PROPOSTI MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAN-NEGOZJI ŻGHAR U S-SELF EMPLOYED, EDWIN VASSALLO, BIEX TKOMPLI TITNAQQAS IL-BUROKRAZIJA GĦALL-FTUH TA’ NEGOZJI ĠODDA.
Fl-egħluq tal-Konferenza dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni fuq l-impatt tad-Direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea fuq is-servizzi fis-Suq Intern, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo ressaq numru ta’ proposti dwar il-ħruġ tal-liċenzji tan-negozju biex ikunu diskussi mill-għaqdiet ta’ negozju u mis-settur kummerċjali. Is-Segretarju Parlamentari qal li rridu naraw:
Jekk wasalx iż-żmien li f’pajjiżna naċċettaw li certu setturi ta’ negozju jkunu jistgħu jibdew jaħdmu bil-permess tal-MEPA biss, mingħajr il-bżonn tal-liċenzja tan-negozju billi mbagħad jirreġistraw l-attivita` kummerċjali tagħhom wara li jkunu bdew joperaw.
Liema huma dawk is-setturi ta’ negozju li jistgħu jgħaddu mingħajr il-liċenzja tan-negozju iżda bil-permess tal-MEPA biss.
Fejn għad għandna bżonn ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ negozji u fejn jibqa’ l- bżonn ta’ sistema ta’ ħrug tal-liċenżji tan-negozji.
Jekk ikunx aktar sostenibbli li ċertu Dipartimenti jew Awtoritajiet, filwaqt li jibqgħu joħorġu l-liċenzja tan-negozju ta’ ċertu setturi, għandhomx ikollhom lit-Trade Licensing Unit jaħdem bħala aġent għalihom. B’dan il-mod l-applikazzjonijiet ikunu jistgħu jsiru f’post wieħed minflok f’diversi uffiċji differenti.
Jekk għandux ikun hemm emendi fil-liġijiet differenti li bihom jinħarġu liċenżji tan-negozju, bil-ħsieb li jkollna liġi waħda li tirregola l-ħruġ tal-liċenzji għas-setturi kollha.
Wara li s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo għamel dawn il-proposti, huwa ħeġġeġ lis-settur kummerċjali biex jiddiskutihom flimkien ma’ l-Awtoritajiet li jirregolaw in-negozju f’pajjiżna. Is-Segretarju Parlamentari qal li “Jiena qiegħed inressaq dawn il-punti ta’ diskussjoni għaliex nixtieq li nevalwaw jekk wasalx iż-żmien li jerġa’ jkun hemm reviżjoni ta’ l-eżerċizzju li kien intemm madwar sentejn ilu meta f’Mejju ta’ l-2002 bdiet tiffunzjona s-sistema preżenti tal-ħruġ tal-liċenzji tan-negozju. Qiegħed inressaq dawn il-proposti wkoll biex naraw jekk hux il-waqt li jerġa jsir dak l-eżerċizzju ta’ simplifikazzjoni bil-ħsieb li jwassal:
Biex negozjant kważi lanqas biss ikollu għalfejn imur f’xi uffiċju biex ikun jista’ jiftaħ in-negozju tiegħu.
Iżda, jekk dan ma jistax isir, allura rridu naħdmu biex fejn ser ikun hemm il-bżonn li tibqa’ s-sistema ta’ ħrug tal-liċenzja tan-negozju jkollna sitwazzjoni fejn, kemm legalment kif ukoll loġistikament, ikollna l-aħjar organizazzjoni possibli biex ikun hemm post wieħed fejn jistgħu jsiru l-applikazzjonijiet. B’dan il-mod inkunu qegħdin nersqu lejn sistema effiċjenti tal-one stop shop.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo fakkar li f’pajjizna f’Mejju ta’ l-2002 kien ġie introdott il-kuncett tal-one stop shop fejn kull awtorita` li tirregola in-negozju hija fiha nnifisha l-one stop shop għal dak is-settur kummerċjali li huwa irregolat minnha. L-Onor. Vassallo fakkar ukoll li “f’pajjiżna s-sistema tal-ħruġ tal-liċenzji tan-negozju kif applikata mit-TLU diġa saret taħdem daqs li kieku kienet sistema ta’ registrazzjoni ta’ negozju. Dan għaliex kemm ilha titħaddem din is-sistema, l-ebda applikazzjoni ma ġiet irrifjutata. Dan wassal biex juri li f’pajjiżna għandna prova ċara li meta tonqos il-burokrazija il-kummerċ jaħdem iżjed u aħjar, u meta il-kummerċ jikber igawdi l-pajjiż kollu.
