DISKORS MIS-SINJURIJA TIEGĦU L-PRIM IMĦALLEF DOTT. VINCENT A. DE GAETANO FL-OKKAŻJONI TA’ L-INAWGURAZZJONI TAS-SENA FORENSI – 1 TA’ OTTUBRU, 2004
Eċċellenza, Onorevoli Segretarju Parlamentari, Kollegi Imħallfin u Maġistrati, Sur President tal-Kamra, Sur Avukat Ġenerali, Sinjuri Avukati u Prokuraturi Legali.
Nirringrazzjak, Dott. Mangion, ta’ l-awguri li inti għoġbok tindirizza lili u lill-sħabi l-ġudikanti f’dan il-ftuħ uffiċjali tas-sena forensi. A nom ta’ sħabi l-Imħallfin u l-Maġistrati nirreċiproka lilek u lis-sinjuri Avukati u Prokuraturi Legali.
Kif tajjeb osservajt inti, għalkemm forsi b’mod indirett, fid-diskors tiegħek, kull min jaħdem f’dan l-edifizzju qiegħed hawn biex jagħti servizz – servizz fl-ambitu ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Il-partijiet jidhru quddiem il-Qrati għax ikunu qed jirreklamaw li għandha ssir ġustizzja magħhom, u dan sia fil-kawżi kriminali, fejn ir-reklam isir mill-Pulizja jew mill-Avukat Ġenerali skond il-każ f'’isem l-Istat ta’ Malta, u sia f’kawżi ċivili jew kummerċjali, fejn huwa ċ-ċittadin li jitlob li ssir ġustizzja miegħu fil-konfront ta’ ċittadin ieħor jew ta’ l-Istat, jew l-Istat jitlob li ssir ġustizzja miegħu fil-konfront ta’ ċittadin.
L-amministrazzjoni tal-ġustizzja, kif jafu dawk li huma involuti fiha u a differenza ta’ l-armchair critics li jitkbu fil-gazzetti u li ħafna drabi ma jkollhomx l-iċken ħjiel ta’ x’tinvolvi din l-amministrazzjoni, hija ħaġa importanti, delikata u diffiċli. Matul iż-żminijiet, ċiviltajiet ġew meqjusa li huma avanzati jew retrogradi għal żmienhom prinċipalment skond jekk kellhomx sistema ta’ amministrazzjoni tal-ġustizzja tajba jew ħażina. S’intendi, matul iż-żminijiet il-kejl li bih wieħed jiddeċiedi jekk is-sistema hiex tajba jew ħażina tbiddel xi ftit, iżda nazzarda ngħid li l-kriterji fondamentali baqgħu sostanzjalment l-istess, u cioe` dak ta’ l-effiċjenza u tal-“fairness”. Dan it-tieni kriterju matul iż-żminijiet u speċjalment fl-aħħar mija u ħamsin sena, żviluppa fil-kunċett tad-dritt fondamentali ta’ “smigħ xieraq” – cioe` li kull minn jirreklama l-ġustizzja u kull min kontrih tiġi rreklamata l-ġustizzja għandu jingħata smigħ xieraq minn qorti jew tribunal imparzjali u indipendenti imwaqqaf b’liġi.
Kif xi wħud minnkom forsi jiftakru, fid-diskors li għamilt proprju bħal-lum sena kont ukoll issoffermajt ruħi fuq il-kwistjoni ta’ l-effiċjenza fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Kont fissirt li hemm bżonn mhux biss ta’ żieda fin-numru ta’ imħallfin u maġistrati biex il-backlog tal-kawżi jonqos u l-kawżi jibdew jinqatgħu aktar malajr, iżda u forsi aktar importanti kien hemm bżonn ta’ – u nikkwota testwalment – “investiment serju fir-riżorsi umani” u “soluzzjonijiet radikali”.
Fil-kuntest ta’ riżorsi umani, għalkemm kien hemm żieda marġinali fin-numru ta’ Assistenti Ġudizzjarji (u dan wara proċess li, bil-burokrazija taċ-ċivil, ħa x-xhur), għad hemm ħafna xi jsir biex il- “judiciary teams”, speċjalment tal-Maġistrati (li, mill-ewwel ta’ din is-sena, żdidilhom ħafna aktar ix-xogħol konness ma’ investigazzjonijiet tal-Pulizija), ikunu jistgħu joperaw b’mod effiċjenti. Regolarment nirċevi lmenti minn maġistrati mhux li għandhom wisq xogħol huma – għalkemm naf bħala fatt li kważi kollha kemm huma għandhom aktar xogħol milli jistgħu jlaħħqu miegħu – iżda li l-istaff tagħhom ma jistax ilaħħaq max-xogħol, xogħol li ħafna drabi ma jidhirx għax isir qabel jew wara s-seduti, iżda li jekk ma jsirx jew jekk ma jsirx sew, il-qorti li tkun tistaġna.
