit għal din il-konklużjoni pożittiva wara gimgħat twal ta’ negozjati li mexxa c-Chairman tal-Freeport.  

Il-Ministru Gatt stqarr li dan hu l-ewwel ftehim li fil-fatt qed jindirizza b’mod konkret il-problemi ta’ produttivita u nuqqas t’effiċjenza f’dawk l-oqsma tax-xogħol li ma jkollhomx siegħat ta’ xogħol prevedibbli. Il-Ministru Gatt stqarr ukoll li l-kumitat tal-Haddiema tax-Xatt u sħabhom il-ħaddiema urew li fehmu l-bżonnijiet reali tal-pajjiż u wrew il-maturita’ li jqabblu l-bżonnijiet personali tagħhom mal-bżonn li l-ekonomija Maltija tkun kompetittiva.  

Intant, il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknologija ta’ l-Informazzjoni jikkonferma li għadu qed jistenna konferma mill-Union Haddiema Maghqudin li din taqbel ma’ l-ahhar verżjoni tal-Ftehim Kollettiv proposta mill-Gvern għall-ħaddiema tal-Malta Freeport.  

Nhar it-Tnejn li għaddew, il-Ministru Austin Gatt mexxa delegazzjoni tal-Gvern u tal-Malta Freeport f’laqgha mal-Kumitat tal-ħaddiema tal-Malta Freeport immexxija mis-Segretarju Ġenerali tal-UHM Gejtu Vella. Din kienet l-aħħar laqgħa minn siegħat twal ta’ laqgħat li ilhom ghaddejjin dawn l-aħħar tminn gimgħat u li minħabba fihom ġie pospost darbtejn l-iffirmar tal-ftehim ta’ privatizzazzjoni tal-Malta Freeport. Matul dawn in-negozjati twal, intervjena wkoll bħala rikonċiljatur il-Ministru responsabbli mix-xogħol Louis Galea.  

Sa nhar it-Tnejn, il-Gvern kien aċċetta t-talba tal-UHM li l-haddiema tal-Malta Freeport jingħataw garanzija li ma jkunx hemm redundancies b’rizultat tal-privatizzazzjoni. Dan ifisser li sa tletin sena ohra wara l-privatizzazzjoni, il-ħaddiema tal-Malta Freeport għandhom garanzija li ma jitkeċċewx minħabba sensji. Irid jingħad li s’issa, l-impjegati tal-Malta Freeport (anke bħala investiment tal-Gvern), ma kellhom ebda garanzija li ma jkunx hemm sensji. Din it-tip ta’ garanzija qatt ma ngħatat qabel. Il-Gvern seta’ jaghti din il-garanzija f’din iċ-ċirkostanza partikolari għax ix-xerrej kien dispost li jinnegozja dwarha. Hu impossibbli li wieħed jikkontempla ċirkostanza oħra fejn din it-tip ta’ garanzija tista’ tingħata u kemm-il darba ma jintlaħaqx il-Ftehim Kollettiv sal-privatizzazzjoni, din il-garanzija ma tibqax teżisti.  

Il-Gvern offra wkoll lill-ħaddiema tal-Malta Freeport, pakkett finanzjarju li jinċentiva lill-impjegati biex ikunu aktar produttivi:  

Ħlas aktar biex jippremja lil min jaħdem aktar milli mistenni minnu;

Ħlas ta’ Lm 175 li jkopri  minn meta skada l-aħħar Ftehim Kollettiv f’Lulju 2003 sa Dicembru 2004;

Żidiet fil-pagi ta’ Lm 2 fil-gimgħa kull sena fl-2005 u l-2006;

U Żieda fl-allowance għal-Crane operators.

Il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknologija ta’ l-Informazzjoni jtenni li għadu qed jistenna risposta fil-pożittiv mingħand il-UHM, u jifhem li l-ħaddiema mhux ser jitilfu din l-opportunita’ ta’ darba li jkollhom garanzija li ma jkunx hemm sensji għall-impjiegi tagħhom, imqar għat-tletin sena li gejjin.  

Is-sitwazzjoni tal-Freeport illum hi tali li minħabba l-valuta tal-muniti internazzjonali u l-prezz internazzjonali taż-żejt, fis-sentejn li għaddew, spiċċa bit-telf finanzjarju minkejja li żied sostanzjalment in-numru ta’ containers li ħadem. Ix-xerrej għandu l-intenzjoni li jagħmel tajjeb għal dan it-telf, billi jinvesti f’aktar makkinarju u jżid il-produttivita’. Dan ser ifisser li jkompli jiżdied in-numru ta’ containers li jaħdem il-Freeport.  

L-aħħar offerta li saret lill-ħaddiema tal-Malta Freeport mil-Gvern, setgħet issir minħabba dan il-pjan tax-xerrej. Kieku l-Malta Freeport kienet ser tibqa f’idejn il-Gvern, il-Gvern kien iżomm il-politika tiegħu li żamm fil-PBS u fl-Air Malta, fost oħrajn, li ma jagħtix żidiet.

DOI - 02.10.2004

10.36 Kbytes Last Modified on 04th October, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

More Press Releases Right arrow