Left arrow Go Back

AĠĠUSTAMENT TAL-PREZZIJIET TAŻ-ŻJUT

PR1516
Date Icon 01/10/2004

B’effett mil-lum, il-prezz taż-żjut, petrol bla ċomb, Lead Replacement Petrol, Diesel u Pitrolju qed jiġu aġġustati skond iċ-ċaqlieq ta’ dawn l-aħħar tlett xhur fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt.  

Il-prezz internazzjonali taż-żejt, bl-indikatur Platts, żdied fl-aħħar sena b’rata qawwija. Fil-fatt bejn Settembru 2003 u Settembru 2004, tunnellata petrol bla ċomb żdiedet f’sena waħda b’US$148.85. Dan ifisser li l-petrol bla ċomb żdied f’sena b’54.07%. Id-diesel żdied b’77.35% (jew US$185.39 kull tunnellata) u l-pitrolju żdied bi 83.13% (jew US$202.62).  

F’din l-aħħar sena, il-prezzijiet taż-żjut komplew it-tendenza li jiżdiedu kontinwament kif ilhom jagħmlu minn Settembru 2001 sal-lum. Fil-fatt, il-prezz internazzjonali tal-lum tal-petrol bla ċomb hu 113.1% aktar minn dak li kien f’Settembru 2001 (US$424.15 illum minflok US$199.04 f’Settembru 2001). Fl-istess perjodu l-prezz internazzjonali tad-diesel żdied bi 97.39% u l-prezz internazzjonali tal-pitrolju żdied b’126.01%. 

Minn Settembru 2001, ir-rati taż-żjut mibjgħuha Malta nħadmu skond il-prezzijiet internazzjonali (m’hux skond il-prezz li bih attwalment issib tixtri bih l-Enemalta).  

Minħabba d-dgħjufija tad-Dollaru Amerikan tul is-snin 2001-2003, il-prezzijiet Maltin ma kienux affettwati b’mod daqstant aħrax daqs kemm intlaqtu ħafna ekonomiji oħra. Fil-fatt minflok b’113.1% bejn Settembru 2001 u Settembru 2004, il-prezz internazzjonali tal-petrol bla ċomb f’Lira Maltija żdied b’66.65%, il-prezz internazzjonali tad-diesel żdied b’54.37% u l-prezz internazzjonali tal-pitrolju żdied b’76.74%.  

F’dawn l-aħħar tlett xhur biss (Ġunju sa Awissu 2004) il-prezz internazzjonali tal-petrol bla ċomb (waqt inċertezza internazzjonali minħabba instabbilità qawwija fl-Iraq u attakki terroristiċi fis-Saudi Arabia , instabbiltà fin-Niġerja u fil-Venezuela u l-kwistjoni tal-Yukos fir-Russja) żdied b’5%. Fl-istess waqt id-Dollaru Amerikan iddgħajjef b’1.2%. Dan wassal biex ix-xiri taż-żejt lejn Malta kellu rata tal-kambju kemm xejn favorevoli li għolliet il-prezz tal-petrol bla ċomb fi tlett xhur bi 3.78%.  

Meta dan jirrifletti ruħu fil-prezz tal-bejgħ f’Malta dan jittaffa minħabba li f’dawn it-tlett xhur kompla jitneħħa l-prezz żejjed li kien jiżdied mal-petrol bla ċomb biex jissussidja d-diesel. Dan is-sussidju se jkun tneħħa għal kollox sa l-aħħar ta’ din is-sena. Il-prezz tal-bejgħ f’Malta għandu wkoll elementi oħra u għalhekk jista’ jiżdied b’rata anqas iebsa minn dik tas-swieq internazzjonali.  

Mil-lum, il-prezz tal-petrol bla ċomb ser jiżdied b’0.5% u jkun ta’ 38ċ8 kull litru. Il-Lead Replacement Petrol li hu kimikament magħmul minn taħlita li l-parti l-kbira minnha hi petrol bla ċomb, ser jiżdied b’0.4% u jkun 41ċ8 kull litru.  

