Left arrow Go Back

MESSAĠĠ MILL-MINISTRU TA’ L-EDUKAZZJONI DR. LOUIS GALEA FL-OKKAZJONI TA’ SENA AKKADEMIKA ĠDIDA

PR1499
Date Icon 30/09/2004

Il-bidu tas-sena akkademika 2004-2005 hija l-aħjar opportunita` biex inniedi proċess ta’ djalogu nazzjonali li tul is-sena d-dieħla għandu jwassal għar-riformi meħtieġa fis-settur post-sekondarju, vokazzjonali u terzjarju.  Huwa b’hekk biss li nistgħu nkomplu nkattru nikkonsolidaw il-kisbiet kbar li saru s’issa, u nisfruttaw l-isfidi li qed niffaċċjaw biex nagħtu liż-żgħażagħ tagħna edukazzjoni għolja u taħriġ tal-kwalita` mehtiega biex insostnu l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali li l-poplu Malti u Għawdxi għandu dritt għalih.

L-ewwelnett irrid nilqa` bil-ferħ u b’sens ta’ impenn l-eluf ta’ studenti, żgħażagħ u adulti, nisa u rġiel, Maltin u Għawdxin, li qed jibdew jew ikomplu korsijiet ta’ studju u taħriġ f’diversi korsijiet u livelli, fl-Universita`, fl-MCAST, fl-ITS, fil-Junior College u s-Sixth forms, fil-Giovanni Curmi Higher Secondary School, u fil-Korsijiet għall-Adulti. Nawgura li lkoll lkoll flimkien, studenti u għalliema, jimpenjaw ruħhom fil-ħidma li daħlu għaliha biex jinkiseb s-suċċess mixtieq u fil-kwalita` meħtieġa.  

Insellem lill-mijiet ta’ professuri, lecturers, għalliema, tekniċi u ħaddiema, kif ukoll lill-mexxejja u amministraturi ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Irrid nirringrazjahom talli qed jiddedikaw l-intelliġenza u l-professjoni tagħhom fil-vokazzjoni u l-missjoni tat-tagħlim, tat-taħriġ u l-edukazzjoni f’dan il-livell.  

Meta nħarsu lejn dan il-qasam fl-edukazzjoni ta’ pajjiżna għandna żewġ aspetti.  Min naħa l-waħda għandna tassew nifirħu bil-progress u s-suċċess enormi li ksibna fl-aħħar ħmistax-il sena.  Min naħa l-oħra jeħtieġ b’għaqal u entużjażmu niffaċċjaw l-isfidi li dan is-suċċess u l-iżvilupp ta’ pajjiżna fid-dinja tal-lum qed iġibu magħhom.  

Huwa fatt rikonoxxut minn kulħadd li dan il-Gvern mill-bidunett għaraf u ta l-ogħla priorita` lill-edukazzjoni għolja u investa kemm seta` biex jgħin lil pajjiżna jirkupra u jsostni kemm jista` l-iżvilupp tar-riżorsa umana tiegħu.  L-investiment[1] ta’ LM 88 miljun fi spiża rikorrenti u kapitali u LM 70 miljun appoġġ soċjali f’Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti[2] fl-aħħar għaxar snin biss ġab miegħu żieda ta’ 80% fil-parteċipazzjoni ta’ studenti fis-settur post-sekondarju, vokazzjonali u terzjarju.  Suċċess storiku ieħor insibuħ fl-Universita` fil-fatt li n-numru ta’ nisa studenti f’dan is-settur issa qabeż sew l-irgiel u jinsabu fil-livell ta’ 55%.

F'din is-sena biss (2004) il-Gvern ser ikun investa f'dan is-settur edukattiv aktar minn LM 18 il-miljun fi spiża kapitali u rikorrenti.  Ma' dawn il-Gvern ivvota wkoll aktar minn LM 9 miljun f'għotjiet ta' manteniment lill-istudenti f'dan is-settur.  In-numru ta' dawk li qed ifitxxu li jkomplu l-istudju tagħhom qed ikompli jiżdied f'kull livell u qasam.  Figuri provvizorji juru li qrib 5,000 studenti applikaw biex jidħlu l-Universita`, inkluż kwazi elf applikazzjoni minn barranin.  Aktar minn 5,000 oħra applikaw biex ikomplu studju u taħriġ post-sekondarju u vokazzjonali.  