Għal xi raġuni li għadni ma nistax nifhimha, nies li manifestament ma humiex adatti għax-xoghol li suppost ġew assenjati li jagħmlu – bħal, per eżempju, “court assistants” li m’humiex kapaċi jittajpjaw jew iħaddmu kompjuter – jibqgħu jinżammu f’posthom donnhom għandom xi “sinecure”. Ir-“reserve pool” ta’ Deputati Reġistraturi – tant meħtieġa minħabba sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu fejn Deputat Reġistratur jimrad jew għal xi raġuni valida ma jkunx jista’ jattendi l-Qorti – għadha ma teżistix; u proprju jumejn ilu maġistrat spiċċa lampa stampa ma jistax jibda s-seduta tiegħu għax id-Deputat Reġistratur ma setgħetx tirraporta għax-xogħol peress li hija tqila u, minkejja li l-Amministrazzjoni tal-Qorti kienet ġiet avżata żmien qabel bil-possibilita` li dan seta jiġri, xorta waħda ma kien hemm ħadd min jirrimpjazzaha.
Is-sena l-oħra kont ukoll aċċennajt għall-possibilita` li ġudikant jimrad: il-kliem eżatti li kont użajt kienu dawn: “Xenarju illi lili jippreokkupani hu jekk Imħallef jew tnejn jimirdu, anke jekk għal xi perjodu relattivament qasir, b’mod li ma jkunux jistgħu jattendu għad-doveri tagħhom għal numru ta’ ġimgħat jew għal ftit xhur: ma hemm ebda mod kif is-sistema, bil-‘complement’ kif inhu, tista’ tilqa’ għat-tħarbit li l-assenza tagħhom iġġib għax ma hemm ebda forma ta’ ‘backup’ permanenti”. U huwa proprju dan li ġara fl-aħħar ta’ Awissu – l-Imħallef Raymond Pace, li tant kien qed jiddedika ħin u enerġija fil-Qorti tal-Familja, marad serjament – u minn hawn nieħu l-okkażjoni biex f’isem sħabi u f’isimkom, nawguralu fejqan ta’ malajr – u kelli naqla’ imħallfin mill-Prim Awla biex, għall-anqas temporanjament, “jamministraw” il-Qorti tal-Familja sakemm l-Imħallef Pace ikun jista’ jerġa’ jattendi għad-doveri tiegħu. U dan ġara proprju f’qorti – il-Qorti tal-Familja – fejn kont ili ngħid li hemm bżonn ta’ żewġ imħallfin u mhux wieħed. Peress li t-talba tiegħi għal żieda ta’ għall-anqas imħallef wieħed waqgħet fuq widnejn torox, issa ħadt id-deċizjoni li nassenja wieħed mill-imħallfin tal-Prim Awla biex, mil-lum u għal perjodu ta’ ħames xhur, jieħu parti mix-xogħol ta’ din il-Qorti. Dan, naturalment, ser ikun ifisser li r-rendiment ta’ dan l-imħallef fil-Prim Awla ser jonqos xi ftit, pero` ma nistax inħalli lill-Imħallef Pace mingħajr għajnuna fil-Qorti tal-Familja.
Semmejt, Sur President, il-Qorti tal-Familja. Jiena kelli l-opportunita`, flimkien ma’ l-Imħallef Sciberras, li f’Awissu li għadda nagħmel xogħol f’din il-Qorti sakemm l-Imħallef Pace jieħu l-“leave” tiegħu. Għalkemm il-kunċett ta’ “Qorti tal-Familja”, bir-rwol tal-medjaturi, huwa ċertament wieħed validu u, kif għidt tajjeb inti, il-medjaturi għandhom rwol importanti ħafna xi jwettqu f’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi il-proċedura traċċata fl-A.L. 397 tas-sena 2003 jeħtiġilha bosta “fine tuning” u f’ċerti aspetti forsi anke tibdiliet ftit aktar sostanzjali. Inti semmejt il-każ meta l-partijiet ikunu qablu dwar separazzjoni konsenswali u jkunu ftehmu anke fuq l-abbozz tal-kuntratt. Ma naħsibx li nista’ naqbel miegħek mija fil-mija li hawnhekk ma hemmx lok tal-medjatur għax, mill-esperjenza tiegħi, kemm fis-Sekond Awla l-antika kif ukoll fil-Qorti tal-Familja l-ġdida, ikun hemm ftit każijiet – nammetti, perċentwali zgħira ħafna – fejn għalkemm il-partijiet ikunu waslu għall-ftehim ta’ separazzjoni bonarja, bi ftit ta’ għajnuna minn xi ħadd – dari mill-Imħallef, illum mill-medjaturi – dawn jistgħu jirrikonċiljaw.