F’dawn l-aħħar tlett xhur ukoll, il-prezz internazzjonali tad-diesel żdied b’21.3%. Iċ-ċaqlieq fil-kambju fisser li meta maqluba għal-Lira Maltija, il-prezz fil-fatt żdied b’19.89%. Id-diesel qed jitkompla jitneħħielu wkoll is-sussidju li qabel kien iħallsu min jixtri l-petrol bla ċomb. Dan ifisser li mil-lum, id-diesel ser jiżdied b’9.2% u jinbiegħ b’34ċ4 kull litru.  

F’dawn l-aħħar tlett xhur ukoll, il-prezz internazzjonali tal-pitrolju żdied b’19.3%. Iċ-ċaqlieq fil-kambju fisser li meta maqluba għal-Lira Maltija, il-prezz fil-fatt żdied bi 17.93%. Dan ifisser li mil-lum il-pitrolju ser jiżdied bi 11.9% u jinbiegħ 16ċ9 kull litru.  

L-Enemalta qed iżżid ukoll il-prezz tal-Light Cycle Oil li jintuża l-aktar fil-qasam kummerċjali biex jitħalltu żjut differenti. Il-prezz ta’ dan it-tip ta’ żejt qed jiżdied kull xahar għal tlett xhur bir-rata ta’ 1ċ8. Fl-aħħar tat-tlett xhur il-prezz tal-LCO ser ikun ta’ 14ċ8.  

Ta’ min isemmi wkoll illi minħabba li l-impjanti ta’ l-Enemalta jużaw biss żjut biex jiġġeneraw l-elettriku, dawn iż-żjidiet ser iħallu impatt qawwi fuq l-ispiża tal-produzzjoni ta’ l-Enemalta. L-Enemalta rrevediet l-istimi tagħha dwar dan l-impatt li f’dawn l-aħħar tlett xhur kibru b’25%. L-istimi aġġornati huma li għal din is-sena biss dan l-impatt ser ilaħħaq ma’ l-Lm4,000,000. Għal din is-sena, din l-ispiża ser terfagħha kollha kemm hi l-Korporazzjoni Enemalta u m’hux ser tgħaddiha lill-konsumatur.  

Il-Gvern itenni li hu konxju li kull ċaqlieq fil-prezz taż-żejt lokalment jittieħed bħala opportunità għal gwadann politiku rħis u bħala skuża għal parti tas-settur kummerċjali biex isir lobbying għal protezzjoniżmu, kontroll statali, u manipulazzjoni tas-swieq mill-Gvern. Il-Gvern ma jantiċipax li din tkun eċċezzjoni u jerġgħu jissemmew l-argumenti klassiċi ta’ l-inflazzjoni u l-kompetittività.  

Iż-żidiet internazzjonali fil-prezz taż-żejt ma laqtux lil Malta biss, iżda laqtu lid-dinja kollha. Kien hemm fejn dawn kellhom impatti inflazzjonarji. F’Malta għandna l-mekkaniżmi trasparenti u maqbula minn kulħadd dwar kif jitkejlu dawk l-impatti inflazzjonarji jekk fil-fatt jirriżultaw, u x’aġġustamenti għandu jkun hemm għalihom.  

Min jagħmel l-argument tal-kompetittività irid iżomm f’moħħu li dawn il-prezzijiet laqtu wkoll lill-kompetituri tagħna, kważi dejjem b’manjiera aktar qawwija milli qed jolqtu lilna.  

Hi x-xewqa tal-Gvern daqs kemm hi ta’ kull gvern u ta’ kull poplu li ssaltan il-paċi dinjija biex tagħti spazju lill-istabbiltà ekonomika. Iżda t-terroriżmu dinji u l-gwerra fir-reġjun minn fejn jiġi ż-żejt għad-dinja żgur m’humiex fil-kontroll tal-Gvern Malti u anqas f’ta’ min jikkritikah.  

Hu importanti wkoll li jinftiehem li argumenti dwar kumpens għall-inflazzjoni u dwar protezzjoni tal-kompetittività, min-natura tagħhom jikkontradixxu lilhom infushom u l-aħjar għażla m’hix għażla bejn argument u ieħor, iżda politika ekonomika stabbli li tirreaġġixxi fil-ħin u bil-għaqal għax-xenarju ekonomiku dinji kif dan jinbidel.  

DOI - 01.10.2004

13.81 Kbytes Last Modified on 01st October, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow