IL-MINISTERU GĦALL-INVESTIMENT, L-INDUSTRIJA U T-TEKNOLOĠIJA TA’ L-INFORMAZZJONI JAPPELLA LIS-SINDKI BIEX JURU SENS KOMUN FL-IMPLIMENTAZZJONI TA’ MIŻURI GĦAL UŻU AĦJAR MIR-RIŻORSI TAGĦHOM
Il-Ministeru għall-Investiment, l-Industrija u t-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni jirreferi għal rapporti li deheru f’sezzjoni ta’ l-istampa rigward ilmenti minn Sindki Laburisti wara preżentazzjoni li saret fl-aħħar Laqgħa tas-Sindki, mill-Kap tas-Segretarjat tal-Ministeru. Il-preżentazzjoni kienet dwar l-‘e-Government’ u l-ingaġġ u l-użu mill-Kunsilli Lokali ta’ impjegati ta’ l-IPSL Ltd, fl-imgħoddi mpjegati tat-Tarznari.
Il-Ministeru jixtieq jiċċara l-kuntest li fih saret il-preżentazzjoni lis-Sindki, minħabba li r-rapporti u l-kummenti li deheru fl-istampa jikkwotaw Sindki Laburisti jagħtu l-istampa skorretta li l-Gvern kien qed ifaqqa’ xi sorpriża spontanja li ħasdet lir-rappreżentanti tal-Gvern Lokali, b’impożizzjoni m’hux mistennija.
Il-preżentazzjoni li saret fl-aħħar tal-laqgħa tas-Sindki kienet rendikont ta’ taħdidiet ta’ l-aħħar għaxar xhur u qbil finali fuq il-qafas tal-proposta bejn il-Ministeru u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Irid jingħad li l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali nfurmat lill-Gvern li r-rappreżentanti kollha fl-Eżekuttiv tagħha, Laburisti u Nazzjonalisti, kienu qed jaqblu mal-qafas tal-proposta, li mbagħad kien ippreżentat lis-Sindki kollha nhar is-Sibt li għadda.
Qabel il-preżentazzjoni ta’ nhar is-Sibt, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, permezz tar-rappreżentanti Laburisti u Nazzjonalisti tagħha, qablet li l-proposta tal-Gvern kienet soluzzjoni għas-sitwazzjoni preżenti fejn il-Kunsilli Lokali m’hux jirnexxielhom jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi umani li għandhom f’idejhom, kif ukoll biex tkun tista’ titkompla l-hidma fil-qasam ta’ l-e-Government fuq bazi lokali. Barra minn hekk, kien hemm qbil li kwalunkwe użu ta’ riżorsi umani għandu l-ispiża tiegħu, li għandha titħallas minn fejn qed tintuża. Iż-żewġ naħat qablu wkoll fuq il-mudell ta’ finanzjament ta’ dawn ir-riżorsi umani fid-dawl tal-limitazzjonijiet finanzjarji kemm tal-Gvern Lokali kif ukoll tal-Gvern ċentrali.
Minkejja dan il-qbil, xi Sindki Laburisti, b’koordinament bejniethom, urew li riedu jostakolaw il-progress li jista’ jsir l-aħjar, b’kunsens bejn il-partijiet kollha: Lokali u ċentrali, Laburisti u Nazzjonalisti. Hu ċar li minkejja li xi Sindki Laburisti għandhom is-sens komun li jgħarblu dak li għandhom quddiemhom qabel ma jaqbzu għal konkluzjonijiet, Sindki Laburisti oħra jidhrilhom li xogħolhom hu li jfixklu akkost ta’ kollox.
Hu għalhekk li minkejja li l-Ministeru kien qed jagħmel proposta f’Laqgħa tas-Sindki f’kuntest fejn kulħadd kien ikollu l-opportunità jiddiskuti u jgħid fejn jaqbel u ma jaqbilx, xi Sindki Laburisti ddeċidew li f’dan l-istadju bikri jperrċu din il-kwistjoni fil-mezzi tal-komunikazzjoni Laburisti biex jagħmlu pressjoni fuq sħabhom moderati ħalli jirreżistu qbil.
Jidher li din il-mobilizzazzjoni kontra l-kunsens politiku hi orkestrata ċentralment mill-Partit Laburista li qed juża wkoll il-media tiegħu biex jassigura li flok is-sens komun u l-kuxjenza pubblika, jsaltnu l-partiġġjaniżmu u l-inkejja.
Il-Ministeru jappella biex is-Sindki jerfgħu r-responsabbiltà li tawhom il-votanti tagħhom li jiddeċiedu fl-interess pubbliku u li jikkunsidraw il-proposta tal-Gvern maqbula mir-rappreżentanti tagħhom (Laburisti u Nazzjonalisti) fl-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali b’moħħ miftuħ u mingħajr ma jħallu infantiliżmi partiġġjani jfixkluhom mid-deċiżjoni tagħhom.
Il-Ministeru jikkonferma wkoll li ressaq talba lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali biex tkun tista’ titkompla d-diskussjoni fuq din il-proposta meta l-Assoċjazzjoni ssejjaħ it-tkomplija tal-Laqgħa tas-Sindki li bdiet nhar is-Sibt li għadda u li ġiet aġġornata ‘sine die’.
Other Press Releases:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944