Dan kollu qed jiġri għax hekk irid il-Gvern.  Hekk hi l-politika u l-istrategija tal-Gvern.  Hekk jeħtieġ il-pajjiż. Mhux biss.  Il-Gvern irid jaħdem iżjed biex nersqu aktar lejn il-livell ta’ parteċipazzjoni u t-titjib fil-kwalita` li hemm fil-pajjiżi żviluppati u fl-Unjoni Ewropea.  Dan hu bżonn essenzjali għall-iżvilupp ta’ pajjiżna. Għaliex minkejja s-suċċess, xorta għadna lura meta inqabblu r-rata ta’ parteċipazzjoni ta’ dawk li jkomplu t-taħriġ u l-istudju tagħhom sa tnejn u għoxrin sena mar-rata li insibu f’pajjizi ta’ l-Unjoni Ewropea.  

Fil-ħmistax-il sena li għaddew b’suċċess kbir ittrasformajna dan is-settur mil-lejl għan-nhar b’ġid kbir għal pajjiżna u għall-poplu tagħna.  Il-politika u l-istrateġija adottati u mħaddma mill-Gvern taw il-frott mistenni.  Iżda issa irridu naffaċċjaw l-isfida li nadottaw politika u strateġija ġdida li tgħaddi għall-fażi li jmiss ta’ trasformazzjoni tas-settur ta’ l-edukazzjoni ogħla u tat-tiġdid u r-riforma ta’ l-istituzzjonijiet li jservuha.  

Min jaħseb li m’għandnix x’intejjbu, jew x’inbidlu, jew li nistghu nibqgħu mexjin kif aħna jagħmel żball kbir.  M’hemmx għazla.  Huwa ċar li s-suċċess qed iġib miegħu rejaltajiet u pressjonijiet ġodda li irridu nimmaniġjawhom bil-għaqal.  Jeħtieġ spinta ġdida u differenti li trid issostni ż-żieda meħtieġa fl-istudenti, it-titjib fil-livelli u fil-kwalita`, f’oqsma eżistenti u oħrajn ġodda li jservu lill-ekonomija tal-pajjiż, bl-appoġġ finanzjarju meħtieġ.  Din il-bidla qed inħossuha u niffaċjawha mhux biss aħna hawn Malta .  Qed iħossuha u jiddiskutuha l-pajjiżi kollha, anke l-aktar avvanzati, għax kulħadd jaf li fid-dinja tal-lum iċ-ċavetta u l-bażi ta’ kollox – saħħa, żvilupp, ġid u paċi – hi l-edukazzjoni, u l-edukazzjoni tul il-ħajja.  

M’hemmx dubju li din hi kwistjoni ta’ l-ogħla interess nazzjonali u għandha tiġi trattata f’dan l-ispirtu.  Il-kwistjonijiet li irridu niddeċiedu jaffettaw il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni li jridu jkomplu fuq dak li qed nibnu aħna.  

Tul din is-sena akkademika ġdida biħsiebni inpoġġi quddiem dawk kollha involuti il-kwestjonijiet fondamentali li rridu niddiskutu biex inpoġġu f’postu proċess ta’ tiġdid u tisħiħ tas-settur kollu post-sekondarju, vokazzjonali u terzjarju.  Huwa importanti li d-diskussjon issir kemm jista` jkun fuq bażi ta’ studji, ideat u opinjonijiet bażati fuq il-fatti u mhux sempliċiment fuq perċezzjonijiet.  

