Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. TONIO BORG, VIĊI PRIM MINISTRU U MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN WAQT IL-LAQGĦA TAS-SINDKI – 25 TA’ SETTEMBRU 2004

PR1470
Date Icon 27/09/2004

Ninsab sodisfatt li għal sena oħra erġajt ġejt mistieden biex nindirizza l-laqgħa tas-sindki, li issa saret appuntament regolari fl-aġenda tiegħi bħala Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali.   

Nixtieq qabel xejn nibda billi noffri s-solidarjetà tiegħi ma’ kull sindku, viċi sindku u kunsillier li jisfa vittma ta’ kull xorta ta’ vjolenza minħabba l-qadi ta’ dmirijietu.  Atti bħal dawn għandu jattiraw l-istmerrija u l-kundanna bla riservi ta’ kulħadd.  

Okkażjonijiet bħal laqgħa tal-lum iservu sabiex inġeddu l-konvinzjoni li d-demokrazija lokali hija komponent fundamentali tad-demokrazija f’Malta u fl-Ewropa.  Il-Gvernijiet Lokali twaqqfu prinċipalment biex il-poter jigi deċentralizzat u jgħaddi għand rappreżentanti tal-lokalitajiet li huma aktar viċin ir-residenti u jistgħu jirrispondu għall-htiġijiet tagħhom b’mod aktar veloċi u komprensiv milli jista’ l-Gvern Ċentrali.  

Dan naturalment ma jfissirx li l-ħsieb tal-Gvern b’xi mod kien li jirrinunzja mir-responsabbilità tiegħu u jfarfarha fuq il-Kunsilli u jitlaqhom għal riħhom.  Kemm ilhom imwaqqfa l-Kunsilli Lokali, il-Gvern, minn sena għal sena dejjem impenja ruħu mill-aħjar li seta’ biex jikkonsolida d-demokrazija lokali f’Malta billi jgħin b’kull mezz possibbli lill-Kunsilli Lokali fil-ħtigijiet tagħhom.  

Matul din is-sena finanzjarja, l-Kunsilli Lokali se jkunu ngħataw Lm10.15 miljuni netti mingħand il-Gvern.  Din hi l-allokazzjoni netta li meta mqabbla ma’ l-allokazzjoni netta tas-sena li għaddiet, wieħed isib li hemm zieda ta’ Lm 350,000.  

Apparti l-allokazzjoni finanzjarja, il-Kunsilli Lokali jdaħħlu medja ta’ żewg miljun lira fis-sena mis-sistema ta’ l-infurzar lokali, minn by-laws, u minn sorsi oħra ta’ dħul.  

F’dawn l-aħħar xhur 242 ħaddiem mill-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura kif ukoll ex-ħaddiema tal-Malta Shipbuilding gew assenjati lill-Kunsilli Lokali.  Is-salarji tagħhom qed iħallashom il-Gvern.  

Fil-lokalitajiet differenti sar ħafna xogħol ta’ restawr fuq bini storiku, bini ta’ toroq ġodda li qatt ma kienu saru qabel u proġetti kapitali ta’ tisbiħ fil-lokalitajiet bħal promenades fiż-żoni turistiċi.  

Żidna n-numru ta’ kontravenzjonijiet li jistgħu jiġu nfurzati mill-gwardjani lokali, u komplejna għaddejjin bir-ritmu ta’ devoluzzjoni ta’ propjetà tal-Gvern.  Maul l-aħħar sena u nofs, 16 –il propjetà tal-Gvern giet devoluta lil ħmistax –il Kunsill Lokali.  Ewlenin fosthom Ġnien Pawlu Boffa lill-Kunsill ta’ Raħal Gdid, Ġnien is-Sindku lill-Kunsill Lokali ta’ l-Imdina, ‘Dar Mattia Preti’ lill-Kunsill Lokali taz-Żurrieq, xelters tal-gwerra, ġonna pubbliċi u faċilitajiet sportivi oħra.  Meta użati bil-għaqal dawn il-proprjetajiet jistgħu iservu ta’ sors finanzjarju mill-aktar lukrattiv.  

