KLANDESTINI LI WASLU SQALLIJA JINTBGĦATU LURA MALTA
Wara konsultazzjonijiet u negozjati bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Taljan, ġie miftiehem li 84 klandestin, li kienu waslu Sqallija mill-ibħra territorjali Maltin jiġu ripatrijati lura lejn Malta.
Dan ir-ripatriju sar minħabba li ġie stabbilit li meta l-lanċa li kienet qed iġġorr dawn il-klandestini resqet sa mil u nofs ’il bogħod minn Malta, din għamlet hekk minħabba r-riħ qawwi, u cioe’ minħabba li ma setgħetx tkompli l-vjaġġ tagħha għax kienet “in distress”.
Kif diġà ħabbar il-Gvern, jekk skond il-liġi internazzjonali ta’ salvataġġ fuq il-baħar, jirriżulta li dgħajsa hi “in distress”, din għandha tidħol fl-eqreb port sigur.
Fil-fatt hekk ġara b’100 klandestin li niżlu mid-dgħajsa. Il-kumplament irrifjutaw li jinżlu Malta . Dan ma jfissirx li Malta m’għandhiex l-obbligu skond il-liġi internazzjonali li taċċettahom hi.
Id-deċizjoni tal-Forzi Armati li ma jużawx forza sabiex ma jħallux l-istess dgħajsa titlaq mill-ibħra territorjali, kienet waħda għaqlija, pero’ ma tbiddlitx il-pożizzjoni legali dwar l-obbligi internazzjonali ta’ Malta .
Ħames (5) persuni mhux se jintbagħtu lura Malta peress li qed jiġu investigati fl-Italja b’konnessjoni ma’ traffikar ta’ persuni.
Fl-ebda mument ma ġie applikat il-Ftehim tat-8 ta’ Diċembru 2001 bejn Malta u l-Italja peress li dan japplika biss għal klandestini li jkunu fuq art Maltija jew f’ibħra interni, bħal port jew bajja, u mhux għal dawk li jkunu biss fl-ibħra territorjali.
Other Press Releases:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944