Left arrow Go Back

ABBOZZ TA’ LIĠI NUMRU 31 – ATT DWAR IL-MEDJAZZJONI

PR1480
Date Icon 28/09/2004

B’dan l-abbozz ta’ liġi, il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern qiegħed jieħu ħsieb l-introduzzjoni f’pajjiżna ta’ qafas legali għat-twaqqif ta’ l-istitut tal-Medjazzjoni permezz ta’ Ċentru tal-Medjazzjoni. Fil-fatt dan huwa abbozz ta’ liġi ieħor li jingħaqad ma’ diversi oħra li dan il-Ministeru kien diġà responsabbli għalihom fix-xhur li għaddew, per eżempju: iż-żewġ abbozzi ta’ liġi li jemendaw il-Kodiċi Ċivili, dak li jemenda r-Reġistru Ċentrali, dak li emenda l-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili u dak li emenda l-Att dwar ir-Refuġjati. 

Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Gustizzja u Intern, l-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici waqt Konferenza Stampa li ta llum fl-uffiċċju tiegħu f’Auberge d’Aragon, dwar l-Att dwar il-Medjazzjoni.  

Iċ-Ċentru għall-Medjazzjoni qiegħed jiġi mwaqqaf għal numru ta’ raġunijiet.  

1.         Il-medjazzjoni hija parti importanti mill-familja magħrufa bħala “ADR” (Alternative Dispute Resolution) li huma r-risposta moderna u loġika ta’ ħafna demokraziji sabiex il-kwistjonijiet legali bejn iċ-ċittadini tagħna ma jibqgħux marbuta u mgħobbija mal-Qrati tal-Ġustizzja.  Iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni, flimkien ma’ ħuħ iċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ, li aħna wkoll kommessi sabiex jissoda ruħu u jikber, sejjer jipprovdi mekkaniżmu legali ġdid sabiex il-partijiet fi kwistjonijiet jaslu għal qbil bejniethom.  Għax il-medjazzjoni huwa proċess sħiħ fejn il-partijiet jieħdu sehem, anzi jipparteċipaw direttament huma sabiex jaslu fi ftehim.  Ftehim li jafu diġà x’fih u kif ser jolqothom u jaffettwahom u dan kuntrarju fis-sħiħ għall-proċess ta’ kawża fejn il-ġudikant jiddeċiedi.  

2.         Irid jiġi mfakkar li għalkemm tul dawn l-aħħar snin, bil-miżuri li ttieħdu fl-aħħar leġislatura li permezz tagħhom il-volum tal-kawżi ċivili naqas sew fuq dak li kien qabel, xorta waħda dawn huma ħafna iktar milli wieħed jista’ jaċetta għal gżira tad-daqs tagħna.  Is-sitwazzjoni mhix proprju pjaċevoli xejn għax wara l-istatistika tal-Qorti li tidher ta’ kull xahar hemm bnedmin ta’ dan il-poplu li qed jistnennew li l-każ tagħhom jiġi deċiż.  Kulħadd jaf li dan il-Gvern huwa deċiż u determinat li jara l-loġika u s-sens komun jirrenjaw.

  L-istatistika pubblikata fl-aħħar ta’ Awissu turi li hemm

·        1,215 appelli pendenti,

·        8,048 kawżi pendenti quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili;

·        1,696 fil-Qorti tal-Maġistrati u

·        2,267 fit-Tribunal għat-Talbiet Żgħar. 

  Dan huwa tnaqqis meta tqis li f’Awissu tas-sena l-oħra kien hemm

·        1,367 fil-Qorti ta’ l-Appell;

·        8,959 fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili;

·        1,715 fil-Qorti tal-Maġistrati u

·        1,968 fit-Tribunal għat-Talbiet iż-Żgħar. 

Tnaqqis minn 14,009 għal 13,226 – jiġifieri tnaqqis ta’ 5.5%, li huwa tajjeb, pero’ mhuwiex biżżejjed sabiex wieħed jipprospetta tnaqqis iktar rapidu tal-kwistjonijiet legali.  Dan apparti l-fatt li 45% tagħhom, u cioe’ 5,933 ilhom tlett snin u iktar b’konċentrazzjoni kbira fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ta’ 4,189 u cioe’ 71% ta’ dan l-ammont.  Dawn huma l-figuri li jindikaw li hemm bżonn rimedji ġodda għal dak li għandna llum.  

            Dan jindika b’mod ċar li hemm bżonn mezzi u strumenti ġodda sabiex jibdlu s-sitwazzjoni sabiex kwistjonijiet li soltu jispiċċaw f’kawżi jkunu jistgħu jinħelsu malajr kif ukoll li min qiegħed diġà il-Qorti jista’ jagħżel li jagħmel użu mill-medjazzjoni u jasal fejn ilu snin sabiex jikkonkludi.  L-esperjenza ta’ dawn is-snin urietna li ma huwiex biżżejjed li nżidu l-imħallfin u l-maġistrati, kif għamilna sabiex innaqqsu l-kawżi, iżda hemm bżonn ta’ rimedji oħra u differenti minn dak li kellna.  Jekk ma niċċaqalqux ser nibqgħu naraw l-elettorat tagħna frustrat u rrabjat li jsib ruħu f’kawża fejn jitlef ħafna ħin, xogħol u spejjeż.  Il-poplu li jispiċċa f’kawża jispiċċa ħafna drabi bl-imrar tad-dewmien kbir, ħela ta’ ħin fil-kuriduri tal-Qorti jistenna l-kawża tissejjaħ u jittama li l-avukati taż-żewġ naħat jidhru proprju għax ma hemmx ipprogrammar tajjeb.  Ir-riżultat ikun ħafna drabi li dak li jista’ jingħalaq fi ftit siegħat idum ikaxkar is-snin.  

            Wasal iż-żmien li ma nibqgħux poplu li jħares lejn il-Qorti bħala l-mekka unika fejn wieħed jista’ jsolvi problemi u kwistjonijiet legali u tibda tidħol iktar il-mentalità fost in-nies u l-kultura legali fost l-avukati li l-medjazzjoni hija soluzzjoni legali oħra tajba.  

3.         Il-medjazzjoni hija proċess sempliċi iżda effikaċi li permezz tiegħu terza persuna mħarrġa apposta tiltaqa’ maż-żewġ naħat u twassalhom għal ftehim li huma kuntenti bih it-tnejn. Hija, biex ngħidu hekk, forma moderna tas-senserija kif ukoll fl-istess ħin persuna kapaċi ġġib ftehim fejn hemm id-diffikultajiet u rjus iebsa.  Hija direzzjoni oħra li tara li qabel wieħed jispiċċa fl-inkwiet tal-Qorti, jesplora l-possibilità li jidħol fi proċess legali huwa wkoll li permezz tiegħu jsib is-soluzzjoni tal-problema.  

4.         Hemm ukoll is-segwenti raġunijiet:

a)Tnaqqis fl-ispejjeż.  Ħafna drabi l-kawżi fil-Qorti jinvolvu spejjeż tajba li f’numru ta’ drabi, anke jekk il-kawża tidher li rbaħtha, tant tkun infaqt flus u tlift ħin li tibda tiddubita’ fuq dan.  Mentri huwa magħruf li l-medjazzjoni ma tantx iddum u l-ispejjeż tagħha huma inqas.
b)Telf ta’ ħin.  Huwa magħruf li l-kawżi fil-Qorti jieħdu ħafna snin sabiex jinqatgħu.  Taf meta tibda u ma tafx meta tispiċċa.  Mhux biss, iżda titlef ukoll il-kont bid-differimenti li jsiru ta’ xhur sħaħ.  Mentri fil-medjazzjoni, l-ewwel taf meta tibda u taf meta tispiċċa, u t-tieni huwa proċess kontinwu sakemm tasal għal ftehim.
c)Il-ħin ifisser ukoll flus.  Nies fin-negozju jħarsu prinċipalment sabiex imexxu l-aġenzija tagħhom ’il quddiem sabiex jagħmlu profitt u ma jeħdux gost jitilfu l-ħin fil-Qrati. Iż-żmien meħud minn fuq il-lant tax-xogħol huwa nuqqas fil-produttività.  Mhux biss.  Min għandu kawża jispiċċa jċaħħad lilu nnifsu mill-ħin tal-familja u tal-mistrieħ.  Mentri fil-medjazzjoni dan huwa kollu kkontrollat.
d)L-effetti ħżiena tal-pubbliċità.  Meta ssir kawża fil-Qorti kulħadd isir jaf bil-problemi u bid-dettalji.  Mhux l-ewwel darba li dan fisser telf ta’ negozju għax min qiegħed jidħol fil-kuntratti jippreferi jagħmel dan ma’ min ma għandux problemi milli ma’ dak li għandu. Mhux biss.  Anqas hija ġdida li ħaddieħor japprofitta ruħu mis-sitwazzjoni.  Mentri fil-medjazzjoni kollox isir bil-magħluq, b’mod kunfidenzjali u bis-sigriet, b’mod u  manjiera li l-partijiet biss ikunu jafu bil-problemi.
e)Tnaqqis fil-piki.  Min jispiċċa f’kawża ħafna drabi jispiċċa jxellifha minn ma’ ħaddieħor b’mod u manjiera li r-relazzjoni tagħhom titkisser.  Mentri fil-medjazzjoni n-negozju jibqa’ għaddej u l-partijiet jibqgħu kapaċi jwasslu lilhom infushom sabiex jidħlu fin-negozju fil-futur.

5.         Ma’ dan irid jingħad ukoll li meta fis-16 ta’ Diċembru, 2003 daħal fis-seħħ l-Avviż Legali li permezz tigħu għall-kawżi l-ġodda ta’ separazzjoni bdiet topera s-sistema tal-medjazzjoni, kien hemm persuni li akkużawna li konna nġusti magħhom.  Dawn kienu koppji li kienu diġà fil-Qorti u għalhekk dak l-Avviż Legali ma kienx applikabbli għalihom.  B’dan l-abbozz qegħdin nagħtu l-possibilità lill-Qorti jew lill-partijiet jagħmlu talba sabiex il-każ tagħhom jiġi riferut lil medjatur.

            Mhux biss, iżda anki kull kawża oħra ċivili, kummerċjali jew industrijali li hija diġà pendenti quddiem il-Qrati tagħna tista’ tiġi riferuta quddiem medjatur u għalhekk wieħed għandu l-possibilità li jsolvi kawżi diġà pendenti.

6.         Għalhekk il-Gvern ħass il-bżonn li jwaqqaf Ċentru għall-Medjazzjoni li jieħu ħsieb jirregola s-settur.  Dan billi jieħu ħsieb il-kwalifiki neċessarji sabiex wieħed jista’ jagħmilha ta’ medjatur, jipprovdi listi ta’ medjaturi speċjalizzati f’ċerti setturi, jipprovdi għall-ħlas dovut, kodiċi ta’ etika li jrid jiġi osservat minnhom, kif ukoll li jieħu ħsieb li jkun hemm kunfidenzjalità rispettata u l-professjonalità neċessarja.  Dak kollu li jsir fil-medjazzjoni ma jistax jinġieb bħala prova f’kawża futura iżda jibqa’ bejn il-ħitan tal-partijiet.

7.      Iċ-Ċentru huwa pass kbir u importanti sabiex dan il-pajjiż jagħmel qabża oħra kbira fid-direzzjoni t-tajba.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Qed jiġi żviluppat smart work station biex xogħol relatat mal-manifattura jsir aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità

PR261944

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

More Press Releases Right arrow