Daħħalna fis-seħħ aktar by-laws li ppermettew lill-Kunsilli jkunu jistgħu jagħmlu riklami ma’ l-għamara tat-toroq, u komplejna bl-iskema fejn il-Kunsilli jingħataw il-fondi għall-kostruzzjoni tat-toroq.

Nixtieq ukoll nagħmel osservazzjoni oħra la qegħdin fuq it-tema tal-finanzi.  Il-Kunsilli Lokali matul is-sena li għaddiet taw kważi Lm46,000 f’donazzjonijiet.  Is-sena ta’ qabel is-somma kienet ta’ kważi Lm27,000 u parti minnhom kienu illegali, jiġifieri jaqbżu il-massimu ta’ Lm50 fis-sena li kull Kunsill jista’ jagħti bħala donazzjoni.  M’għandix dubju li dan li semmejt huwa l-eċċezzjoni u mhux ir-regola, izda persważ li dawn il-fondi għandu jsir użu aħjar minnhom.  

Naf li l-maġġoranza tagħkom jagħmlu xogħol fejjiedi bl-akbar sens ta’ integrità u misjuq mis-sens ta’ dedikazzjoni lejn il-lokal u lejn ir-residenti li intom tirrappreżentaw.  Illum ġejt l-aktar biex nirringrazzja personalment lil kull wieħed u waħda minnkom, flimkien mal-kunsilliera tagħkom, tax-xogħol li tagħmlu senza interessi.   

Il-Kunsilli Lokali, wara aktar minn ħdax –il sena mit-twaqqif tagħhom biddlu mill-qiegħ il-mod ta’ kif ir-residenti jagħmlu użu minn ħafna mis-servizzi li joffri l-Gvern.  Il-Kunsilli llum iservu ta’ front office ta’ bosta servizzi, iservu ta’ uffiċċju informazzjoni fejn iċ-ċittadin jista’ jsib min jgħinu jsib tarf ta’ bosta mid-diffikukltajiet li jiltaqa’ magħhom.  Qed jagħtu d-daqqa t’id meħtiega biex jgħinu lil dawk li m’għandhomx aċċess għall-internet u l-posta elettronika biex jiffamiljarażżjaw ruħhom ma’ din it-tip ta’ teknoloġija u jitgħallmu jisfruttawha aħjar.  

Bħalissa l-Gvern wasal biex jiffinalliżża emendi fl-Att dwar il-Kunsilli Lokali.  Huma emendi li wasalna għalihom wara proċess twil ta’ konsultazzjoni li beda f’Ottubru tas-sena li għaddiet fil-Konferenza Nazzjonali li fiha fassalna t-triq li d-demokrazija lokali f’pajjiżna għandha tieħu.  Huma emendi li m’għandix dubju li se jintlaqgħu tajjeb, l-aktar minħabba li kontu intom stess li ssuġġerejtu ħafna minnhom.  Dan l-eżerċizzju għalija kien utli ħafna u ninsab sodisfatt li fl-aħħar wasalna biex ikollna sistema ta’ Gvern Lokali li tixraq aktar lil pajjiż bħala tagħna.  

Inkun qed nirrifletti wkoll il-ħsieb tal-maġġoranza tal-poplu Malti, meta nirringrazzjakom tax-xogħol li tagħmlu għall-ġid tar-residenti.  Li kieku ma kienx għall-Kunsilli Lokali, ħafna proġetti li llum huma realtà lanqas biss konna noħolmu li jsiru.  Għalhekk fiduċjuż li jekk inkomplu nibnu fuq it-tajjeb li għamilna u nippruvaw insewwu fejn hemm ħażin, l-ostakli li qed niffaċċjaw nistgħu negħlbuhom b’suċċess.  

Nawguralkom aktar xogħol fejjiedi u ntenni l-impenn tal-Gvern li jagħtikom l-għajnuna kollha tiegħu mingħajr riserva.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Qed jiġi żviluppat smart work station biex xogħol relatat mal-manifattura jsir aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità

PR261944

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

More Press Releases Right arrow