Stranament, pero`, d-dispożizzjoni fir-regolamenti viġenti li titkellem dwar meta l-partijiet ikunu qablu dwar abbozz ta’ separazzjoni, ma tirrikjedix li l-medjatur jipprova jirrikonċilja lill-partijiet, bħalma hu l-każ meta l-partijiet ma jkunux ftehmu dwar l-abbozz. Lanqas jidher li hemm l-obbligu fuq il-medjaturi li f’dawn il-każijiet jaraw jekk fil-fatt verament hemmx il-bażi għas-separazzjoni tal-partijiet, u, fil-każ li l-partijiet ma jkunux ilhom aktar minn erba’ snin miżżewġin, jekk din il-bażi hix verament waħda minn dawk li trid il-liġi, jiġifieri adulterju, eċċessi, moħqrija, theddid jew inġurji gravi da parti ta’ xi waħda jew oħra. L-impressjoni li jiena ħadt hi li dawn il-medjaturi f’dawn il-każijiet – speċjalment meta l-partijiet ikunu qablu dwar min ser ikun medjatur – u dan donnu qed tikkonfermahuli inti – sempliċement jaqraw l-abbozz u barra bid-daqq. Hemm ukoll il-problema tar-rikorsi li jidħlu immedjatament wara, jekk mhux addirittura kontestwalment, ma’ l-ittra lir-reġistratur, u li xi mindaqqiet jistultifikaw il-proċess kollu tal-medjazzjoni. Aktar fondamentali hija, fil-fehma tiegħi, id-distinzjoni li r-regolamenti donnhom jagħmlu bejn il-pre-trial period u t-trial stage fir-regolament 7. Jekk wieħed kellu jinterpreta dan ir-regolament ad litteram ifisser li f’kawżi ta’ separazzjoni is-smigħ ikun jikkonsisti filli l-ġudikant jisma’ biss lill-avukati tal-partijiet (u lill-avukat tat-tfal, jekk ikun hemm), bis-smigħ tal-provi relegat għal quddiem l-Assistenti Ġudizzjarji fil-pre-trail period. Mhux il-każ li noqgħod nidħol f’aktar dettalji hawnhekk illum: jien ippreparajt lista sħiħa ta’ suġġerimenti u meta inti, Sur President tal-Kamra, u inti Onorevoli Segretarju Parlamentari, jogħġobkom niltaqgħu nistgħu niddiskutuhom, forsi anke flimkien maż-żewg Imħallfin li ser ikunu jaħdmu fil-Qorti tal-Familja.
Fost “soluzzjonijiet radikali” li kont awspikajt is-sena l-oħra biex jitnaqqas il-“backlog” tal-kawżi u l-qrati jkunu jistgħu jaħdmu b’mod aktar effiċjenti, kien hemm dik ta’ aktar użu ta’ l-arbitraġġ. Naturalment, mhux ser jirnexxilek, Sur President, twassalni jew tipprovokani biex nesprimi xi opinjoni dwar il-kostituzzjonalita` o meno tal-arbitraġġ mandatorju – dak nagħmlu jekk u meta tqum il-kwistjoni fis-sede appożita – pero` m’għandix dubju li l-użu tajjeb ta’ l-arbitraġġ jista’ jkun ta’ vantaġġ kemm għall-partijiet fil-kawża kif ukoll, u indirettament, għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Pero` huwa tajjeb, kif kont diġa` għidt is-sena l-oħra, li nibdew naħsbu fuq metodi ta’ alternative dispute resolution.
