Left arrow Mur Lura

IĊ-ĊENTRU MALTI TA’ L-ARBITRAĠĠ

PR1508
Date Icon 01/10/2004

Nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Settembru 2004, permezz ta’ Avviz Legali 419 daħlet fis-seħħ parti oħra mill-Att IX ta’ din is-sena. Permezz ta’ dan l-Avviż Legali, iċ-Ċentru Malti għall-Arbitraġġ issa sar responsabbli minn żewg kategoriji ta’ kwistjonijiet legali li qabel kienu f’idejn il-Qrati tagħna. Dawn huma:  

(i) il-kwistjonijiet kollha li jistgħu jinqalgħu taħt il-Kapitolu 398 (Att dwar il-Kondominji) u

(ii) l-inċidenti tat-traffiku fejn ma hemmx ħsara fuq il-persuna u li l-ammont ta’ ħsara nvoluta hija ta’ bejn Lm1,500 u Lm5,000.  

Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern l-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici, waqt Konferenza Stampa li ta l-bieraħ 30 ta’ Settembru 2004, fil-Ministeru.  

“Dan huwa pass ieħor ’l quddiem sabiex wieħed ikompli jnaqqas mill-pressjoni li hemm fil-Qrati tal-Ġustizzja u jassigura li jonqos drastikament id-dewmien fil-kategoriji ta’ kawżi li għadna kif semmejna.  Pass li jfisser li qed indaħħlu, permezz tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għax dak li jista’ jsir, (dejjem bl-istess garanziji legali neċessarji minn istituzzjoni oħra li m’hix il-Qorti), għandu jiġi implimentat.  Pass li għandu jkompli jgħin sabiex jibdel il-kultura legali f’dan il-pajjiz, jigifieri li ngħarfu li l-ġudikanti tagħna għandhom jiġu mgħobbija w utilizzati mis-soċjetà għall-każijiet u kwistjonijiet iktar komplikati u diffiċli. Ftit nirrealizzaw li fil-Qorti, f’ħafna drabi, qed nikru karozza tal-linja sabiex ngħabbu passiġġier wieħed. Il-Gvern qiegħed għalhekk jagħti direzzjoni ċara. Dik li biha jrid jara li dan iċ-Ċentru jkompli jissoda ruħu u jsir post alternattiv sostenibbli li fih tikber iktar il-fiduċja li dak li qieghed jsir fil-Qorti jista’ jsir fiċ-Ċentru Malti għall-Arbitraġġ, b’numru akbar ta’ vantaġġi.  

Il-vantaġġi ta’ din il-linja huma s-segwenti:  

1.         Il-Ħin.            Huwa magħruf li l-kwistjonijiet li fihom jitqabbdu u jiġu maħtura l-arbitri jdumu ferm inqas mill-kawzi fil-Qorti. Diġà din il-ġimgħa kelli l-opportunità nuri li hemm wisq kawzi l-Qorti u li qed idumu sabiex jinqatgħu. Għalhekk, b’din d-deċizjoni sejrin innaqqsu mill-ħela ta’ ħin li jispiċċaw fih l-partijiet u x-xhieda tagħhom.  

2.         Inqas Spejjeż. - Huwa magħruf ukoll li l-ispejjeż involuti huma ferm inqas fiċ-Ċentru minn dawk li hemm fil-Qorti u dan għax id-dritt tar-reġistru li jitħallas ma’ kull preżentata ta’ kawza, hawn ma jeżistix.  Dan ifisser li ċ-ċittadin ser isibha iktar faċli sabiex jirreferi kwistjoni quddiem dan l-arbitraġġ.  

3.         Specjalizzazjoni. - Fiċ-Ċentru għandek il-vantaġġ li l-arbitru jistgħu jagħżluh il-partijiet jew iċ-Ċentru nnifsu jekk ma jaqblux u dan ifisser li l-għazla ta’ dak li huwa ġudikant għall-partijiet m’hix f’ċertu sens fdata f’idejn ix-xorti, iżda determinata. Ghalhekk jintgħazlu persuni li jafu tajjeb is-suġġett u għandhom esperjenza u prattika tajba li tiffaċilita sabiex pendenza tinqata’ ferm iktar malajr.  

4.         Il-Kunfidenzjalita’. - Il-partijiet, jekk jiddeċiedu hekk huma, jistghu jagħzlu li dawn l-proceduri jsiru bil-magħluq u mhux bil-miftuħ kif inhuma bil-liġi fil-Qorti.  Dan jippermetti li x-xhieda u l-provi l-oħra kollha jibqgħu jinżammu privati u limitati għall-iskop tal-kawza.  

