STRUTTURI ĠODDA GĦALL-ISKEJJEL TAL-GVERN U SISTEMA TA’ AWDITJAR DWAR IL-KWALITÀ FL-EDUKAZZJONI LI TOFFRI KULL SKOLA
“L-iskop ewlieni tagħna huwa edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd, u biex niksbu dan hemm bżonn bidla fil-mentalità, fil-kultura u fl-istrutturi li għandna bħalissa.” Dan qalu l-Ministru Louis Galea fl-laqgħa mal-kapijiet ta’ l-iskejjel ta’ l-istat fit-tieni minn sensiela ta’ laqgħat li qed ikollu ma’ l-imsieħba ewlenin fl-edukazzjoni fejn qed jiġu spjegati l-linji ġenerali ta’ riformi li mistennija jseħħu fil-qasam edukattiv fis-snin li ġejjin.
Il-Ministru irrefera għall-ftehim importanti li sar fil-bidu ta’ din il-ġimgħa bejn l-Gvern u l-MUT biex issa l-kapijiet ta’ l-iskejjel huma meqjusa parti mill-klassi maniġerjali flimkien ma’ l-Uffiċjali Edukattivi u d-Diretturi u l-Assistenti Diretturi ta’ l-Edukazzjoni. Il-Ministru spjega kif issa hemm bżonn li l-kapijiet ta’ l-iskejjel isaħħu l-irwol tagħhom ta’ leaders edukattivi u, filwaqt li l-iskejjel ikomplu miexjin b’mod organizzat u effettiv, ikunu involuti fi proċessi ta’ awditjar tal-kwalità ta’ l-edukazzjoni fl-iskejjel tagħhom.
Il-Ministru għamel emfasi partikolari fuq il-bidliet li hemm bżonn iseħħu fl-istrutturi ta’ l-iskejjel biex filwaqt li jkun hawn l-awtonomija, l-iskejjel ikunu maqgħudin f’network ta’ skejjel primarji u sekondarji biex inkunu nistgħu noffru proċess edukattiv aktar kontinwu. “Ma nistgħux niksbu l-aħjar benefiċċji mill-awtonomija ta’ l-iskejjel jekk tkun biss fuq bażi ta’ skola waħedha. Din hi ukoll l-esperjenza ta’ pajjiżi oħrajn. Networks ta’ skejjel joffru ekonomiji ta’ skala (economies of scale) li biha inkunu nistgħu nieħdu l-massimu mir-riżorsi li għandna”. Il-Ministru qal li fid-diskussjoni li qed issir biex tiġi identifikata l-aħjar struttura, l-iskop ta’ dak li rridu niksbu hu wieħed, liema struttura se toffri lil kull tifel u tifla l-għola kwalità fl-esperjenza edukattiva, liema struttura se tiżviluppa lill-istudenti f’dak li d-dinja u pajjiżna għadhom bżonn.
Il-Ministru qal ukoll li bħalissa l-Ministeru u d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni qed jikkunsidraw abbozz ta’ l-iStrateġija Nazzjonali dwar it-Tagħlim Tul il-Ħajja biex isir djalogu wiesgħa dwarhu, u se jniedi wkoll proċess ta’ diskussjoni biex il-Kurrikulu Nazzjonali jiġi rivedut. Il-Ministru ħabbar ukoll li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada waslet biex tippreżenta l-pjan strateġiku għas-snin 2004-2010, pjan li se juri liema huma l-iskejjel li ser jinżammu u jiġu mmodernizzati, liema skejjel iridu jingħalqu, u liema skejjel iridu jinbnew ġodda.
Louis Galea qal li filwaqt li l-bidliet li qed iseħħu madwarna kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment joffru sfidi kbar, l-edukazzjoni f’pajjiżna għandha sisien sodi li fuqhom nistgħu nibnu. Hu qal li għalkemm il-bidliet iridu jseħħu gradwalment ma nistgħux nitilfu żmien għaliex kull sena jgħaddu mis-sistema edukattiv, eluf ta’ studenti li għandhom id-dritt għal edukazzjoni ta’ kwalità.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en