Fi Frar ta’ din is-sena il-Judical Studies Committee, bl-għajnuna tal-Ministeru, tal-Kunsill ta’ l-Ewropa u ta’ diversi Ambaxxati f’Malta, organizza seminar għall-Ġudikanti proprju dwar l-użu u l-vantaġġi tal-medjazzjoni mhux biss f’kawżi matrimonjali iżda wkoll f’dawk ċivili u kummerċjali. Niftakar li immedjatament wara dak is-seminar kont tlabtek, Onorevoli Segretarju Parlamentari, sabiex niltaqgħu ħalli niddiskutu kif l-aħjar li din l-idea tal-medjazzjoni tista’ tiġi integrata fil-livelli kollha tas-sistema ġudizzjarja tagħna. Minn dak iż-żmien ma smajt xejn aktar, u issa ġie ppubblikat l-abbozz ta’ liġi dwar il-Medjazzjoni. Jiena nawgura kull suċċess liċ-Ċentru għall-Medjazzjoni u li dan ma jkunx iljunfant abjad ieħor bħalma kien sa issa ċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ, bin-neċessita` li biex iżomm fuq saqajh ikollu bżonn ta’ injezzjonijiet kontinwi da parti ta’ l-Eżekuttiv. Jien ma nafx x’konsultazzjonijiet kien hemm bejn il-Kamra ta’ l-Avukati u l-Eżekuttiv dwar dana l-abbozz, pero` konvint li l-affarijiet jistgħu jimxu aħjar jekk il-konsultazzjonijiet ma’ kull min jista’ jkun konċernat isiru possibilment qabel ma jiġu ppublikati abbozzi simili, u mhux wara.
Semmejt ukoll, sur President, il-ħtieġa ta’ Att li jirregola l-Professjoni Legali. Din għandha tkun liġi li, għalkemm tikkonċerna prinċipalment lill-avukati prattikanti, tinteressa wkoll b’mod dirett u immedjat lill-Ġudikatura. Wara kollox, kif tajjeb għidt inti, l-Avukat, meta jidher il-Qorti f’kawża, hu “uffiċjal tal-Qorti”, u l-proċess ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja diffiċilment hu konċepibbli mingħajr il-parteċipazzjoni u l-assistenza ta’ l-avukati u tal-prokuraturi legali. Kif taf inti, minn sentejn ilu, jien ħadt miżuri biex il-Kamra ta’ l-Avukati jkollha, kompatibbilment mal-liġi kif inhi għalissa, rwol f’dak li hu l-eżami tal-“warrant”, u ħadt ukoll ċerti miżuri biex dan l-eżami jibda jsir b’aktar serjeta`, fosthom li fil-parti bil-miktub ta’ l-eżami jkun hemm mistoqsijiet dwar l-etika professjonali. Nittama li din il-liġi l-ġdida tindirizza wkoll din il-materja ta’ l-eżami tal-warrant biex dan l-eżami jkun jista’ jsir mhux biss b’serjeta` iżda wkoll b’aktar professjonalita`. Nittama li f’dan ir-rigward ukoll ikun hemm il-konsultazzjonijiet ma kull min hu interessat – inkluża l-Ġudikatura – qabel ma l-abbozz jiġi ppublikat u mhux wara.
Il-possibilita` li tiġi introdotta xi forma ta’ leave to appeal – bħalma hemm f’ħafna ġurisdizzjonijiet oħra – biex tiġi minimizzata l-possibilita` ta’ abbuż tal-proċess ġudizzjarju f’kawżi ċivili, l-użu aħjar ta’ kif jiġu akkollati l-ispejjeż tal-kawża biex jirriflettu d-dewmien kaġunat mill-partijiet jew minn waħda minnhom, u l-possibilita` li tiġi introdotta s-sistema ta’ ex tempore judgements fuq il-mudell Ingliż huma xi wħud mis-“soluzzjonijiet radikali” li jien kont aċċennajt għalihom is-sena l-oħra, iżda li ftit li xejn sa issa ġew esplorati. B’referenza għal sentenzi ex tempore, dan kien wieħed mis-suġġerimenti proposti mill-Imħallef William Rose fir-rapport li huwa hejja għall-Judicial Studies Committee u li ġie ppreżentat ukoll lill-Ministru u lilek, Onorevoli Segretarju Parlamentari.
