PRIVATIZZAZZJONI TAL- MALTA FREEPORT
Il-Gvern iħabbar li għalaq in-negozjati għall-privatizzazzjoni tal-Malta Freeport . Nhar it-Tlieta, 5 t’Ottubru 2004, ser isir l-iffirmar tal-kuntratti relevanti għall-privatizzazzjoni, fil-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni.
Il-proċess tal-privatizzazzjoni tal-Malta Freeport beda fi Frar 2000. Dak inhar tħejjiet proposta ta’ privatizzazzjoni bejn il-Privatisation Unit tal-Gvern u l-konsulenti tal-Bank Dinji.
F’Mejju 2000, imbagħad, tqabbdu bħala konsulenti Credit Suisse First Boston.
Wara xogħol inizjali li sar mill-konsulenti u mill-Privatisation Unit, il-Gvern iffissa l-parametri u l-miri tal-bejgħ. Il-miri stabbiliti dak inhar kienu li:
· Jkun assigurat li l-Malta Freeport ikompli jikber;
· Jkun assigurat l-akbar benefiċċju possibbli għall-ekonomija Maltija;
· Jkun assigurat l-akbar dħul possibbli mill-bejgħ.
F’Mejju 2001, il-Privatisation Unit ippubblika Dokument Informattiv li ġibed l-interess ta’ sittax-il organizzazzjoni. Minn dawn l-istqarrijiet ta’ interess ħarġu tlett Offerti Finali. Il-Gvern hu marbut bi ftehim ta’ kunfidenzjalità li ma jgħidx min kienu ż-żewġ offerenti l-oħra.
Fiż-żmien li kien qed jiġri dan kollu, il-Gvern kien ħa d-deċiżjoni li l-proċess ta’ privatizzazzjoni jiġi pospost b’sena.
Dan minħabba li f’nofs il-proċess tal-privatizzazzjoni, kien qed iseħħ tibdil kbir fl-industrija dinjija tat-tbaħħir. Din hi industrija li tbati minn ħafna tlugħ u nżul. Ir-rati tal-ġarr tal-merkanzija jafu jiċċaqalqu b’25% fi żmien sitt xhur. Dan ifisser li d-domanda hi fraġli ħafna u tinstamat malajr b’ċaqlieq fil-prezzijiet ta’ dawk il-portijiet li, bħal m’hu l-Malta Freeport , m’humiex portijiet destinatarji.
Port destinatarju hu port fejn finalment trid titwassal il-merkanzija biex taqdi suq kbir. Il-Malta Freeport hu port ta’ trasbord li allura jbati ħafna aktar mis-sensittività tal-prezzijiet.
Din il-fażi tal-proċess tal-bejgħ tal-Malta Freeport kienet qed tiġri fi żmien imqalleb għall-aħħar, fejn kien diffiċli tistma l-futur tad-dħul tal-port.
Barra minhekk, it-tieni l-akbar klient tal-Malta Freeport, Grand Alliance, fl-2002 marret Gioia Tauro f’nofs il-proċess tal-privatizzazzjoni.
Il-proċess reġa’ nbeda sena wara, u sar ‘due diligence’ ta’ l-offerent CMA-CGM. Wara dan il-proċess, kien iffirmat ‘Heads of Agreement’ mas-CMA-CGM f’Ottubru 2003. Wara dan, f’Ġunju 2004, intlaħaq ftehim ma’ din l-organizzazzjoni.
Il-proċess tal-privatizzazzjoni jintemm bl-iffirmar nhar il-5 t’Ottubru 2004.
Dak inhar ser ikunu ffirmati ħames dokumenti:
1. Id-dokument ta’ Liċenzja;
2. Il-ftehim dwar il-Kirja;
3. Il-ftehim dwar il-Bejgħ u x-Xiri;
4. Il-ftehim dwar is-Sikurezza;
5. Il-ftehim dwar it-Tmexxijja.
Nhar it-Tlieta, il-Malta Freeport Corporation (li hi l-Awtorità tal-Port) ser tagħti lis-CMA-CGM liċenzja għal perjodu fiss ta’ snin biex topera t-Terminal. Dan id-dokument ser ikun fih id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet u jinkludi artiklu dwar kif jinstabu soluzzjonijiet għal nuqqas ta’ qbil, x’jiġri meta parti ma tonorax il-ftehim, kif jintemm il-ftehim u x’kumpens jingħata jekk jinqalgħu dawn iċ-ċirkostanzi.
Nhar it-Tlieta wkoll, ser jiġi ffirmat Ftehim ta’ Kirja biex is-CMA-CGM tkun tista’ topera l-Freeport. Il-Gvern ser jibqa’ s-sid ta’ l-art. L-art fejn hemm il-faċilitajiet tal-Malta Oil Tanking u tal-Medserv, ma jaqgħux taħt dan il-ftehim. Il-bini amministrattiv tal-Malta Freeport, il-Freeport Centre, ser jinkera wkoll lis-CMA-CGM, għalkemm il-Malta Freeport Corporation, bħala l-Awtorità, ser tibqa’ żżomm xi uffiċċji f’dan il-kumpless.
Il-ftehim dwar il-Bejgħ u x-Xiri jispjega l-kundizzjonijiet tal-ħlas u l-prezz tat-tranżazzjoni. Il-ftehim fih ukoll limitazzjonijiet fuq is-CMA-CGM milli tittrasferixxi lil ħaddieħor l-ishma li qed tixtri, jew li tuża l-ishma li qed tixtri bħala ipoteka. Dan il-ftehim jaħseb ukoll għall-garanziji lill-Gvern u l-limitazzjonijiet fuq kemm il-Gvern ikun espost għal danni.
Il-ftehim dwar Sigurezza jipprovdi kif l-Awtorità tal-Freeport (Malta Freeport Corporation) tipprovdi servizzi ta’ sikurezza lill-operaturi.
Il-ftehim dwar it-Tmexxijja jaħseb biex is-CMA-CGM tqabbad bħala kuntrattur tagħha lil Port Synergy li hija ‘joint venture’ bejn is-CMA-CGM u l-P&O Ports. Dan il-ftehim jispeċifika s-servizzi li ser tipprovdi Port Synergy u xi ħlas jingħata għal dawn is-servizzi.
B’riżultat ta’ dawn il-ftehim, il-Malta Freeport Corporation ser tibqa’ teżisti bħala regolatur, li jirregola l-funzjoni ta’ l-operatur, il-Malta Freeport Terminals Limited, li ser tiġi privatizzata. Il-ftehim jaħseb ukoll biex il-prezzijiet u l-livell ta’ servizz mogħti għas-settur domestiku jibqa’ regolat. Dan ifisser li l-industrija Maltija li tuża l-Malta Freeport għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ser tħallas prezzijiet u tingħata livell ta’ servizz regolati mill-awtorità lokali.
L-iffirmar ta’ nhar it-Tlieta ser isir fil-preżenza tal-mezzi tal-komunikazzjoni. Dik inhar ser jingħataw aktar dettalji dwar dan il-ftehim.
DOI - 01.10.2004
16.45 Kbytes Last Modified on 01st October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945