‘IS-SIGURTA’ FIL-BAĦAR’ - MESSAĠĠ GĦAL JUM DINJI MARITTIMU MILL-ONOR. CENSU GALEA, MINISTRU TAL-KOMPETITTIVITA’ U KOMUNIKAZZJONI
L-industrija marittima għadha tilgħab rwol importanti ħafna fl-industrija tat-trasport u fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Il-pajjiżi kollha madwar id-dinja b’xi mod jew ieħor huma dipendenti mill-effiċjenza tas-servizzi pprovduti, billi dawn qegħdin jipprovdu komunikazzjoni vitali bejn iċ-ċentri marittimi dinjija.
It-tema magħżula mill-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (International Maritime Organisation – IMO) għal din is-sena, u li qiegħda tkun mfakkra tul din il-ġimgha, hi li jkun hemm konċentrazzjoni akbar fuq is-sigurta’ marittima. Din l-emfażi qiegħda ssir bl-aktar mod kostanti minnaktar minn 160 pajjiż li huma membri ta’ din l-Organizzazzjoni u permezz tal-kontribut attiv tagħhom, fosthom Malta , diġa’ daħħlu fis-seħħ serje ta’ regolamenti internazzjonali f’Lulju li għadda.
Fi kliem is-Segretarju Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni, “rridu nassiguraw li livelli għolja ta’ viġilanza flimkien ma’ kuxjenza mill-popli jiġu mantnuti, u applikati bl-aktar mod kostanti.” Bla dubju jkun kollu għal xejn jekk ikollna miżuri ta’ sigurta’ internazzjonali fis-seħħ, iżda li fl-istess waqt ma jkunux viġilati. L-implikazzjonijiet għal min għandu interess dirett fis-settur marittimu huma għolja wisq sabiex nesponu ruħna għal xi forma ta’ riskju.
Il-Gvern Malti hu kommess li jissalvagwardja dawn il-kunċetti u jara li, flimkien ma’ l-Awtorita’ Marittima ta’ Malta , jiġu mplimentati bl-aktar mod serju.
Wara li Malta, flimkien ma’ Ċipru, saret membru ta’ l-Unjoni Ewropea, ikkontribwejna sabiex l-istess UE saret l-akbar bandiera merkantili fid-dinja. Għalhekk l-interess tagħna kemm fil-qasam marittimu, u speċifikament fil-każ tas-sigurta’ tiegħu, hu ta’ importanza kruċjali. Pajjiżna, permezz tas-sehem attiv tiegħu f’ livelli Ewropej u wkoll fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, għadu qieghed jaghti, kontribut pro-attiv fuq dak li jikkonċerna dawn l-oqsma.
Il-Ministeru tal-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni, li hu direttament responsabbli mill-affarijiet marittimi, ġabar flimkien lil dawk kollha li għandhom sehem dirett f’dan is-settur u waqqaf il-Kumitat għas-Sigurta’ Marittima sabiex jassigura li dawn il-miżuri jiġu mplimentati u osservati. Dan il-kumitat qiegħed jassigura li ċertu miżuri jidħlu fis-seħħ, sabiex b’hekk dejjem tissaħħaħ is-sigurta’ portwarja u dik f’ibħra territorjali.
Il-Jum Dinji Marittimu hu kommemorazzjoni li trid tiġi mġedda ta’ kuljum. Malta hi kommessa li, bħala pajjiż ta’ rilevanza fi ħdan is-settur marittimu, l-obbligazzjonijiet lokali u internazzjonali tagħha ġġorrhom bl-aktar mod responsabbli, u hu għalhekk li rridu nassiguraw li s-settur marittimu jgawdi minn effiċjenza u sigurta’ aħjar. Dan ukoll qiegħed isir fl-interess li għandna fis-sostenibbilita’ ekonomika tagħna, u dik ta’ pajjiżi oħra.
Stqarrijiet Oħra:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944