Bis-sistema kif inhi llum, tneħħi l-kawżi sommarji ta’ natura penali quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u deċiżjonijiet li jittieħdu fil-Qorti Kriminali fil-kors ta’ ġuri, is-sentenzi li jingħataw huma kollha “reserved judgements”, jiġifieri l-ġudikant iħalli l-kawża għal data oħra, li tista’ tkun fil-bogħod jew fil-viċin, u jikteb is-sentenza. Ex tempore judgement tfisser li l-ġudikant, wara li jkun sema’ l-provi u l-partijiet, f’dik il-ġurnata stess tal-kawża jippronunzja s-sentenza mingħajr ma joqgħod jiddifferixxi biex jiktibha. Is-sentenza jkun fiha, naturalment, il-motivazzjonijiet, għalkemm fil-qosor, u din tiġi reġistrata b’mezzi elettromanjetiċi u wara traskritta. Il-parti l-kbira tas-sentenzi li jingħataw fil-qrati Ingliżi f’kawżi ċivili, f’kull livell ta’ dawk il-qrati, huma ex tempore judgements, u reserved judgements jingħataw biss fejn ikun hemm punti kumplikati ta’ fatt jew ta’ dritt. Nammetti li mhux faċli li wieħed, li jkun imdorri fit-tradizzjoni li kollox jinkiteb, jaċċetta faċilment din is-sistema. Anqas huwa faċli għall-ġudikant li ma jkollux it-taħriġ meħtieġ f’din is-sistema li jgħaddi biex “jippronunzja” s-sentenza, bid-dettalji meħtieġa biex din tkun aċċettabbli. Apparti minn hekk, biex din is-sistema tkun tista’ tiffunzjona, hemm bżonn li l-metodu ta’ kif jiġu appuntati u jinstemgħu l-kawżi jinbidel radikalment, ħaġa li bin-numru ta’ kawżi pendenti hija ftit li xejn possibbli għalissa. Fil-qrati Ingliżi, per ezempju, Imħallef ikollu, għal ġurnata waħda, tnejn, massimu tlett kawżi fuq il-lista; il-proċessi jkunu diġa` istruwiti biżżejjed biex huwa jkun jaf eżattament dwar x’hiex hi l-vertenza u l-Imħallef ikun ukoll ħa konjizzjoni sew ta’ l-istess proċess; u fil-ġurnata tas-smigħ tal-kawża jisma’ l-provi kollha, jisma’ lill-avukati u jgħaddi biex jippronunzja s-sentenza, u minnufih jgħaddi biex jisma’ l-kawża ta’ wara. Biex din is-sistema tkun tista’ mqar tingħata ‘a trial run’, jenħtieġ li jsiru xi tibdiliet żgħar fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, u naf li l-Imħallef Joseph D. Camilleri diġa` identifika dawk id-dispożizzjonijiet ta’ liġi li jkunu jeħtieġu emenda.
F’din is-sena li għaddiet kull ma irnexxilna nagħmlu – nitkellem għall-Qorti ta’ l-Appell Superjuri – hu li provvedimenti, l-aktar fin-natura ta’ digrieti, li sa sentejn ilu kienet il-prassi li jitħallew “għal provvediment” għal data oħra, bil-possibilita` li dan il-provvediment ma jinkitibx u l-kawża tibqa’ tigi ddifferita dejjem “għal provvediment”, illum jingħataw dik il-ġurnata stess kif appena l-partijiet jispiċċaw jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom. Naturalment, peress li l-Qorti ta’ l-Appell Superjuri hija Qorti kolleġjali, bilfors irridu nidħlu ġewwa niddiskutu, pero` imbagħad noħorġu u nagħtu l-provvediment li jkun. Nittama ħafna li din l-idea ta’ l-ex tempore judgements ma tmutx fuq ommha, aktar u aktar meta naf li l-Judicial Studies Committee qed ihejji programm ta’ taħriġ f’dan ir-rigward għas-sena d-dieħla. Jiena konvint – u dana mhux għax bħall-Imħallfin Mallia, Azzopardi u Pace inżomm ma’ l-Ingliżi fil-futbol – li minn din is-sistema Ingliża jew aħjar Anglo-Amerikana, nistgħu nieħdu xi ħaġa u naddattawha għall-ħtiġijiet tagħna, biex dejjem u kemm jista’ jkun iż-żmien ta’ bejn meta tinbeda kawża u meta tispiċċa jiqsar.
Is-sena l-oħra kont tkellimt ukoll dwar l-Indipendenza tal-Ġudikatura. Kont fissirt li, filwaqt li l-Ġudikatura hija kostituzzjonalment u legalment indipendenti miż-żewġ rami l-oħra tal-Gvern – l-Eżekuttiv u l-Leġislatura – istituzzjonalment hija dipendenti kważi għal kollox fuq l-Eżekuttiv, min-nomina tal-ġudikanti għall-għodda li bihom irid jaħdem il-ġudikant. Kont fissirt li wasal iż-żmien li, bħalma sar f’ħafna pajjiżi kemm ta’ l-Ewropa kif ukoll tal-Commonwealth, jibdew jittieħdu l-miżuri biex anke “istituzzjonalment” il-Ġudikatura u l-qrati jibdew jiddistakkaw ruħhom bil-mod il-mod mill-Eżekuttiv. Kif fisser l-allura Prim Imħallef ta’ l-Awstralja, Sir Gerard Brennan, f’diskors li għamel f’April ta’ l-1997 fl-okkażjoni tat-12th South Pacific Judicial Conference:
The competent and impartial administration of justice according to law demands judicial independence: that is independence from influences, legalities or powers which might deflect the judge from unqualified observance of the rule of law…Judicial independence does not exist to serve the judiciary; nor to serve the interests of the other two branches of government. It exists to serve and to protect not the governors but the governed.
