L-EKONOMIJA TA’ PAJJIŻNA QED TOĦLOQ OPPORTUNITAJIET ĠODDA FIL-QASAM KUMMERĊJALI
“Iż-żjieda fin-numru ta’ self-employed tixhed li l-attivita’ kummerċjali f’pajjiżna qed tiżdied, u dan is-settur qed ikun kapaċi joħloq opportunitajiet ta’ mpjiegi ġodda. Il-ġejjieni tas-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna ser ikun ukoll jiddependi minn kemm ser inkunu kapaċi nippemettu li l-attivita’ kummerċjali tkompli tiżdied”. Dawn kienu l-kummenti li ta l-Ministru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomici, l-Onor. John Dalli, f’konferenza stampa li fiha ġiet pubblikata statistika rigward kif qed jiżdied in-numru ta’ dawk li qegħdin isibu opportunita’ ta’ impieg f’attivita’ kummerċjali bħala self employed.
Is-Sur Alfred Camilleri, Direttur Ġenerali ta’ l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, kien l-ewwel kelliemi f’din il-Konferenza Stampa fejn spjega l-istatistika li turi minn x’hiex huwa kompost dan is-settur, u f’hiex jikkonsisti dan is-settur tas-self-employed.
Il-Ministru Dalli irrefera għal din iż-żjieda tan-numru ta’ persuni li għażlu li jinvestu fil-ħila tagħhom stess u jaħdmu bħala self-employed. “Din iż-żjieda tixhed li l-ekonomija ta’ pajjiżna qed titbiddel bħalma qed jiġri f’pajjiżi oħra. Il-politika l-ġdida ta’ pajjiżna għandha tkun politika li kapaċi tippermetti li l-kummerċ isir u jiżdied; u min jaħdem bħala self-employed jaħdem bl-anqas xkiel burokratiku possibbli. Il-Gvern diga’ qed jaħdem biex jimplimenta politika impreditorjali li għandha tgħin biex ikollna teħid ta’ deċiżjonijiet li jkunu iżjed business friendly."
Il-Ministru Dalli kompla jisħaq fuq il-ħtieġa li f’pajjiżna naddottaw Politika Imprenditorjali, meta tkellem dwar l-impenn tal-Ministeru tal-Finanzi u l-Affarijiet Ekonomiċi f’dan ir-rigward : “Jiena qed nara li fil-Ministeru tieghi stess, isir it-tibdil kollu meħtieġ, biex din il-politika mprenditorjali - li għandha tgħin lil kull min jidħol fin-negozju u jaħdem bħala self-employed, ikun aktar mifhum u apprezzat u mgħejjun, tkun id-direzzjoni ta’ kull Dipartiment u Awtorita’ fi ħdan il-Ministeru tieghi u dan b’enfażi partikolari għall-Malta Enterprise, li jiena ridt li bħala prijorita’ fil-ħidma tagħha, jkollha s-setturi kollha kummerċjali. Din hija l-politka l-ġdida li neħtieġu f’pajjiżna.”
F’din il-konferenza stampa tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru, l-Onor. Edwin Vassallo li huwa responsabbli milll-kordinazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-politika mprenditorjali, fejn irrefera għal din l-istatistika bħala informazzjoni nkoraġġanti, li qed turi li dan is-settur filwaqt li qed jiżdied fin-numru, qed ukoll iżid il-kontribuzzjoni tiegħu lejn il-ħolqien tal-ġid li pajjiżna kapaċi joħloq.
“Il-Gvern huwa mpenjat li jara li n-numru ta’ min qiegħed fl-attivita’ kummerċjali bħala self-employed, ikompli jiżdied. Irridu nkomplu nnaqqsu l-burokrazija eċċessiva li hija l-akbar xkiel għal dan is-settur. Il-Gvern huwa mpenjat ukoll li jara li l-innovazzjoni u r-riċerka ikunu il-qofol ta’ l-għajnuna li huwa jrid jagħti lil min jidħol f’attivita’ kummerċjali bħala self-employed. Iżjed ma nżidu n-numru ta’ dawk li qegħdin jaħdmu bħala self-employed fl-attivita’ kummerċjali ta’ pajjiżna u naraw li joffru servizz differenti minn xulxin, iżjed inkunu qegħdin niggarantixxu s-suċċess ekonomiku li dan il-pajjiż jeħtieġ, u dan għaliex dan huwa wkoll is-settur li qed joħloq opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en