STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL- ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’ DWAR TAXXA FUQ IL-PROPRJETA’ TA’ PERSUNI RESIDENTI FI DJAR TA’ L-ANZJANI
B’referenza għall-istqarrijiet tad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, l-Onor. Charles Mangion, dwar taxxa fuq proprjeta’ ta’ persuni residenti fi djar ta’ l- anzjani, kif rappurtat minn diversi ġurnali, is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’ jixtieq jiċċara li mhux minnu li l-Gvern qed jintaxxa b’mod arbitrarju l-valur kapitali tal-proprjeta’ kollha ta’ l-anzjani residenti fid-djar ta’ l-anzjani bir-rata ta’ 5.5%.
Dak li qed jiġri huwa li:
1. ir-residenza prinċipali ta’ l-anzjani qed tiġi eskluża
2. proprjeta’ li tirrendi xi forma ta’ qliegħ, bħal ċnus jew kera, hija wkoll eskluża għaliex jiġi kkunsidrat biss id-dħul attwali
3. 5.5% tal-valur ta’ propjeta urbana u battala jiġi kkunsidrat bħala introjtu u allura 60% tiegħu jiġi miżjud ma’ l-ammont li l-anzjan/a jikkontribwixxi għaż-żamma tagħhom f’residenzi ta’ l-anzjani.
Dan kollu huwa dejjem suġġett għall-prinċipju li fl-aħħar tal-kalkolu, l-anzjan/a għandu / għandha jibqgħalhom Lm600 fis-sena ghad-dispożizzjoni tagħhom.
Tajjeb li wiehed jinnota li dan il-prinċipju m’huwiex xi wieħed ġdid; huwa applikat ukoll fil-kalkoli għall-assistenza soċjali (old age pensions) u l-benefiċċji applikabli għal min qed ifittex ix-xogħol. B’hekk nirrendu aktar ġust u korrett il-kalkolu tad-dħul tal-individwu konċernat.
Fl-aħħarnett is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ jixtieq jippreċiża għal darb’oħra illi l-kontribuzzjoni ta’ 80% titħallas biss minn dawk ir-residenti illi qed jirċievu kura f’livell 2 u mhux l-anzjani kollha li huma residenti f’xi dar ta’ l-anzjani.
Stqarrijiet Oħra:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944