Sfortunatament aktar kmieni din is-sena ġew ippubblikati regolamenti – qed nirreferi għall-Avviżi Legali 138 u 139 tas-sena 2004 – li jitrattaw dwar il-funzjonijiet tad-Direttur Ġenerali u ta’ Uffiċjali Eżekuttivi oħra tal-Qrati. Xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti jiddispjaċini ngħid huma totalment inaċċettabbli għall-Ġudikatura għas-sempliċi raġuni li jistgħu jiġu interpretati bħala li jagħtu s-setgħa lid-Direttur Ġenerali – li huwa l-lunga mano ta’ l-Eżekuttiv – li jindaħal f’materji li jirrigwardaw proċedimenti u atti ġudizzjarji, meta f’tali materji skond il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili u għal raġunijiet eminentement Kostituzzjonali r-reġistraturi u l-Uffiċjali Eżekuttivi oħra tal-Qrati jieħdu, u għandhom jibqgħu jieħdu, l-ordnijiet u direttivi biss mill-ġudikanti. Il-Ġudikatura taqbel li għandu jkun hemm sistema ta’ amministrazzjoni fl-edifizzju tal-qorti li tkun effiċjenti b’mod li kulħadd, inklużi l-ġudikanti, ikun jista’ jagħti servizz effiċjenti; iżda b’mod ġenerali t-tendenza ta’ dawn ir-regolamenti hi li tagħmel il-Ġudikatura aktar dipendenti għal kollox fuq l-Eżekuttiv, u anke f’materji li potenzjalment jistgħu jinċidu fuq l-indipendenza ta’ l-operat tagħha għal dawk li huma proċedimenti u atti ġudizzjarji.
Jiena ma għandix naħseb li d-Direttur Ġenerali attwali ser jipprova jindaħal fejn mhux suppost – naħseb li jaf xi jkunu l-konsegwenzi jekk biss jipprova – pero` anke s-sempliċi possibilita` li huwa jista’ jagħmel hekk in forza ta’ dawn ir-regolamenti hija Kostituzzjonalment inaċċettabbli. Jidher, Sur President, li dawn ir-regolamenti ma tantx ġibdu attenzjoni forsi għax apparentement jidhru innokwi; iżda jien konvint, per eżempju, li l-fatt li l-Assistenti Ġudizzjarji, li llum ingħataw anke funzjonijiet ġudizzjarji, ġew ipparifikati ma’ “uffiċjali eżekuttivi” u għalhekk, suppost skond dawn ir-regolamenti, iridu joqogħdu għall-istruzzjonijiet kollha li jagħtihom id-Direttur Ġenerali, hija xi ħaġa li tinteressa mill-qrib lill-avukati fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom fil-kawżi li fihom ikunu qed jidhru. Din hi materja taħraq u materja delikata. Nifhem ukoll li dawn ir-regolamenti setgħu kienu pprovokati minn xi inċidenti iżolati ta’ xi snin ilu fejn l-aġir ta’ xi ġudikant jew tnejn wasal biex ħoloq intopp fl-amministrazzjoni tal-qrati; pero` dan in-nuqqas ma jista’ b’ebda mod jiġġustifika dawn ir-regolamenti. Jien ili li ktibt lil min kelli nikteb sa minn April ta’ din is-sena. Nittama, Onorevoli Segretarju Parlamentari, li bi ftit konsultazzjoni u b’doża qawwija ta’ buon sens il-kwistjoni maħluqa b’dawn ir-regolamenti, li naf li ma kontx l-arkitett tagħhom la inti u lanqas il-Ministru Borg, tiġi solvuta darba għal dejjem u b’sodisfazzjon għal kulħadd.