5.         Validi daqs sentenzi. - L-awards ta’ l-arbitri huma validi f’għajnejn il-liġi daqs sentenzi tal-Qrati tagħna. Għalhekk dak li jiġi deċiz u reġistrat jiswa daqs kull titolu eżekuttiv li fuqu kull mandat eżekuttiv bħal dawk ta’ qbid jew sekwestru jista’ jinħareġ validament taħt il-poter tal-Qorti.  

6.         Flessibilita’ fejn jiltaqgħu il-partijiet. - Il-partijiet jiddeċiedu huma fejn u f’liema ħin jiltaqgħu. Iċ-Ċentru għandu l-faċilitajiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku li jagħżel li jiltaqa’ hemm, iżda l-liġi ma torbotx li dawn iridu jsiru bil-fors hemm. Dan ifisser li kull min qiegħed involut jista’ jiltaqa’ fil-ħin li huwa komdu u għalhekk anki wara l-ħinijiet tax-xogħol.    

L-arbitraġġ, għalhekk, huwa strument importanti ħafna li f’dan il-pajjiz hemm bżonn nissudawh.  Hemm wisq nies li qed jibżgħu ghalxejn, proprju għax għadhom ma jafux biżżejjed kif jaħdem iċ-Ċentru u x’inhuma l-vantaġġi tiegħu. Sfortunatament ħafna persuni jikkundannaw mingħajr qabel ma jaraw x’hemm, jew bla ma qraw l-Att dwar l-Arbitraġġ.  

Il-Gvern huwa mpenjat li jkompli jaħdem f’din d-direzzjoni sabiex nissudaw dan il-post u nagħtu lill-poplu tagħna għodda effiċjenti u effikaċi sabiex il-kawżi jinqatgħu malajr kemm jista’ jkun, mingħajr dewmien żejjed. Il-poplu jinteressah li kellu kawża u ġiet deċiza , mhux li tibqagħlu pendenti sena wara l-oħra.    

Għalhekk qed indaħħlu dawn l-arbitraġġi mandatorji f’dawn is-setturi limitati għax inħossu li huma idonji li jiġu trattati u hemm maqtugħa aħjar.  Dan jgħodd għal dawn iż-żewġ setturi li tkellimt dwarhom qabel.  Għax għalkemm fil-kondominji ħafna drabi jkun hemm numru sew ta’ persuni bl-avukati rispettivi tagħhom involuti, dawn ma għandhomx jitħallew għal riħhom iżda jinqatgħu malajr kemm jista’ jkun.  Iktar u iktar meta sfortunatament wieħed jikkonsidra li minn dawn il-kawżi, proprju minħabba l-ġlied u l-atrit li jinqala’, jitwieldu kawżi ċivili oħra kif ukoll dawk kriminali ta’ ġlied u ta’ tgħajjir.  U hawn irridu ngħidu wkoll li ħassejna li ma kellniex nibqgħu b’partijiet biss mill-Att, kif kien sar qabel iżda għandna nieħdu ħsieb li l-Att kollu tal-Kondominji jiġi taħt iċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ.  

L-istess għar-rigward ta’ l-inċidenti tat-traffiku fejn m’hemmx ħsara fuq il-persuna kif ukoll li l-ħsara fuq il-proprjeta’ hija ta’ bejn l-Lm1,500 u Lm5,000 għandhom isiru taħt il-proċedura taċ-Ċentru.  Għażilna dan għax ħafna drabi f’dawn l-inċidenti jkun hemm ftit xiehda nvoluti.  Mill-esperjenza fil-Qorti wieħed isib li ħafna ma jkollhomx iktar minn tliet xiehda, iż-żewġ sewwieqa u, jew il-pulizija jew il-gwardjan lokali.  Nafu li dawn it-tipi ta’ kawżi jdumu wisq fil-Qorti tagħna anke jekk hemm ftit xiehda u għalhekk ser isiru fiċ-Ċentru sabiex inħaffu iktar.  

Nagħlaq billi nerġa’ ntenni li l-ewwel, dan il-proċess ta’ sussidjarjeta’ għandu jiġi ssudat u t-tieni, li l-proċess ta’ informazzjoni jissoda sabiex iktar persuni f’dan il-pajjiż jagħżlu li jużaw iċ-Ċentru.  

DOI – 01.10.2004

25.79 Kbytes Last Modified on 01st October, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Qed jiġi żviluppat smart work station biex xogħol relatat mal-manifattura jsir aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità

PR261944

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow