IL-GVERN IWAQQAF ID-DISKUSSJONIJIET MA’ SKANSKA MALTA JV
Il-Gvern iddeċieda li jwaqqaf b’effett immedjat in-negozjati ma’ Skanska Malta JV (SMJV) wara li dalgħodu gie nfurmat bl-aħħar kontro-proposti minn naħa ta’ l-SMJV.
Dawn in-negozjati bdew xahrejn ilu wara laqgħa tal-Prim Ministru ma’ uffiċjali għolja ta’ Skanska. Dak in-nhar, il-Prim Ministru nsista li għandha tingħata spjegazzjoni u ġustifikazzjoni għaż-żieda fl-istima li SMJV kienet qed tippreżenta lill-FMS biex l-isptar Mater Dei jitlesta u jinfetaħ. Dan fid-dawl tal-fatt illi lill-FMS kien qed jirriżultawlha diskrepanzi bejn l-istimi u l-proposti u l-valuri ndikati fil-kuntratt oriġinali mill-istess SMJV.
Dak in-nhar iż-żewġ naħat kienu qablu li jappuntaw tim ta’ negozjaturi biex jibdew negozjati intensivi mill-aktar fis possibbli. It-tim minn naħa tal-Gvern kien immexxi mis-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech.
Matul dawn l-aħħar xahrejn, inżammu numru ta’ laqgħat bejn iż-żewġ naħat, u dan mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet legali rispettivi.
Għalkemm matul il-laqgħat sar progress, dan ma kienx biżżejjed biex iwassal għall-ftehim fuq il-punti kollha li l-Gvern kien qed jinsisti dwarhom.
Dalgħodu, r-rappreżentanti ta’ l-SMJV ikkomunikaw il-pożizzjoni tagħhom lit-tim ta’ negozjaturi tal-Gvern. Wara li din il-pożizzjoni ġiet notifikata lill-Prim Ministru, ittieħdet id-deċiżjoni biex in-negozjati kollha jiġu sospiżi b’effett immedjat.
Il-Gvern għandu numru ta’ alternattivi quddiemu u fil-ġranet li ġejjin ser tittieħed deċiżjoni dwar dik li tkun fl-aħjar interess nazzjonali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944