Illum, kif ilkoll nafu, il-parti l-kbira tal-proċeduri kriminali jinstemgħu u jiġu deċiżi mill-Qrati tal-Maġistrati. Mill-bidu ta’ din is-sena, il-Maġistrati assumew rwol ġdid f’dak li huwa l-ħruġ ta’ mandati ta’ arrest u ta’ perkwisizzjoni, ħaġa li qabel kienet esklussivament f’idejn il-Pulizija Eżekuttiva. Il-volum ta’ xogħol tagħhom nista’ ngħid li f’dawn l-aħħar xhur kważi irdoppja. Sfortunatament ħafna minn dan ix-xogħol huwa xogħol li ma jidhirx, għax ma huwiex xogħol li jispiċċa f’sentenza li tiġi ppublikata, iżda huwa xorta waħda xogħol li jieħu ħafna żmien jekk dana x-xogħol isir bis-serjeta` u kif suppost. Fil-fatt mill-bidu ta’ din is-sena anke l-Maġistrati li x-xogħol tagħhom huwa prinċipalment fil-kamp ċivili kellhom jiddaħlu jagħmlu dik li tissejjaħ “l-għassa” fil-kriminal: jiġifieri jkunu stand by, fuq bażi ta’ roster, biex jagħmlu aċċessi u inkjesti, joħorġu mandati ta’ arresti u ta’ perkwisizzjoni, u jżommu s-seduta preliminari meta persuna titressaq il-Qorti taħt arrest, ħafna drabi f’ħinijiet l-aktar strambi jew skomdi.
Kif tajjeb osservajt int, Sur President, f’Lulju ta’ din is-sena assenjajt Maġistrat, biex jibda jisma’ l-kawżi kollha sommarji li b’xi mod jinvolvu litiġju bejn il-konjugi jew bejn il-ġenituri u t-tfal, u dana wara li l-Onorevoli Segretarju Parlamentari wera l-ħsieb tiegħu – ħsieb validissimu – li tibda tevolvi l-Qorti tal-Familja anke f’materja penali. Il-pass li jmiss u li nispera li nkun nista’ nwettqu dalwaqt, huwa li nassenja Maġistrat biex jisma’ l-kawżi kollha (li allura ma jkunux aktar kawżi sommarji) ta’ abbuż jew korruzzjoni ta’ minorenni. Dan l-aħħar ġiet f’idejja lista ta’ dawn il-kawżi pendenti, ħafna minnhom kumpilazzonijiet, u ma nistax ma ninkwetax meta nara li xi wħud minn dawn il-kawżi jdumu sena jew aktar biex l-istadju tal-provi jiġi konkluż, u dan, naturalment, bil-possibilita` ta’ dannu psikoloġiku għall-minuri involuti. F’dawn il-kawżi, bħal fil-kumpilazzjonijiet kollha, hemm bżonn ta’ aktar ko-ordinazzjoni bejn il-Qorti, l-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali u speċjalment il-Pulizija – li fuqhom jinkombi l-obbligu li jħarrku x-xhieda u jipproduċu l-provi b’mod ordnat u effiċjenti – biex iż-żminijiet jitqassru. Kemm fil-Qorti Kriminali kif ukoll fil-Qorti ta’ l-Appell Kriminali ġew f’idejja proċessi fejn nara li l-Avukat Ġenerali jagħmel rinviju biex jinstemgħu provi għal darba, darbtejn, tlieta, u jibqa’ ma jsir xejn, daqqa għax il-Qorti tkun okkupata fuq xogħol ieħor, daqqa għax l-uffiċjal prosekutur jonqos milli jidher, u għal raġunijiet oħra, u f’kemm ili ngħidlek ikunu għaddew ħames xhur bla ma jkun sar xejn f’dawk il-proċeduri. Nappella lil kulħadd biex ikun aktar konxju mill-ħtieġa li l-proċeduri ma jitwalux inutilment, u nappella wkoll lis-sinjuri Maġistrati biex jużaw l-awtorita` tagħhom skond il-liġi biex ma jippermettu lil ħadd li jtawwal inutilment il-proċeduri jew li ma joqgħodx għat-termini li jiġu imposti.
Fil-kamp tal-Qrati tal-Maġistrati bħala Qrati ta’ Ġustizzja Kriminali wasal fil-fehma tiegħi iż-żmien biex wieħed jirrevedi l-proċedura ta’ kif jiġu nominati periti (komunement imsejħa “esperti”), u ta’ kif ix-xogħol ta’ dawn jiġi intaxxat. Ma hux aċċettabbli li jiġu nominati esperti f’sitwazzjonijiet fejn il-liġi kjarament tgħid li m’għandhomx jiġu nominati esperti; u anqas ma hu aċċettabbli li jiġu nominati esperti fejn dan ma jkunx strettament meħtieġ, jew li jiġu nominati esperti b’inkarigu f’termini “open ended” li prattikament iħalli f’idejn l-espert li jiddeċiedi x’għandu jagħmel u kemm għandu jagħmel. Il-ħatra ta’ esperti fejn strattament ma hemmx bżonn ta’ tali ħatra qed ikollha effett negattiv ħafna fuq ir-riżorsi finanzjarji tal-Qrati, bir-riżultat li esperti li n-nomina tagħhom hija fil-fatt meħtieġa u indispensabbli qed jispiċċaw idumu x-xhur, jekk mhux aktar, biex jitħallsu. Jidher li wasal iż-żmien ukoll li l-Artikolu 533 tal-Kodiċi Kriminali jiġi rivedut biex jiġi faċilitat il-ġbir ta’ l-ispejjeż peritali wara li l-ħati jkun ġie kkundannat iħallashom.