L-ewwel aspett li ser nibdew niddiskutu huwa l-finanzjament tas-settur kollu post-sekondarju, vokazzjonali u terzjarju. Biex kulħadd jiġi mgħejjun f’din id-diskussjoni, f’April li għadda jiena waqqaft Grupp ta’ Xogħol biex jiltaqa` ma’ dawk kollha interessati, jeżamina is-sitwazzjoni, u jagħti indikazzjoni ta’ miżuri meħtieġa biex inpoġġu l-finanzjament ta’ dan is-settur fuq bażi soda u sostenibbli.  

It-tieni aspett li ser niddiskutu huwa l-istrutturi u t-tmexxija ta’ l-istituzzjonijiet li qed iservu dan is-settur bil-ħsieb li jkun ċar għal kulħadd x’kontabilita`, kwalita`, flessibilita, imprenditorjalita`, u rilevanza għandu bżonn il-pajjiz fil-binja ekonomika u soċjali.  F’dan ir-rigward iridu jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex nirrazzjonalizzaw xi dupplikazzjoni li teżisti bl-iskop li l-Universita`, l-MCAST, l-ITS u l-ETC ma jibqgħux entijiet maqtugħin minn xulxin, iżda jkunu entijiet kull waħda b’missjoni ċara u ta’ identita` partikulari bl-awtonomija tagħha iżda li jaħdmu fi spirtu ta’ kooperazzjoni u kollaborazzjoni biex joffru servizz edukattiv u ta’ taħriġ sħiħ kif ukoll għażla wiesgħa liż-żgħażagħ.  Biex nersqu lejn dan l-iskop biħsiebni nipproponi lill-Gvern it-twaqqif ta’ Kummissjoni għall-Edukazzjoni Ogħla bil-mandat li għan-nom tal-Gvern u l-poplu tħares mill-qrib lejn l-operat u l-kwalita` edukattiva u ta’ taħriġ ta’ l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, tara li l-Gvern u dawk involuti jkollhom pjan strateġiku aġġornat u rilevanti għall-bżonnijiet tal-pajjiż, u teżamina u timmedja mal-Gvern il-baġits ta’ l-istituzzjonijiet.  

It-tielet aspett jirrigwarda ix-xogħol li qed nagħmlu bħalissa fuq liġi ġdida dwar l-edukazzjoni li mistennija tirrifletti l-iżviluppi ġodda li qed iseħħu sew fil-livell ta’ edukazzjoni ogħla kif ukoll fil-livelli ta’ edukazzjoni obbligatorja u l-ħwejjeġ l-oħra li huma meħtieġa fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna.  

Il-programm tagħna għas-sena d-dieħla hu intensiv u impenjattiv ħafna għal kulħadd.  Mhux biss għall-Gvern.  Il-Gvern se jixpruna u jikkoordina l-bidliet u l-iżviluppi meħtieġa.  Aħna ċerti li se nsibu l-kollaborazzjoni tas-setturi u l-organizzazzjonijiet konċernati kollha bħalma diġa' sibna fil-bidliet u pjanijiet li wettaqna f'oqsma oħra.  Biex flimkien infasslu u nwettqu dak li jixraq u li għandhom dritt għalih iż-żgħażagħ tagħna.  Biex nassiguraw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' pajjiżna bbazat fuq it-tagħlim u t-taħriġ; żvilupp b'saħħtu biżżejjed biex jirkeb l-isfidi qawwija ta' llum u tal-ġejjieni.  

Jiena fiduċjuż li jekk id-djalogu li ser nidħlu għalih u d-deċiżjonijiet li ser nieħdu jirnexxielna  nagħmluhom tajjeb flimkien b’kemm jista` jkun konsensus, allura jirnexxielna wkoll bil-mertu ta’ kulħadd nifthu paġna ġdida fl-istorja ta’ l-edukazzjoni ogħla.  Dan ifisser ġid għall-poplu u uliedu u għall-pajjiż tagħna.

Nawgura mill-ġdid sena akkademika ta' ħidma u sodisfazzjon lill-istudenti, lecturers u amministraturi ta' l-oqsma post-sekondarju u terzjarju.

[1] Universita`, MCAST, Junior College u ITS.
[2] Inkluz lill-istudenti tas-Sixth Forms

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

More Press Releases Right arrow