“Id-direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea tipproponi li jitnaqqas ix-xkiel burokratiku li negozju ġdid jiltaqa’ miegħu biex jiftaħ u jopera. L-Unjoni Ewropea . tixtieq li kull pajjiz jieħu miżuri biex inaqqas dik il-burokrazija li ttellef in-negozju milli jikber. Dan għaliex l-istess Unjoni Ewropea tixtieq li ċ-ċaqlieq ta’ negozju bejn pajjiżi differenti jkun aktar faċilitat.
“F’pajjiżna għadna ma rajniex xi ċaqlieq ta’ barranin li riedu jiftħu negozju hawnhekk. Dik il-biza’ li kellna donnha sfumat fix-xejn. Huwa minnu li ċaqlieq ta’ negozju bħala regola jsir mill-pajjiżi t’isfel għall-pajjiżi ta’ fuq. Iżda minkejja dan, xorta waħda nemmen li rridu naraw li jkollna ċerti negozji li minħabba n-natura tagħhom, għandhom jibqgħu protetti. B’hekk jibqa’ jaħdem in-numerus clausus li jwassal biex ikollna numru ta’ liċenzji limitati.”
L-Onor. Vassallo irrifera wkoll għal dak li qed tipproponi din id-Direttiva, fejn l-Unjoni Ewropea qed tipproponi li kull Gvern ikun regolatur ta’ servizz inqas burokratiku f’dak li jittratta l-ħrug tal-liċenzja tan-negozju. Dan ifisser ukoll li issa irridu nibdew naħsbu kif għandu jiċkien il-Gvern jekk irridu li l-kummerċ jiżdied.
Fil-konklużjoni tad-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo ta ftit statistika ta’ kemm inħarġu liċenzji ta’ negozju mit-TLU bejn Mejju ta’ l-2002 u Awissu ta’ din is-sena.
Permessi Maħruġa Mejju 2002 – Awissu 2004
Applikazzjonijiet mingħajr il-permess tal-MEPA
17
Applikazzjonijiet ġodda li diġa kellhom il-permess tal-MEPA
985
Bdil ta’ l-attivita` bil-permess tal-MEPA
51
Bdil ta’ sid in-negozju
549
Bdil ta’ idejn tan-negozju permezz ta’ wirt
52
Bdil tal-ġeneru tan-negozju mingħajr il-bżonn tal-permess tal-MEPA
130
Kanċellazzjonijiet tal-liċenzji
414
Street Hawkers
271
Market Hawkers
360
Fieri Kummerċjali
40
Is-Segretarju Parlamentari qal li aktar dettalji dwar din l-istatistika ser tingħata l-ġimgħa d-dieħla. Huwa qal li “dan ifisser li minn 3087 permess maħruġ mit-TLU għal dan il-perjodu ta’ żmien, nistgħu ngħidu li kien hemm ma’ l-2415 permess maħruġ ghal attivita` ġdida ta’ negozju. Minn 2415 kellna 1002 permess għal negozju ġdid f’post fejn qabel qatt ma kien hemm negozju, filwaqt li 1413 kienu bidu ta’ attivita` kummerċjali ġdida f’post fejn diġa kien hemm qabel xi attivita` kummerċjali għaddejja. Din l-istatistika turi kemm f’dan il-pajjiż kapaċi naraw l-attivita` kummerċjali tikber kemm-il darba inkomplu naħdmu flimkien biex nissimplifikaw il-proċeduri, innaqqsu il-burokrazija, u naraw li jkollna negozji kompetittivi li lkoll flimkien jgħinu biex pajjiżna jkun aktar kompetittiv”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
DOI – 01.10.2004
29.88 Kbytes Last Modified on 01st October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945