Fl-aħħarnett ma nistax ma nsemmix il-Judicial Studies Committee. Fil-ftit xhur – ftit anqas minn sena issa – kemm ilu mwaqqaf uffiċjalment dan il-Kumitat, sar ħafna xogħol, anke in kollaborazzjoni mal-Ministeru, mal-Kamra ta’ l-Avukati u mal-Kummissjoni Għolja Ingliża u xi Ambaxxati oħra sabiex jiġu organizzati seminarji u konferenzi. L-aħħar seminarju li kellna kien proprju ftit ta’ jiem ilu dwar il-proċedura ta’ referenza lill-Qorti Ewropea. Dan il-Kumitat ġie wkoll propost mill-Gvern ta’ Malta biex jirrapreżenta lil Malta fuq il-European Judicial Training Network: u dan juri bla mezzi termini li anke l-Eżekuttiv japprezza l-importanza ta’ dan il-Kumitat, u r-rwol importanti li għandu biex il-prodott finali – l-amministrazzjoni tal-ġustizzja – jkun dejjem ta’ l-ogħla livell possibbli. Sfortunatament, iżda, dan il-Kumitat qed jaħdem taħt handicap kbir u dan peress li, minkejja li fl-aħħar tas-sena li għaddiet thejja business plan dettaljat fejn ġew anke delineati l-ħtiġijiet minimi sabiex dan il-Kumitat ikun jista’ jiffunzjona sew, sal-lum ma ġew speċifikatament allokati ebda riżorsi fl-estimi. Kien hemm ukoll il-ħsieb li tiġi assenjata persuna miċ-ċivil biex twettaq il-funzjoni ta’ amministratur eżekuttiv tal-JSC, iżda dan baqa’ ma avverax ruħu, u anke minħabba f’hekk wieħed mill-membri tal-Kumitat nominat mill-Ministru irriżenja u għadu ma ġiex rimpjazzat. Li kieku ma kienx għad-dedikazzjoni ta’ l-Imħallef J.D. Camilleri, assistit mill-Maġistrat Meli, li spiċċa addirittura jagħmel anke x-xogħol klerikali hu personalment, u għall-persistenza tal-Kummissarju Għoli Ingliż, Vincent Fean, il-Ġudikatura anqas kien ikollha l-benefiċċju tal-ftit attivitajiet edukattivi li sa issa kellha. Nappella, għalhekk, lilek Onorevoli Segretarju Parlamentari, biex ix-xogħol u r-rwol tal-JSC jingħata rikonoxximent konkret u prattiku billi jiġu allokati r-riżorsi meħtieġa.
Kif tajjeb osserva l-President tal-Kamra ta’ l-Avukati, f’xenarju fejn il-liġijiet kontinwament jinbidlu, iblah hu min jaħseb li għax darba mar l-universita` u ħa l-lawrja u forsi sar maġistrat jew imħallef, allura jaf kollox u ma hemm xejn x’jitgħallem. Biżżejjed jingħad li dawk li huma judicial skills – li dari wieħed kien jakkwisthom għax jara imħallfin oħra jaħdmu fuq il-Bank u mbagħad, meta dak li jkun ikollu ħamsin sena jew aktar u jilħaq maġistrat jew imħallef, jibda japplikhom hu – illum, b’ġudikatura dejjem aktar żgħira fl-eta` medja tagħha, dan il-proċess ta’ tiroċinju informali m’għadux aktar vijabbli.
Sur President tal-Kamra, sinjuri Avukati u Prokuraturi Legali, ma rridx intawwal aktar għax is-sena li għaddiet għidtuli li d-diskors tiegħi kien twil wisq, u kellkom raġun – kont mort kontra dak li kont qed inħeġġeg jien stess li għandu jsir u cioe` li s-sentenzi tal-qrati, fejn hu possibbli, jiqsaru biex ma jibqgħux qishom sentenzi urbi et orbi. Għalhekk ma baqgħali xejn x’ngħidilkom ħlief li lilkom nawguralkom aktar xogħol extra-ġudizzjarju għas-sena d-dieħla, u lil sħabi l-ġudikanti nawguralhom is-serenita` u d-dehen fix-xogħol ġudizzjarju.
DOI - 01.10.2004
115.65 Kbytes Last Modified on 01st October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945