LOKALITA` B' ATTRAZZJONIJIET KBAR TURISTICI
In-Naxxar għandu l-mappa turistika tiegħu. Din ġiet imnedija mill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech u mis-Sindku tan-Naxxar Dr Maria Deguara waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet fejn tfakkar il-Jum Dinji tat-Turiżmu u s-sehem li n-Naxxar jagħti għal dan is-settur importanti ta’ l-ekonomija tal-pajjiż.
Meta indirizza l-konferenza ta’ l-aħbarijiet il-Ministru Zammit Dimech fakkar li n-Naxxar kien wieħed fost l-eqdem irħula ta’ Malta u għalhekk ma kienx jonqos li kellu ħafna x’joffri lill-istorja ta’ pajjiżna. Francis Zammit Dimech qal li fin-Naxxar hemm evidenza ta’ l-istorja tal-qedem ta’ pajjiżna bit-tempji megalitiċi Tal-Qadi; il-cart ruts tas-Salina li jintemmu fit-telgħa Ta’ Alla u Ommu; id-dolmens fil-Magħtab li huma fdalijiet ta’ l-era tal-Bronz; oqbra puniċi; barrieri Rumani u katakombi Insara fis-Salina. Hu qal li fin-Naxxar hemm ukoll erba’ torrijiet fosthom tnejn minn ta’ De Redin, parti mill-Victoria Lines, pill box u redoubt.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li n-Naxxar hu sinjur ħafna fi knejjes u kappelli li minnhom hemm ħdax. Hu qal li l-Knisja parrokkjali, li nbniet bejn l-1616 u l-1630, hi waħda mill-isbaħ ta’ Malta . Fin-Naxxar hemm ukoll palazzi u ċentru storiku li hu ta’ attrazzjoni għal kull min iżurna.
“Il-ħsieb tal-Kunsill Lokali Naxxar li jippubblika mappa dwar il-lokalita’ b’dak kollu li tista’ tara fiha hu wieħed li bla dubbju se jgħin biex in-Naxxar jitpoġġa fuq il-mappa turistika ta’ pajjiżna. F’Malta u Għawdex għandna lokalitajiet, bħan-Naxxar, li għadhom m’humiex magħrufa biżżejjed mat-turisti. Għalhekk kull inizjattiva li tittieħed f’dan ir-rigward hi ta’ min jirrikmandha,” sostna il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lill-Kunsill Lokali għall-ħidma tiegħu b’risq il-lokalita’ u favur is-settur turistiku, li minnu jiekol kulħadd u li għalhekk għandna nagħmlu kull sforz biex insaħħuh.
Other Press Releases:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944